Filmat: 2 każi ġodda fosthom carer fl-Isptar Karin Grech

Aġġornat 07:46 AM

Read in English.

COVID-19 – Press Briefing 06-5-2020

COVID-19 – Press Briefing 06-5-2020

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Wednesday, May 6, 2020
  • Żewġ każi ġodda tal-coronavirus
  • Erba’ oħra jfiqu
  • Carer fl-Isptar Karen Grech li kellha kuntatt mal-pazjent li miet ilbieraħ tinstab pożittiva
  • 40 immigrant li nstabu pożittivi fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far fiequ

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, qalet li lbieraħ saru 1,393 swab test u minnhom ħarġu żewġ każi pożittivi ġodda. B’hekk issa t-total huwa ta’ 484. Qalet li fiqu erba’ persuni b’total ta’ 407 persuni li fiequ b’kollox.

Iż-żewġ każijiet huma ta’ mara Maltija ta’ 30 sena li ma kinitx qed taħdem. Il-każ l-ieħor huwa marbut mal-każ tal-bieraħ, tar-raġel li miet ta’ 81 sena. Din hija carer ta’ 32 sena mill-Filippini u taħdem fl-Isptar Karin Grech. Saru testijiet fuq 15-il pazjent fl-istess sala u 56 membru tal-istaff. Prof. Gauci qalet li dawn kollha ħarġu negattivi.

F’aġġornament dwar iċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far li kien tpoġġa fi kwarantina minħabba li nstabu każijiet tal-coronavirus u kien hemm ukoll firxa. Qalet li t-total ta’ każijiet fiċ-ċentru kien ta’ 50. Qalet li numru tajjeb minnhom fiequ, b’total ta’ 21 persuna li fiequ u wara għamlu sebat ijiem ta’ kwarantina u baqgħu negattivi. Huma tmexxew f’sezzjoni oħra f’Ħal Far. Qalet li hemm 19 oħrajn li diġà fiequ imma għadhom fil-perjodu addizzjonali ta’ sebat ijiem kwarantina.

Intant Prof. Gauci qalet li huma jinsabu għaddejjin jillaxkaw il-miżuri, qalet li huma qed jaraw li l-pubbliku qed isegwi l-miżuri ta’ social distancing, kemm il-pubbliku fit-toroq u anek fil-ħwienet. Qalet li hawn għadd ta’ persuni li qed jilbsu l-maskra. Qalet li jekk kulħadd jilbes il-maskra jevita li jekk ikun pożittiv ma jgħaddix il-virus lil ħaddieħor.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar riċerka internazzjonali fuq ħaddiema fis-settur tas-saħħa li jistgħu jgħaddu minn problemi tas-saħħa mentali, Prof. Gauci qalet li meta għandek sitwazzjoni tal-pandemija l-ħajja ta’ dak li jkun tinbidel u jkun hemm persuni li jibdew isofru minn ansjetà. Qalet li b’hekk huma kkreaw helplines appost għal dawk li forsi qed jgħaddu minn ansjetà anke jekk qabel ma għaddewx minn dan. Qalet li jista’ jkun hemm ukoll każi li jiżviluppaw mard mentali. Qalet li minbarra l-helplines, fuq il-postijiet tax-xogħol fis-settur tas-saħħa qed ikun hemm aktar għajnuniet.

Dwar miżuri futuri, inkluż fejn jidħol l-isport, Prof. Gauci qalet li l-ewwel irid ikun hemm analiżi tar-riżultati tal-ewwel miżuri li ġew illaxkati. Qalet li mbagħad jekk kollox jirriżulta fit-tajjeb, mela jkun hemm ħsieb dwar aktar laxkar ta’ miżuri.

Dwar ir-regolament ta’ 5 persuni kull 10 metri kwadri fi ħwienet, Prof. Gauci qalet lil Newsbook.com.mt li huma bbażaw fuq il-miżuri li ħadmu f’pajjiżi barra minn Malta. Qalet li dan ma jinkludix il-ħaddiema fil-ħanut. Dwar il-postijiet tax-xogħol, ir-rakkomandazzjoniet huma li tagħmel is-social distancing. Qalet f’ċirkustanza fejn m’hemmx żewġ metri bejn persuna u oħra, il-postijiet tax-xogħol iridu jagħmlu jew perspex, jew joffru sigurtà permezz ta’ maskri jew visors.

Dwar il-futbol, Prof. Gauci qalet li minn issa ma tistax tkun taf x’se jiġri f’Ġunju. Qalet li deċiżjonijiet dwar il-logħob tal-futbol u laxkar ieħor isir wara li joħroġ ir-riżultat tal-miżuri li kienu laxkati dan l-aħħar.

Dwar hand sanitizers, Prog. Gauci qalet li l-ħwienet ingħataw il-linjigwida dwar liema hand sanitizers għandhom jintużaw. Qalet li huwa fil-benefiċċju tal-ħanut li jassigura li dak li jipprovdi fil-ħanut ikun adegwat għax ikun qed jipproteġi li jkun hemm trażmissjoni tal-virus mill-ħanut tiegħu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn