Filmat: 6 każi ġodda; total ta’ 384

Read in English.

Malta reġistrat 6 każi ġodda ta’ coronavirus. B’hekk it-total tela’ għal 384 każ.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci qalet li lbieraħ saru 1,008 swabs. Gauci qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus.

“Aħna għadna lura fil-pandemija,” qalet Prof. Gauci. Spjegat li hemm għadd ta’ każi li fihom ma nstabx minn fejn dak li jkun ikun ħa l-virus. Għal darb’oħra reġgħet appellat lin-nies biex ma joħorġux minn darhom sakemm din il-ħarġa ma tkunx essenzjali.

Appellat li min iċempel lill-helpline tal-111 jagħti dettalji ta’ kuntatt tajbin. Ir-riżultati jiġu kkomunikati b’SMS, b’imejl, jew bis-servizz tal-MyHealth online.

Skont Prof. Gauci l-portijiet ta’ Malta ngħalqu biex jonqos in-numru ta’ nies li jkunu deħlin Malta.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Prof. Gauci dwar x’miżuri qed jittieħdu biex jiġu protetti l-ħaddiema tal-posta. Gauci qalet li qed jittieħdu miżuri ta’ iġjene. Appellat lin-nies biex ma jiftħux il-posta li jirċievu mill-ewwel sakemm ma tkunx xi ħaġa urġenti.

Il-Kunsillier tal-Fgura Adrian Tanti (PL) qal lil Newsbook.com.mt li rċieva rapporti ta’ nies li qed jabbandunaw l-annimali tagħhom għax qed jibżgħu li jlaqqtu l-coronavirus mingħandhom. Newsbook.com.mt staqsa lil Prof. Gauci għall-pariri tagħha dwar dan. Prof. Gauci qalet li annimal jista’ jlaqqat il-coronavirus minn persuna imma li m’hemm l-ebda indikazzjoni li annimal jista’ jgħaddih lura lill-bniedem. Qalet li f’każ li xi ħadd ikollu l-coronavirus u jkollu annimal id-dar, dan għandu jsib lil xi ħadd li jkun jista’ jieħu ħsiebu. Appellat lin-nies biex ma jabbandunawx l-annimali fit-toroq.

Hudu hsieb l' Pets u tabbandunawomx ghax dawk huma parti mil familja. Grazzi Christoph tal-intervent tieghek fil Press Conference. Newsbook.com.mt

Posted by Adrian Tanti on Monday, April 13, 2020

Gauci tkellemet ukoll dwar il-pazjenti li jbatu bl-asthma. Qalet li dawk li huma meqjusa bħala vulnerabbli huma dawk li jieħdu steroids.

Fejn qed jinżammu l-pazjenti?

  • 17 f’Boffa
  • 16 fl-Isptar San Tumas
  • 2 fl-ITU
  • 10 f’Mater Dei
  • 2 f’Monte Karmeli

S’issa fiequ 44 persuna.