Filmat: 15-il persuna jfiqu; każ 1 ġdid tal-coronavirus

Read in English.

  • 15 oħra jfiqu mill-coronavirus
  • Waħda biss pożittiva qalb 808 swab test
  • Qed issir evalwazzjoni sabiex jinstab x’inhuma r-regoli li jistgħu jitnaqqsu fiż-żmien li ġej

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci ħabbret li aktar persuni fiequ bi 15-il persuna oħra li fiqu. B’hekk issa fiequ total ta’ 165 persuna f’Malta. Hemm seba’ nisa u tmien irġiel. Intant, wara li saru 808 swab test, Prof. Gauci ħabbret li nstab biss każ wieħed pożittiv.

Din hija tfajla ta’ 18-il sena Maltija. Bdiet bis-sintomi fis-16 ta’ April. Hi ma kinitx qed tattendi skola hekk kif l-Università mhix miftuħa. Il-kuntatti li kellha kienu membri tal-familja.

Ilbieraħ tħabbar li f’Malta fiequ 24 persuna oħra mill-coronavirus filwaqt li nstabu 12-il każ iħeor pożittiv.

Illum, Prof. Gauci qalet li minkejja li l-għadd ta’ każi huwa wieħed baxx, importanti li wieħed jibqa’ jħares lejn il-mod kif il-każi qed jiżdiedu.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar Ħal Far, Prof. Gauci qalet li lbieraħ għamlu 20 test fejn ma ħareġ ħadd pożittiv. Qalet li dan qed isir grupp grupp permezz ta’ segregation. Qalet li kull mezz qed isir biex kemm jista’ jkun dawn il-persuni jinżammu għalihom.

Dwar postijiet tax-xogħol li mhux iżommu mal-linjigwida tas-social distancing, Prof. Gauci qalet li importanti ħafna li dawn jiġu segwiti. Intant jekk ħaddiema jħossu li mhux protetti jistgħu jċemplu fuq il-111 u mbagħad l-awtoritajiet jitkellmu ma’ min iħaddem biex jirranġa s-sitwazzjoni favur il-ħaddiema.

Mistoqsija dwar it-tnaqqis tal-coronavirus minħabba temperaturi għoljin, Prof. Gauci qalet li l-awtoritajiet qed isegwu l-evidenza li dejjem qed toħroġ. Qalet li hawnhekk għandek pandemija, differenti mill-influwenza normali. Qalet li coronaviruses oħrajn mhumiex staġġjonali.

Mistoqsija jekk Malta hux se tkun qed tillaxka r-regoli tas-social distancing kif qed jagħmlu pajjiżi oħrajn, Prof. Gauci qalet li tifhem li hemm stress jew ansjetà b’rabta mal-virus. Qalet li għalhekk qed jingħataw servizzi ta’ għajnuna permezz ta’ helpline.

Mistoqsija dwar każi pożittivi ta’ Ħal Far, Prof. Gauci qalet ladarba dawn ifiequ, ma jerġgħux jirritornaw lejn iċ-ċentru.

Mistoqsija dwar l-ewwel miżuri ta’ restrizzjoni li jistgħu jitneħħew, Prof. Gauci qalet li qed issir evalwazzjoni. Qalet li l-miżuri jidħlu fis-seħħ skont ir-riskju ta’ trażmissjoni qawwija. Qalet li l-pjan qed jitħejja.

Prof. Gauci fakkret fl-appel biex it-tfal ma jitħallewx man-nanniet. Qalet li huma għalhekk ħarġu l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-anzjani u l-vulnerabbli. Qalet li huma qed ikomplu jsegwu s-sitwazzjoni u qed jaraw meta l-aħjar jibdew jitnaqqsu ċertu miżuri. Hi appellat mill-ġdid lil min iħaddem, sabiex min jista’ jagħmel teleworking jitħallew jagħmlu dan. Appellat ukoll lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun ma joħorġux sakemm mhux verament hemm bżonn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn