Filmat: Testijiet fuq pazjenti f’Karin Grech wara li jmut pazjent bil-coronavirus

Read in English.

COVID-19 – Press Briefing 05-5-2020

COVID-19 – Press Briefing 05-5-2020

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Tuesday, May 5, 2020

Se jkunu qed isiru testijiet fuq xi pazjenti li qegħdin fl-Isptar Karin Grech wara li matul il-lejl miet anzjan f’dan l-isptar li kellu l-coronavirus.

Dan tħabbar mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-COVID-19.

Prof. Gauci qalet li se jsiru testijiet għall-COVID-19 fuq pazjenti u professjonisti tas-saħħa li kienu fis-sala tal-anzjan li miet.

Is-Supretendent ħabbret ukoll li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 2 każi ġodda ta’ COVID-19. Każ minnhom kien tal-anzjan ta’ 81 sena li miet f’Karin Grech matul il-lejl. Il-każ l-ieħor huwa ta’ 44 sena. Intant fiequ erba’ persuni oħra.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,218 swabs. It-total ta’ każi tela’ għal 482. Bħalissa hawn 74 każi attivi.

Liema huma l-każi li fiequ?

  • Żewġ persuni bejn l-20 u d-29 sena
  • Persuna bejn it-30-39
  • Persuna bejn it-80-89

Il-Professur Charmaine Gauci appellat lill-anzjani u dawk il-persuni vulnerabbli biex ma jidħlux fi ħwienet li mhumiex essenzjali. Appellat ukoll lil min iħaddem biex ikompli jagħti l-possibilità ta’ xogħol ta’ teleworking għall-ħaddiema tiegħu.

Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar il-maskri, il-Prof. Gauci qalet li qed issir diskussjoni dwar jekk għandux jitneħħa l-VAT minn fuqhom.

Mistoqsija dwar jekk hemmx multi għal min ma jilbisx maskra, il-Prof. Gauci qalet li jekk stabbiliment jikser ir-regoli jista’ eventwalment jittieħed il-Qorti. Mistoqsija dwar skola sajf, spjegat li għadu kmieni wisq biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-iskejjel jistgħux jinfetħu għal dan il-għan.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn