Filmat: 5 każi ġodda tal-coronavirus; 2 ifiqu

  • 5 każi ġodda pożittivi tal-coronavirus f’Malta
  • 2 persuni oħrajn ifiqu
  • Malta taqbeż il-50,000 swab test
  • Prof. Gauci mhux se tibqa’ tindirizza konferenza tal-aħbarijiet kuljum, iżda se tibda tagħmel dan kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa
  • Tikkonferma li issa mhux żmien li jinfetaħ l-ajruport
  • 287 healthcare worker u carers tal-Isptar Mater Dei fi kwarantina

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa nstabu total ta’ ħames każi ġodda tal-coronavirus. Intant, permezz ta’ infografika fuq Facebook, qal ukoll li fiqu wkoll żewġ persuni oħrajn. Dan ifisser li issa fil-pajjiż hawn total ta’ 96 każ attiv.

B’kollox, mis-7 ta’ Marzu s’issa nstabu 558 każ pożittiv tal-coronavirus. S’issa fiqu total ta’ 456 persuna, filwaqt li mietu sitt persuni.

OFFICIAL COVID-19 figures for 18•05•2020Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate | Covid19 Malta

Posted by saħħa on Monday, May 18, 2020

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci qalet li lbieraħ saru 1,017 swab test.

X’inhuma l-każijiet li nstabu llum?

  • Raġel Malti ta’ 97 sena li kien l-Isptar Karin Grech. Hu għandu kundizzjonijiet mediċi iżda bħalissa jinstab stabbli. Qed isir testing fis-sala, kemm tal-pazjenti u tal-ħaddiema.
  • Persuna oħra li nstabet pożittiva kien raġel barrani ta’ 58 sena li kellu bżonn imur l-emerġenza għal xi ħaġa separata. Bħala test ta’ rutina nstab pożittiv.
  • Healthcare worker Maltija ta’ 43 sena li taħdem f’ward fejn kien hemm numru ta’ każijiet oħrajn tal-virus.
  • Mara ta’ 24 sena ta’ nazzjonalità barranija li taħdem bħala carer f’ward fl-Isptar Mater Dei. Hi ma kellha l-ebda sintomi u nqabdet fl-iscreening.
  • Raġel ta’ 42 sena li mar it-testing hub minkejja li ma kellux sintomi. Hu ħareġ pożittiv.

Intant fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa tħabbar li uffiċjalment Malta għamlet total li qabeż il-50,000 swab test b’kollox.

🇲🇹 L-awtoritajiet tas-saħħa uffiċċjalment għamlu aktar minn 𝟱𝟬,𝟬𝟬𝟬 swab test 🙌🇬🇧 The Health Authorities have officially carried out over 𝟱𝟬,𝟬𝟬𝟬 swab tests 🙌

Posted by saħħa on Monday, May 18, 2020

Lejn l-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet, Prof. Gauci qalet li se tkun qed tibda tagħmel il-konferenzi tal-aħbarijiet tagħha kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u l-Ġimgħa minflok kuljum.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar l-ammont ta’ healthcare workers u l-carers li jinsabu fi kwarantina, Prof Gauci qalet li huwa ta’ 287. Qalet li meta jkollok ħaddiema fl-isptar li kellhom jew kuntatt, jew inkella kienu nstabu pożittivi, wieħed irid jara li dawn jibqgħu fi kwarantina. Qalet li l-membri tas-servizzi ta’ saħħa huma importanti ħafna u hemm bżonn ikunu protetti u jittieħdu l-prekawzjonijiet li hemm bżonn.

Dwar is-sodod, Prof. Gauci qalet li mill-bidu nett raw li jkun hawn biżżejjed sodod u apparat. Qalet li s-sodod iridu jibqgħu disponibbli sakemm il-pandemija għadha preżenti. Qalet li jekk dan hux temporanju jew le, importanti li jkunu disponibbli meta jkun hemm bżonnhom.

Dwar ir-ristoranti, Prof. Gauci qalet li sar risk assessment li kien ibbażat fuq diversi kriterji. Qalet li hi tkun moħħha mistrieħ li tmur tiekol f’restorant jekk ir-restorants u anke l-pubbliku jsegwu l-miżuri li jkunu qiegħdin hemmhekk bħala mezzi ta’ mitigazzjoni.

Dwar persuni vulnerabbli u dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena u jekk dawn jistgħux joħorġu jew le, Prof. Gauci qalet li sa mill-bidu nett kien hemm enfasi fuq il-persuni vulnerabbli li għandhom ikunu protetti. Qalet li jekk għandhom bżonn joħorġu, iridu jaraw li jmorru postijiet fejn se jkunu siguri u fejn jieħdu l-prekawzjonijiet kollha li hemm bżonn biex jipproteġu lilhom infushom.

Dwar l-isport u d-deċiżjoni li mistennija tittieħed dwar il-futbol, Prof. Gauci qalet li l-isport tal-inqas riskju huwa n-non-contact sport.

Dwar persuni persuni b’diżabilitajiet li għandhom bżonn jiksbu servizzi essenzjali, Prof. Gauci qalet li servizzi essenzjali huma importanti li jibqgħu jingħataw. Qalet li meta jkunu qed jingħataw dawn is-servizzi għandhom jittieħdu l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni biex kulħadd ikun protett.

Dwar jekk il-pajjiż hux dieħel fit-tieni mewġa, Prof. Gauci qalet lil Newsbook.com.mt qed ikomplu jsegwu s-sitwazzjoni biex jaraw kif il-virus qed jiġi trażmess. Qalet li fis-sitwazzjoni ta’ Malta wieħed irid jara kif in-numri se jibqgħu sejrin biex ikun jista’ jidentifika jekk din hix it-tieni mewġa jew le.

Prof. Gauci qalet li huwa importanti li dejjem id-distanza soċjali jibqa’ hemm, meta tkellmet dwar il-persuni li qed imorru l-baħar. Qalet li l-appell huwa li kulħadd jillimita l-ammont ta’ persuni li jkun magħhom.

Dwar it-teleworking, Prof. Gauci sostniet li huwa għodda tajba ħafna. Qalet li matul il-pandemija li kien hemm diversi entitajiet kemm mill-Gvern u anke mill-privat li baqgħu għaddejjin bit-telework. Qalet li huwa l-obbligu ta’ min iħaddem li jara li x-xogħol li ma jistax isir bit-teleworking jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġi lill-ħaddiema li jkollhom ta’ bilfors imorru fuq il-post tax-xogħol.

Dwar l-antibody testing, Prof. Gauci qalet li qed issir valutazzjoni ta’ testijiet differenti. Qalet li qed isiru t-testijiet fuq dmijja differenti biex jaraw l-effetti fuq dmija differenti. Qalet li ladarba jkun hemm kit li huwa validu, it-testijiet fil-popolazzjoni se jkomplu jiżdiedu.

Dwar jekk Malta għandhiex terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha għat-turiżmu, Prof. Gauci qalet li l-miżuri li qed jiġu rilassati huma bbażati fuq risk assessment. Qalet li dan ma jfissirx li l-ajruport se jinfetaħ fil-jiem li ġejjin. Qalet li skont is-sitwazzjoni kurrenti, m’hemmx lok biex l-ajruport jinfetaħ illum.

Dwar il-ftuħ tal-knejjes, Prof. Gauci qalet li dan se jkun qed jiġi diskuss illum. Fis-6pm, l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u l-Amministratur Appostoliku f’Għawdex l-Isqof Mario Grech se jkunu qed jiltaqgħu mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne sabiex jiddiskutu l-pass li jmiss dwa jekk għandhomx jinfetħu l-knejjes jew le.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn