Filmat: Il-Knisja tgħaddi propjetà lil Hospice Malta

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna għadda formalment il-propjetà tal-Knisja magħrufa bħala l-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera liċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt, biex jitwaqqaf St Michael’s Hospice.

Il-propjetà li tinkludi l-bini eżistenti u l-ġonna jkopru medda ta’ 11,000 metru kwadru u għandha valur ta’ madwar €8 miljun.

Dan ġara l-Ħadd filgħodu waqt ċerimonja fil-festa tal-Arkanġlu San Mikiel. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna, il-President George Vella u ċ-Chairperson tal-Hospice Malta Maria Gatt, kif ukoll għadt ta’ voluntiera u ħaddiema tal-Hospice Malta.

Il-binja se ssir l-ewwel kumpless state-of the-art u se jkun qed jipprovdi kura paljattiva komprensiva u se tkun qed tilqa’ l-pazjenti fi żmien sentejn.

Il-proġett huwa tifkira f’waqtha għad-dritt tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem’ – l-Arċisqof

Waqt iċ-ċerimonja, l-Arċisqof Scicluna spjega li din l-inzjattiva kienet ispirata mis-Sena tal-Ħniena mnedija mill-Papa Franġisku fl-2015.

Mons. Scicluna spjega kif il-Papa Franġisku stieden lil kull djoċesi fid-dinja tagħmel proġett konkrett.

“St Michael’s Hospice se jkun post fejn il‑bieb tal‑ħniena li ma jingħalaq qatt, li jfakkarna fil‑ħniena tanġibbli t’Alla f’ħajjitna,” saħaq Mons. Scicluna.

Fl-indirizz tiegħu, huwa appella lill-poplu Malti biex ikun ġeneruż lejn dan il-proġett. Żied jgħid li l-proġett huwa tifkira f’waqtha għad-dritt tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.

Knisja.mt/ritratti

60 pazjent ġdid fix-xahar

Ic-chairperson tal-Hospice Malta, Maria Gatt, spjegat kif fix-xahar qed jiġu għandhom 60 pazjent ġdid fix-xahar. Sostniet li l-bżonn għall-proġett bħal dan jinħass meta għandek il-maġġoranza tal-pazjenti li qed jieħdu l-kura u t-trattament tagħhom f’Malta.

Gatt tkelmet ukoll fuq l-importanza tas-sehem tal-komunità bid-donazzjonijiet tagħhom. Permezz ta’ din il-ġenerosità l-proġett ikun jista’ jirnexxi.

Is-servizz attwali tal-Hospice Malta fil-komunità għal 10,000 żjara lill-pazjenti u l-familji tagħhom.

Żiedet tgħid li bi spazju ikbar, il-kumpless se jkompli jespandi s-servizzi li jingħataw matul il-jum minn 700 sessjoni għal aktar minn 2,000 sessjoni. Terapiji u servizzi ġodda se jkunu wkoll provduti.

“L‑għan aħħari għat‑titjib tas‑servizzi ta’ kura paljattiva fil‑komunità offruti mill‑Hospice hu li jippermetti lill‑pazjenti jibqgħu fi djarhom fl‑aktar żmien vulnerabbli ta’ ħajjithom, waqt li jtaffilhom il‑piż billi jevitalhom li jinżammu l‑isptar għalxejn f’każijiet fejn is‑servizz ta’ in‑patient ikun għadu meħtieġ,” spjegat Gatt.

Dwar St Michael Hospice, hi spjegat li dan se jkun qed joffri wkoll il-faċilità ta’ taqsima in-patient għal dawn il-bżonnijiet.

Bżonn li tingħata iktar il-kura paljattiva – Il-President

Il-President George Vella sostna li l-kura paljattiva għandha tingħata iktar. Semma kif hemm diversi studji dwar dan. Huwa spjega li diffiċli tgħid meta din għandha tingħata imma, ‘hemm bżonn li nħallu lilna nfusna nitilqu minn did-dinja bil-kwiet’.

Hospice Malta

Il-fundazzjoni Hospice Malta twaqqfet fl-1989. Hospice Malta tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jsofru mill‑kanċer, motor‑neuron diseases, u mard terminali tal‑qalb, respiratorju, tal‑kliewi u tal‑fwied.

Dawn is‑servizzi jingħataw minn tim multidixxiplinari ta’ speċjalisti. Il‑kura offruta, li tikkonċentra fuq il‑pazjent u l‑familja, tagħti serħan mill‑uġigħ u minn sintomi fiżiċi oħra, kif ukoll tindirizza l‑aspett emozzjonali, psiko‑soċjali u spiritwali.