Filmat: Każ ġdid; 6 ifiqu

Read in English.

Malta reġistrat każ ġdid tal-coronavirus.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci ħabbret dan waqt konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi b’rabta mal-coronavirus.

Ikkonfermat ukoll li anzjan ta’ 97 sena miet bil-coronavirus. Iddeskrivet dan il-mewt bħala s-seba’ wieħed f’Malta minħabba l-COVID-19.

Prof. Gauci qalet li n-numru ta’ każi qed jibqa’ stabbli u li hemm 114 każi attivi.

Il-każ il-ġdid tal-lum kien ta’ pazjent li ddaħħal l-isptar Monte Karmeli.

Dalgħodu l-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li anzjan ta’ 97 sena miet waqt li ħareġ pożittiv għall-COVID-19 f’Malta. L-anzjan kien qiegħed jingħata kura fl-Isptar Karin Grech. Huwa kellu sintomi relatati mal-COVID-19 fis-16 ta’ Mejju u ġie kkonfermat pożittiv fis-17 ta’ Mejju.

Newsbook.com.mt staqsa lil Prof. Gauci dwar jekk hemmx miżuri li l-Kunsilli Lokali jridu jsegwu dwar il-latrini pubbliċi. Dan wara li Sindku għamel kuntatt ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet dwar dan. Prof. Gauci qalet li għandom jiġu segwiti miżuri ta’ iġjene, però ma tatx dettalji speċifiċi dwar x’jinvolvi dan.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar x’jistgħu jagħmlu community carers li jkunu jixtiequ li jsirilhom l-iswab test. Qalet li min jixtieq jagħmel it-test jista’ jċempel il-111 u jsir risk assesment tal-persuna. Community carer li tkellmet ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalet li meta ċemplet qalulha li trid tagħmel tliet ijiem ma taħdimx wara li tagħmel it-test. Saħqet li dan mhuwiex vijabbli.

Waqt li kienet qed twieġeb il-ġurnalisti, Prof. Gauci qalet li wara li naqqsu xi miżuri raw ftit varjazzjoni fin-numru ta’ każi. Żiedet tgħid li eventwalment is-sitwazzjoni ġiet stabbli.

Dwar il-Milied, is-Supretendent qalet li għadu kmieni biex wieħed ibassar x’se jiġri f’Diċembru.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn