Read in English.
Malta reġistrat seba’ każi ġodda ta’ coronavirus. Intant fiqu erba’ persuni oħra li fiequ mill-COVID-19.
Fl-aħħar 24 siegħa Malta għamlet 1,429 test.

Il-Prof. Gauci qalet li s-servizz tat-tilqim irritorna lura għan-normal.
Mistoqsija dwar jekk il-miżuri restrittivi għandhom ikunu biss għan-nies vulnerabbli, Gauci qalet li l-virus li Malta bdiet bih huwa l-istess wieħed li għadu fil-pajjiż.
Gauci qalet li huwa importanti li r-rata ta’ trażmissjoni fil-komunità tibqa’ baxxa. Spjegat li l-persuni vulnerabbli għandhom jillimitaw il-kuntatt tagħhom ma’ persuni oħra li joħorġu.
Mistoqsija jekk il-messaġġ tagħha għadux “Stay Home, Stay Safe” Gauci qalet li l-messaġġ tal-awtoritajiet tas-saħħa huwa li jridu jipproteġu lill-pubbliku. Saħqet li n-nies għandhom ikomplu jilbsu l-maskri u jżommu distanza ta’ żewġ metri minn xulxin.
Ġurnalist staqsa wkoll dwar jekk Malta għandhiex bżonn sptar prefabrikat. Gauci qalet li Malta għandha bżonn biżżejjed sodod u professjonisti tas-saħħa. Fakkret li Malta trid tipprepara għal meta tfaqqa’ l-influwenza fix-xitwa.
Aktar kmieni fuq ONE, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern mhux se jkun qed jixtri l-isptar prefabrikat. Qal li dan ġie deċiż fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa. Ħabbar ukoll li r-ristoranti u l-hairdressers jaf jinfetħu sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.
Fejn qegħdin il-pazjenti?
- 4 f’Boffa
- 6 fl-Isptar San Tumas
- 1 IDU Mater Dei
- 3 Karin Grech
Prof. Gauci skużat ruħa talli kien hemm diffikultajiet tekniċi f’din il-konferenza tal-aħbarijiet u li fiha xi ġurnalisti, fosthom ta’ Newsbook.com.mt, ma setgħux jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.