Filmat: “Tippruvawx issibu skuża biex tneħħu l-maskra” – Prof. Gauci

Read in English.

COVID-19 – Media Briefing – 30-10-2020

COVID-19 – Media Briefing – 30-10-2020

Posted by saħħa on Friday, October 30, 2020

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci tat l-aħħar aġġornamenti fuq is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta. Hija fakkret il-ħtieġa li tintlibes il-maskra kullimkien u qalet lin-nies biex ma jippruvawx isibu skuża biex ineħħu l-maskra.

Xi spikka milli qalet Prof. Gauci?

  • L-età medja ta’ nies li jaqbadhom il-virus hi ta’ 39 sena
  • Jekk xi ħadd imur fid-dar ta’ xi ħadd, għandu jilbes il-maskra xorta waħda
  • Bħalissa hemm 61 każ attiv ta’ Covid-19 f’Għawdex
  • 6 każi pożittivi minn 205 swab tests li saru għal għarrieda fl-ajruport
  • Jekk it-tfal ikunu ma jifilħux, posthom id-dar
  • Il-Milied: Importanti li ma jsirux festini u ma jinġabrux nies; Se jkun Milied differenti”
13:25 Bil-lest għal-lum. Grazzi talli qrajtu dan il-blogg, u tinsewx timxu mal-miżuri sabiex tibqgħu siguri!
Sephora Francalanza
13:22 Dwar il-vaċċin, Prof. Gauci qalet li se jkun disponibbli f'Malta meta jkun disponibbli għall-kumplament tad-dinja.

Qalet ukoll li l-vaċċin tal-influwenza kien ta' suċċess din is-sena.
Sephora Francalanza
13:09 Prof. Gauci tgħid li ma kienx hemm trażmissjonijiet kbar fl-iskejjel, u tapprezza l-miżuri kollha meħudin mill-edukaturi. Hi appellat lill-ġenituri biex jekk it-tfal ikunu jidhru ma jifilħux, dawn ma jibagħtuhomx l-iskola.
Sephora Francalanza
13:08 Hi u twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Prof. Gauci tgħid li issa li hawn il-Halloween u li riesaq il-Milied, importanti li ma jsirux festini u ma jinġabrux nies.

"Dan se jkun Milied differenti," qalet Prof. Gauci.
Sephora Francalanza
13:05 Dwar Good Samaritan, Prof. Gauci qalet li dan il-post hu amministrat minn entità privata.

Meta pazjent ikollu bżonn ċertu trattament imbagħad jittieħed immedjatament fl-Isptar Mater Dei.
Sephora Francalanza
13:00 Jibdew jistaqsu l-mistoqsijiet il-ġurnalisti.
Sephora Francalanza
12:59 Prof. Gauci issa tagħti d-dettalji bl-Ingliż.
Sephora Francalanza
12:57 L-app tniżżlet minn aktar minn 80,000 persuna.
Sephora Francalanza
12:55 Prof. Gauci tagħmel appell lin-nies li jkun se jkollhom operazzjoni l-isptar biex jieħdu ħsieb li ma jmorrux f'postijiet li jistgħu jkunu ta' riskju. "Żommu l-bubble tax-xogħol u tad-dar," tissuġġerixxi s-Supretendent tas-Saħħa.
Sephora Francalanza
12:54 Dil-ġimgħa saru 205 swab tests għal għarrieda fl-ajruport, u minn dawn instabu 6 każijiet pożittivi.
Sephora Francalanza
12:53 Is-Supretendent tgħid li f'postijiet fejn ikun hemm ħafna nies, bħall-ATM, importanti li jintuża s-sanitiser peress li din tkun intmesset minn nies differenti.
Sephora Francalanza
12:52 L-awtoritajiet tas-saħħa se joħorġu lista ta' x'inhi attività fiżika li fiha mhux meħtieġ li tintlibes il-maskra. Tgħid li waqt xi mixja, il-maskra għandha tintlibes xorta.
Sephora Francalanza
12:52 Tfal tal-kindergarten ma jridux jilbsu l-maskra ġol-klassi.
Sephora Francalanza
12:51 Meta tista' tneħħi l-maskra?

Prof. Gauci tgħid li importanti li ma jinstabux l-iskużi biex jitneħħew il-maskri.
Sephora Francalanza
12:51 Fil-karozzi mhux obbligatorju li tintlibes il-maskra, imma jekk jirkeb xi ħadd li ma joqgħodx mas-sewwieq, tajjeb li tintlibes il-maskra.
Sephora Francalanza
12:49 L-eżenzjoni għall-maskra hija ġod-djar, imma importanti li jekk xi ħadd imur fid-dar ta' xi ħadd, jilbes il-maskra xorta waħda. Prof. Gauci qalet li għandhom jiġu skoraġġiti ż-żjarat fid-djar tan-nies.
Sephora Francalanza
12:49 Prof. Gauci issa tgħid kemm hu importanti li jintlibsu l-maskri sew.
Sephora Francalanza
12:48 Issemmi l-miżuri li ttieħdu biex tiġi mrażżna l-firxa tal-virus. Din il-ġimgħa ttieħdu miżuri ġodda li bihom il-bars u l-każini ngħalqu għal xahar, l-isnack bars u l-kjosks iridu jagħlqu fil-11pm u ma jistgħux iservu alkoħol. Apparti dan, il-gruppi huma limitati għal sitt persuni minflok 10.
Sephora Francalanza
12:47 Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tfakkar fil-miżuri ta' prevenzjoni, b'mod speċjali fid-distanza ta' 2 metri li trid tinżamm bejn in-nies.
Sephora Francalanza
12:45 Titkellem fuq l-iswab tests rapidi li waslu Malta din il-ġimgħa. Minflok tmur il-laboratorju, l-iswab tinħadem fuq il-post stess.

Dawn it-testijiet qegħdin isiru fiċ-ċentru tat-testijiet il-ġdid li nfetaħ fil-Furjana.
Sephora Francalanza
12:44 Prof. Gauci titkellem fuq l-imwiet u tagħti l-istatistika tal-etajiet tal-persuni li mietu.
Sephora Francalanza
12:43 L-età medja ta' nies li jaqbadhom il-virus hi ta' 39 sena.
Sephora Francalanza
12:43 Etajiet: il-maġġorparti tal-każijiet bejn 25 u 34 sena, imbagħad bejn 35 u 44 sena.
Sephora Francalanza
12:42 F'Għawdex hemm 61 każ attiv.
Sephora Francalanza
12:42 Tgħid li qed jinstabu wkoll każijiet mill-ajruport u minn postijiet ta' divertiment.
Sephora Francalanza
12:41 Prof. Gauci tfakkar li l-każijiet jiġu klassifikati skont dawk li jkollhom kuntatt mill-viċin ma' nies bil-virus, u oħrajn li ma kellhomx kuntatt mill-qrib. Dawn ikunu jistgħu joħorġu għax ikollhom riskju baxx.
Sephora Francalanza
12:41 Tgħid li anke fil-postijiet tax-xogħol qed ikun hemm ħafna każijiet u għalhekk importanti li jittieħdu l-prekawzjonijiet.
Sephora Francalanza
12:39 Minn fejn ġejjin il-clusters?
Il-maġġorparti tal-każijiet għadhom ġejjin mill-familji.
Sephora Francalanza
12:38 Qed ikun hemm djar fejn ikun hemm ftit carers li jirriżultaw pożittiv, anke residenti, imma dawn qed jittieħdu fil-Good Samaritan Home.
Sephora Francalanza
12:38 Hi ssemmi dar tal-anzjani fejn kien hemm għadd kbir ta' każijiet imma s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata.
Sephora Francalanza
12:38 104 każijiet bħala s-7 day moving average, tgħid Prof. Gauci.
Sephora Francalanza
12:37 – 19-il persuna fl-Isptar Boffa
– 16-il persuna fl-Isptar San Tumas
– Persuna fl-Isptar Karin Grech
– 7 persuni fl-Isptar Good Samaritan
Sephora Francalanza
12:36 Fl-ITU hemm 12-il persuna, 12 oħra fis-Sala tal-Mard Infettiv, 21 persuna fis-swali ta' Mater Dei.

Fl-ITU: 2 persuni ta' inqas minn 55 sena.
Sephora Francalanza
12:36 Tgħid li t-total ta' mwiet hu ta' 61 persuna. Każijiet attivi hawn 1,891.
Sephora Francalanza
12:35 Prof. Gauci tibda l-konferenza billi tħabbar 76 każ ġdid u 110 persuni mfejqin.
Sephora Francalanza
12:35 Il-waranofsinhar it-tajjeb, nilqgħukom għal dan il-blogg.
Sephora Francalanza

Dalgħodu tħabbret il-61 mewta f’Malta bil-coronavirus, dik ta’ anzjan ta’ 68 sena.