Malta reġistrat 9 każi ġodda ta’ coronavirus. Intant fiequ 13-il persuna oħra minn dan il-virus.
Dawn iċ-ċifri tħabbru mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus.
Qalet li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,071 test.
Fejn qed jinżammu l-każi attivi?
- 7 fl-Isptar Boffa
- 5 fl-Isptar San Tumas
- 1 fl-ITU
- 1 fl-Infectious Diseases Unit ta’ MDH
L-oħrajn qed joqgħodu fid-djar privati tagħhom.
Il-Prof. Gauci qalet ukoll li kien hemm madwar 17,500 persuna li niżżlu l-app tal-awtoritajiet tas-saħħa dwar jekk persuna jkollhiex għalfejn tagħhmel test għall-COVID-19. Appellat biex min iħaddem jibqa’ jimplimenta t-teleworking fuq il-post tax-xogħol.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet li waħda mill-aktar mistoqsijiet komuni li rċevew fl-aħħar sigħat kienet dwar l-użu tal-maskri. Il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa lokali issa nbidlu u qed jgħidu lin-nies jilbsu maskra biex jidħlu jixtru f’xi ħanut minn għada.
Wieħed jista’ juża surgical mask jew inkella waħda tad-drapp. Skont Prof. Gauci jekk wieħed ikun se juża surgical mask, din trid tintuża darba biss. Maskra tad-drapp trid tkun 100% cotton u trid tinħasel b’temperatura ta’ 60 °C.
Mistoqsija mill-ġurnalisti jekk wieħed jistax jiltaqa’ mal-familja estiża d-dar jew imur il-baħar, Prof. Gauci qalet li l-parir jibqa’ biex dan ma jsirx.
Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar jekk il-ħwienet hux se jagħmlu diżinfetazzjoni qabel ma jerġgħu jiftħu. Il-Prof. Gauci qalet li wara ż-żmien li għamlu magħluq irid isir it-tindif neċessarju.
Liema huma l-każi l-ġodda?
- Żagħżugħ ta’ 22 sena
- Raġel ta’ 30 sena
- Raġel ta’ 30 sena
- Raġel ta’ 27 sena
- Żagħużugħa ta’ 21 sena
- Żagħżugħa ta’ 19-il sena
- Raġel ta’ 45 sena
- Żagħżugħ ta’ 18-il sena
- Mara ta’ 35 sena
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.