Filmat: 7 każi ġodda fosthom mara tqila

Read in English.

  • 7 każi ġodda ta’ coronavirus: 3 trażmessi lokalment
  • Total ta’ 202 każ f’Malta
  • Impjegata mil-LIDL ta’ Ħal Safi li ħadmet fl-istess shift mal-impjegat l-ieħor
  • Niġerjan li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far
  • Taljana li daħlet l-Isptar Mater Dei għal ċesarja

Malta reġistrat 7 każi ġodda ta’ coronavirus. B’hekk it-total ta’ każi tela’ għal 202.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li erba’ każijiet kienu relatati ma’ safar u tliet każijiet ta’ trażmissjoni lokali.

Waħda mill-każi l-ġodda hija ta’ mara tqila li daħlet tagħmel ċesarja fl-isptar Mater Dei. Instab li kienet pożittiva għall-virus meta sarilha test ta’ rutina. L-omm u t-tarbija jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

Hemm ukoll mara ta’ 23 sena li kienet taħdem fl-istess shift ma’ ħaddiem tal-LIDL ta’ Ħal Safi li marad bil-virus. Il-mara nstabet pożittiva fl-aħħar 24 siegħa.

Każ ieħor huwa ta’ Niġerjan ta’ 33 sena li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, li fl-aħħar żmien ma kienx qed joħroġ barra minħabba li kellu inċident. Sar risk assessment u sitt persuni li kienu jgħixu fl-istess kamra tiegħu jinsabu fi kwarantina.

Coronavirus Malta 03.04.20

Newsbook.com.mt staqsa lil Prof. Gauci jekk ir-residenti tad-djar tal-anzjani humiex f’periklu jekk il-carers ma jibqħux fid-dar il-ħin kollu.

Prof. Gauci qalet l-anzjani huma grupp ta’ nies li huma meqjusa bħala vulnerabbli. Qalet li d-djar tal-anzjani għandhom pjan ta’ kontinġenza u li ħafna minnhom marru fuq lockdown. Dan ifisser li l-persuni li qed jaħdmu hemm, jibqgħu jgħixu hemm. Qalet li meta jkun hemm persuna li toħroġ din tista’ tiltaqa’ mal-virus. Qalet li fid-djar fejn il-carers ma jibqgħux hemm il-ħin kollu, hemm struzzjonijiet biex dawk il-ħaddiema li jkollhom xi sintomi ma jidħlux għax-xogħol.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar x’għandhom jagħmlu ħaddiema li jintalbu jagħmlu test għall-COVID-19 imma min iħaddimhom jinsisti li jibqgħu jmorru għax-xogħol. Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar każ speċifiku fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Prof. Gauci qalet li f’Ħal Far sar risk assessment biex l-awtoritajiet jaraw x’kuntatt kien hemm bejn wieħed mir-residenti taċ-ċentru, residenti oħra, u ħaddiema. Qalet ukoll li skont il-każ, jaf ikun hemm min jintalab imur fi kwarantina.

Liema huma l-każi l-ġodda?

  • Malti ta’ 55 sena
  • Mara ta’ 62 sena
  • Raġel ta’ 55 sena
  • Mara ta’ 24 sena
  • Mara ta’ 23 sena
  • Raġel ta’ 33 sena
  • Mara ta’ 36 sena

Ilbieraħ Malta reġistrat seba’ każi ġodda tal-COVID-19.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn