Filmat: 14-il każ ġdid; “temp sabiħ imma toħorġux”

Read in English.

  • 14-il każ ġdid; total ta’ 227
  • Fost il-każi tal-lum anzjana ta’ 86 sena
  • “Temp sabiħ imma toħorġux”
  • “Aktar ma jkollna koperazzjoni mill-pubbliku aktar is-sitwazzjoni tkun taħt kontroll”
  • Prof. Gauci tispjega għaliex hemm min idum sa 10 ijiem biex jirċievi r-riżultat tal-coronavirus
  • 3 pazjenti fl-ITU, 4 f’Mater Dei, 20 fl-Isptar San Tumas, 8 fl-Isptar Boffa u 1 f’Monte Karmeli

Coronavirus Malta -05.04.20

Malta rreġistrat 14-il każ ġdid ta’ COVID-19. B’hekk it-total tela’ għal 227.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li dawn il-każijiet kollha kienu riżultat ta’ trażmissjoni lokali. Mill-pazjenti l-ġodda, 11 minnhom huma rġiel filwaqt li tlieta huma nisa. Mill-każi tal-lum il-pazjenta li għandha l-aktar żmien għandha 86 sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-coronavirus, Prof. Gauci appellat lin-nies biex ma joħorġux sakemm ma jkollhomx verament bżonn. Żiedet tgħid:

Jekk noqogħdu ġewwa nkunu qed innaqqsu r-riskju li niltaqgħu mal-virus

Mistoqsija dwar dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela li qed jimmira li l-miżuri jitneħħew sas-sajf, Prof. Gauci qalet li aktar ma jkun hemm kooperazzjoni mill-pubbliku aktar is-sitwazzjoni tkun taħt kontroll.

Dwar għalfejn hemm min idum sa 10 ijiem biex jirċievi riżultat tat-test tal-coronavirus, Prof. Gauci qalet li r-riżultat għal dawk in-nies li jkollhom riżultat pożittiv joħroġ mill-ewwel. Żiedet tgħid li qed jippruvaw jaraw kif in-nies li jkunu negattivi għall-virus jingħataw ir-riżultat aktar malajr.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Prof. Gauci jekk il-messaġġ tal-PM Robert Abela biex in-nies joħorġu imma ma jinġemgħux jikkuntrastax mal-messaġġ tagħha biex in-nies ma joħorġux. Prof. Gauci wieġbet hekk:

“Il-messaġġ huwa ċar għal kulħadd mill-entitajiet kollha li l-persuni għandhom joħorġu biss jekk huma għandhom bżonnijiet. Però inti għandek nies li huma vulnerabbli li rridu nipproteġuhom ħafna aktar allura għal dawk in-nies kien u dejjem jibqa’ ċar li m’għandhomx joħorġu ħlief għal bżonnijiet li huma meħtieġa”

Għandek in-nies l-oħrajn li ma jaqgħux taħt il-kategorija li huma vulnerabbli li huma dawn iridu jmorru għax-xogħol għax dak huwa l-bżonnjuż u hemm aħna qegħdin ngħidu iva xorta għamel is-social distancing. Fil-fatt il-messaġġ huwa kompletament l-istess għaliex anke bħalma taraw il-liġijiet li qegħdin nagħmlu aħna qegħdin nenfasizzaw li m’għandhomx ikun hemm gruppi ta’ nies li jkunu flimkien,” żiedet tgħid il-Professur. Filwaqt li spjegat li tifhem li llum it-temp huwa sabiħ, kompliet tappella lin-nies biex ma joħorġux.

Liema huma l-każi l-ġodda?

  • Bejn 15-20: 1
  • Bejn 20-30: 5
  • Bejn 30-40: 2
  • Bejn 40-50: 2
  • Bejn 60-70: 3
  • Bejn 70-100: 1

Fejn qed jinżammu l-pazjenti?

Skont Prof. Gauci hemm tliet pazjenti fl-ITU, erba’ f’Mater Dei, 20 fl-Isptar San Tumas, tmienja fl-isptar Boffa, u persuna f’Monte Karmeli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn