2 imwiet oħra bil-Covid-19; “tippjanawx ikliet id-dar”

COVID-19 - Media Briefing - 13-11-2020

COVID-19 - Media Briefing - 13-11-2020

Posted by saħħa on Friday, November 13, 2020

Read in English.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret żewġ imwiet oħra bil-coronavirus.

Waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa dwar l-aħħar żviluppi tal-Covid-19 f’Malta, Prof. Gauci tat id-dettalji tal-aħħar żewġ imwiet li tellgħu l-għadd ta’ vittmi f’Malta għal 92.

Wieħed mill-vittmi kellu 95 sena, iddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-8 ta’ Novembru u rriżulta pożittiv fid-9 ta’ Novembru. Huwa miet ilbieraħ filgħaxija. Il-mewt l-oħra hi ta’ anzjan ta’ 79 sena li ddaħħal l-isptar fis-27 ta’ Ottubru, irriżulta pożittiv fid-29 ta’ Ottubru u miet kmieni dalgħodu.

F’Malta llum ġew irreġistrati 150 każ ġdid, biex b’hekk it-total ta’ każi attivi tela’ għal 2,124.

Appelli ta’ Prof. Charmaine Gauci

  • Mhux żmien ta’ ikliet fid-djar; evitaw li żżidu r-riskju
  • Ċemplu 111 jekk taraw ġemgħat ta’ nies biex jibagħtu l-uffiċjali tal-infurzar.
  • Jekk it-tfal ikollhom xi sintomi, anke jekk mhux tal-Covid-19, tibagħtuhomx skola
  • Effetti wara l-Covid-19: Uħud qed iħossuhom għajjenin, jibqgħu bis-sogħla, filwaqt li oħrajn idumu biex iġibu lura s-sens ta’ togħma u xamm.
  • Lill-postijiet tax-xogħol: Kemm tistgħu ħallu lill-impjegati jaħdmu mid-dar. It-tieni l-ikbar cluster ta’ persuni pożittivi huma minn fuq il-postijiet tax-xogħol.
  • Ilbsu l-maskri fuq il-postijiet tax-xogħol

Tagħrif dwar il-persuni infettati

  • Kura fl-isptarijiet: 208 persuni fosthom 3 fl-ITU u 10 fl-IDU
  • Good Samaritan Hospital f’San Pawl il-Baħar: 69 pazjent
  • Għawdex: 57 każ attiv u 11 fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex
  • Kien hemm tfal li ġew infettati bil-Covid-19 imma t-trażmissjonijiet ma kinux mill-iskejjel
  • L-età medja hija ta’ 45 sena.
  • L-etajiet l-aktar komuni: Bejn 25 u 34 sena u bejn 35 u 44 sena
  • Din il-ġimgħa spikkat predominanza fl-irġiel bejn il-85 u l-94 sena
  • Każi fi djar tal-anzjani din il-ġimgħa: Dar Pinto, Golden Care, Zammit Clapp u San Vincenz de Paule
  • 8 każi impurtati nstabu fost 158 test li saru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta din il-ġimgħa: 4 minn Franza, 3 mill-Polonja, 1 mill-Irlanda.