Filmat: Protesta Black Lives Matter fil-Belt

Read in English.

LIVE: Black Lives Mattter in Malta

Posted by Newsbook Front Page on Monday, June 8, 2020

Fil-Belt Valletta lbieraħ saret l-ewwel protesta f’appoġġ tal-moviment Black Lives Matter f’Malta wara jiem ta’ protesti madwar id-dinja f’reazzjoni għall-mewt ta’ George Floyd, raġel iswed li miet fil-kustodja tal-Pulizija fl-Istati Uniti.

Il-protesta saret quddiem il-bini tal-Parlament.

Miguela Xuereb – Jibdew jinġabru n-nies għall-protesta

Din il-protesta f’Malta qed issir ukoll b’sejħa għall-ġustizza fil-każ ta’ Lassana Cisse. Allegatament Lassana Cisse nqatel minn żewġ suldati tal-AFM waqt li kien miexi fit-triq.

Waqt li n-nies għamlu mument ta’ silenzju f’memorja ta’ Lassana Cisse, grupp ta’ nies ieħor li kien qed jipprotesta kontra l-immigranti bdew jgħajtu ‘All Lives Matter’.

Right now in Valletta ✊ #BLM_inMalta

Posted by Moviment Graffitti on Monday, June 8, 2020

Is-Segretarju Parlamentari Rosienne Cutajar qalgħet kritika minn diversi persuni talli ddefendiet l-użu tal-frazi ‘All Lives Matter’. Din il-frażi ta’ sikwit tintuża minn nies li huma kontra l-moviment ta’ ‘Black Lives Matter’.

Justice for Lassana demonstration

Posted by Newsbook Front Page on Monday, June 8, 2020

“Inaċċettabbli” – Claudette Buttigieg

Intant, Claudette Buttigieg, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa kkundannat bla ebda riżervi l-hate speech fil-konfront ta’ grupp ta’ żgħażagħ attivisti, fosthom Xandru Cassar u Eve Borg Bonello.

Fi stqarrija, Buttigieg saħqet li hu totalment inaċċettabbli li persuni jħossu li jistgħu jużaw lingwaġġ daqshekk moqżież fil-konfront ta’ żgħażagħ li għandhom kull dritt isemmgħu leħinhom biex jaqbżu għall-vulnerabbli bla ma jħarsu lejn il-kulur tal-ġilda.

“Dan l-attakk fuq il-mezzi soċjali huwa verament inkwetanti, għaliex sar, fost oħrajn, minn persuna jew persuni li użaw profil fittizju (fake profile) li jġib l-isem ta’ kmandant nazzista li kien imexxi kamp tal-konċentrament” stqarret Buttigieg.

Enfasizzat li l-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Pulizija biex b’urġenza tieħu azzjoni u tinvestiga sew din il-mewġa ta’ hate speech li għandha tieqaf immedjatament u ssir ġustizzja ma’ min ħaqqu.