Filmat: 5 każi ġodda; ifiqu 36

Read in English.

Malta reġistrat 5 każi ġodda ta’ coronavirus. Intant fiequ 36 persuna oħra.

Dawn iċ-ċifri tħabbru mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. Hi indirizzat konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus.

Ilbieraħ saru 1,207 test għall-COVID-19.

Prof. Gauci qalet li s-sitwazzjoni f’Malta hi waħda tajba grazzi għall-isforzi tal-awtoritajiet u tal-kooperazzjoni tal-pubbliku.

Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni f’Ħal Far, il-Prof. Gauci qalet li r-residenti f’dan il-post inqasmu fi gruppi differenti li għandhom dati ta’ kwarantina differenti. Hemm grupp li jtemm il-kwarantina llum u grupp ieħor li jtemm dan il-perjodu għada.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar is-sitwazzjoni f’Għawdex, il-Prof. Gauci qalet li ma fadalx każi attivi fuq il-gżira.

Is-Supretendent qalet ukoll li Malta reġistrat każ ta’ Kawasaki Disease. Il-persuna li kellha din il-marda instabet negattiva għall-coronavirus. Prof. Gauci qalet li din hija kundizzjoni rari li x-xjentisti għadhom ma jafux eżatt minn fejn tiġi.

Mistoqsija dwar l-app li se tiġi introdotta dwar il-contact tracing, il-Prof. Gauci qalet li din se tkun volontarja.

Mistoqsija dwar il-hairdressers, Gauci qalet li għalkemm mhux illegali li dawn imorru fid-djar tan-nies, dan imur kontra l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa biex in-nies iżommu d-distanza minn xulxin.

Is-Supretendent qalet li kull miżura li ttieħdet saret b’risk assessment.

Liema huma l-każi l-ġodda?

  • Raġel ta’ 41 sena
  • Raġel ta’ 33 sena
  • Raġel ta’ 39 sena
  • Mara ta’ 27 sena
  • Mara ta’ 52 sena

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn