Read in English.
Malta reġistrat 38 każi ġodda. B’hekk it-total tela’ għal 337.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prof. Charmaine Gauci kkonfermat li Malta reġistrat żewġ imwiet minħabba l-coronavirus.
L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li dawk il-persuni li marru jixtru mill-ħanut Antonio Piscopo Wines & Spirits ta’ Raħal Ġdid għandhom joqgħodu attenti għas-sintomi tagħhom. Dan għaliex kien hemm ħaddiem li għandu l-virus. Jekk ikollhom xi sintomi għandhom iċemplu 111. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Prof. Gauci semmiet il-ħanut “Piscopo Cash and Carry ta’ Raħal Ġdid” imma rriżulta li dan kien żball.
Kien hemm każ ta’ professjonista tas-saħħa ta’ 32 sena. Din kellha sintomi ta’ uġigħ ta’ ras u konġestjoni. Ħadmet l-aħħar bejn is-6 u s-7 ta’ April. Qed isir il-contact tracing ta’ dan il-każ.
Skont Prof. Gauci ma kienx hemm każi ġodda miċ-Ċentru ta’ Ħal Far illum.
Il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt
“Kellmuna għadd ta’ Għawdxin inwketati minħabba s-sitwazzjoni f’Dar Sant’Anna. Tikkonferma li nstabu 3 infermiera u professjonist tas-saħħa ieħor pożittivi fil-ward ta’ fejn mietet ir-residenta tad-Dar Sant’Anna? Qed jittieħdu swabs tal-ħaddiema u tar-residenti l-oħrajn?”
Prof. Gauci qalet li huwa importanti li jsir risk assessment tajjeb meta jinstab xi każ pożittiv f’kwalunkwe post. Qalet li saret investigazzjoni f’Dar Sant’Anna flimkien mat-tim tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Infection Control ta’ Mater Dei. Qal li “sar assessment fid-dettal” ta’ dawk in-nies li setgħu kienu esposti. Qalet li dawn ġew ittestjati. Prof. Gauci qalet ukoll li ssir analiżi tal-ħaddiema li setgħu kellhom kuntatt mal-persuna u li allura jkunu setgħu ġew esposti. Qalet li dawk li setgħu ġew esposti jinżammu fi kwarantina.
Pariri dwar ix-xiri tal-ikel
Prof. Gauci ħeġġet lin-nies biex jużaw faċilitajiet ta’ delivery mill-ħwienet minflok imorru huma stess fil-ħwienet. Meta wieħed idaħħal ix-xirja d-dar għandu jimsaħha bis-sapun u bl-ilma.
Appell dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid
Prof. Gauci ħeġġet lin-nies biex ma jinġabrux f’dan iż-żmien ta’ festi. Ħeġġet lin-nies biex jiċċelebraw l-Għid u l-Ġimgħa l-Kbira s-sena d-dieħla. Qalet li n-nies jistgħu jużaw għadd ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni biex jibqgħu f’kuntatt mal-qraba tagħhom.
Liema huma l-każi l-ġodda?
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika tat ukoll xi dettalji dwar il-każi l-ġodda li ġew reġistrati. Kien hemm 25 pazjenti nisa u 13 pazjenti rġiel. Fosthom kien hemm:
- Maltija ta’ 41 sena
- Raġel ta’ 40
- Maltija ta’ 17
- Maltija ta’ 27
- Persuna barranija ta’ 28
- Maltija ta’ 29
- Mara ta’ 20
- Mara ta’ 68
- Malti ta’ 39
- Mara ta’ 35
- Raġel ta’ 31 li jaħdem f’ħanut li jbigħ l-ikel
- Tifla ta’ 4 snin
- Mara ta’ 39 sena
- Malti ta’ 19-il sena li jaħdem fil-ħanut Scan
- Mara ta’ 22
- Mara tqila ta’ 38 sena
- Professjonista tas-saħħa ta’ 32 sena
- Mara tqila ta’ 30 sena
- Mara ta’ 67 sena
- Mara ta’ 69
- Carer f’dar tal-anzjani ta’ 51 sena
- Barrani ta’ 27 sena
- Maltija ta’ 50 sena
- Barrani ta’ 50
- Maltija ta’ 44
- Mara ta’ 48
- Malti ta’ 42
- Maltija ta’ 45
- Persuna ta’ 32 sena
- Barrani ta’ 29 sena
- Tifel
- Maltija ta’ 39
- Mara ta’ 42
- Mara ta’ 75 sena
Dalgħodu l-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li anzjan ta’ 79 sena huwa t-tieni vittma tal-Covid-19. L-anzjan miet fl-Isptar Karin Grech matul il-lejl. Ilbieraħ anzjana ta’ 92 mietet fir-residenza Sant’Anna f’Għawdex.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.