Filmat: 4 każi ġodda; 8 jfiqu

  • 4 każi ġodda f’Malta
  • 8 persuni oħrajn ifiequ fosthom anzjan ta’ 60 u ieħor ta’ 70 sena
  • Fil-weekends qed jonqsu n-nies li jmorru għall-iswab tests
  • 3 mill-każi l-ġodda ġejjin miċ-Ċentru l-Miftuħ

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci ħabbret li tmien persuni oħra fiqu mill-coronavirus, fosthom żewġ persuni ta’ 60 u 70 sena. Ilbieraħ saru 574 swab test għax minħabba li fi tmiem il-ġimgħa, kien hemm inqas persuni li marru għat-testijiet. Qalet li minn dawn ħarġu erba’ persuni pożittivi.

Raġel ta’ 59 sena li ma jaħdimx u l-każi ta’ kuntatti kienu tal-familja tiegħu. It-tliet każijiet l-oħra instabu fiċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far. Qalet li dawn huma raġel ta’ 24 mill-Marokk, ieħor ta’ 19-il sena mis-Somalja u ieħor ta’ 18-il sena mis-Sudan. B’kollox instabu total t’a 38 każ pożittiv miċ-Ċentru l-Miftuħ.

Prof. Gauci appellat mill-ġdid sabiex kull min iħoss is-sintomi jara li jagħmel it-testijiet sabiex kemm jista’ jkun l-infezzjoni ma tkomplix tinfirex.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar għaliex l-iswab tests fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far mhux qed isiru kollha f’daqqa iżda fi gruppi, Prof. Gauci spjegat li t-testijiet qed isiru fi gruppi skont kif u fejn jiġu identifikati l-każi.

Mistoqsija dwar jekk il-peak intlaħqitx, Prof. Gauci qalet li l-każijiet kuljum qed ivarjaw u b’hekk għadu qed isir modelling tas-sitwazzjoni.

Mistoqsija dwar għaliex l-irġiel huma l-aktar affettwati, Prof. Gauci qalet li dan jista’ jkun kemm għax in-nisa għandhom hormones aktar b’saħħithom li jipproteġuhom u wkoll għaliex ir-rata ta’ rġiel li jpejpu hija ħafna akbar min-nisa.

Mistoqsija jekk għadx hawn bżonn il-prefabricated hospital minħabba li r-rata ta’ każi ġodda qed tkun baxxa, Prof. Gauci qalet li l-iskop huwa li jkun hawn il-kapaċità tal-pajjiż. Qalet li l-pjanijiet ma jiqfux għax il-każi ġodda jkunu baxxi. Qalet li huwa importanti li l-pajjiż ikun lest għal kull eventwalità.

Mistoqsija tikkjarifika kemm hawn pazjenti fl-isptarijiet u kemm hemm persuni fuq il-ventilators, Prof. Gauci qalet li hemm 16-il persuna l-Isptar Boffa, hemm tmiena f’St Thomas, wieħed l-ITU, fl-Isptar Mater Dei hemm disa’ oħrajn, fl-Isptar Monte Karmeli hemm tnejn u hemm żewġ pazjenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Prof. Gauci kkonfermat li l-R-Factor ta’ Malta niżel, għax dan ikun ibbażat skont in-numru ta’ każijiet li jiġu għat-testijiet.

Mistoqsija dwar il-ħwienet li għadhom miftuħin, Prof. Gauci qalet li ħafna qed jimxu tajjeb u qed jaraw li l-ħaddiema u l-klijenti jkollhom dak kollu li hemm bżonn biex jipproteġu lilhom innifishom. Qalet li hemm ukoll linji gwida li dawn il-ħwienet jistgħu jsegwu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn