Filmat: Għawdex b’numru rekord ta’ 114-il każ; 10 l-isptar

COVID-19 - Media Briefing - 08-01-2021

COVID-19 - Media Briefing - 08-01-2021

Posted by MaltaGov on Friday, January 8, 2021

Read in English.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci llum ħabbret li f’Għawdex bħalissa hemm l-ogħla numru ta’ każijiet li qatt kien hemm, billi hemm 114-il każ attiv. Dan hu rifless fis-sitwazzjoni fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn hemm 10 pazjenti.

Dan qalitu Prof. Gauci hi u tindirizza l-konferenza tagħha ta’ kull ġimgħa sabiex tagħti l-aħħar aġġornamenti fuq is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta.

Illum tħabbru 191 każ ġdid filwaqt li fiequ 77 persuna, biex issa il-każijiet attivi reġgħu qabżu l-2,000. Mietu wkoll żewġ anzjani u t-total ta’ mwiet tela’ għal 230.

Iż-żieda fil-każijiet

Din il-ġimgħa kien hemm qabża ġmielha fil-każijiet tal-coronavirus peress li nhar l-Erbgħa tħabbar rekord ġdid ta’ każijiet: 224. Prof. Gauci qalet li l-medja ta’ każijiet din il-ġimgħa għoliet għal 143.

Hija qalet li dan hu turija ċara tas-sitwazzjoni fil-komunità, billi ħafna nies tħalltu fi żmien il-festi, iżda semmiet ukoll il-kesħa li taffettwa. L-aktar ammont li jinqabdu każijiet huwa bejn il-ħames u t-tmien ġurnata, spjegat Prof. Gauci, u għalhekk l-impatt tal-festi se jidher l-aktar din il-ġimgħa. L-impatt mistenni jibda jonqos il-ġimgħa d-dieħla.

Prof. Gauci kkummentat ukoll fuq kif l-akbar clusters baqgħu dawk fid-djar, fost il-familji. Żdiedu anke l-clusters fuq il-postijiet tax-xogħol, u anke ta’ attivitajiet bejn in-nies.

Stqarret, “Nippretendu li issa bdejna nissetiljaw għar-rutina wara l-festi, nieħdu ħsieb biex in-numri nnaqqsuhom u nevitaw dawn il-gatherings.”

Ġie nnutat ukoll li l-iżjed każijiet dal-aħħar instabu fost in-nies li għandhom bejn 25 u 34 sena, filwaqt li l-età medja hija ta’ 40 sena.

In-nies li qegħdin imutu l-aktar bil-coronavirus huma dawk li għandhom bejn 75 u 84 sena.

Fl-ajruport saru 2,658 swab test, li minnhom instabu 16-il persuna li kellhom il-coronavirus. Il-każijiet tal-varjant għadhom tlieta, iżda t-testijiet tal-ġenetika għadhom għaddejjin.

Instabu wkoll xi każijiet fost l-immigranti, imma dawn kienu ftit, u qed jinżammu f’iżolament.

Fl-isptarijiet

Bħalissa hemm 13-il persuna fis-Sala għall-Kura Intensiva f’Mater Dei, u tmien persuni fis-Sala tal-Mard Infettiv fl-isptar ukoll. Mill-isptarijiet, fil-Good Samaritan Long Term Facility b’mod partikolari hemm għadd kbir ta’ pazjenti, peress li hemm 68 pazjent.

Fuq il-vaċċin

Mill-ġimgħa d-dieħla, għandha tibda tintbagħat ittra d-dar lill-persuni li għandhom aktar minn 85 sena li huma mobbli. Se jingħataw żewġ dati, tal-appuntament għall-ewwel u t-tieni doża, li jkun 21 ġurnata wara appuntament għall-vaċċin tal-Pfizer.

Grupp ta’ persuni ta’ din l-età li ma jistgħux joħorġu mid-dar, li huma reġistrati mal-CommCare, ma rċivewx l-ittra għax qed jiġi preparat tim biex imur ilaqqamhom fid-dar.

Dwar il-vaċċin, Prof. Gauci qalet ukoll li sa dil-ġimgħa jkunu tlaqqmu fuq 4,000 persuna. Spjegat li qed isir tilqim skont l-ammont ta’ dożi li rċeviet Malta s’issa.

Rigward sintomi li esperjenzaw nies li ħadu l-vaċċin, Prof. Gauci qalet li dawn kienu sintomi normali ta’ meta wieħed jieħu xi tilqima: li jkun hemm ħmura fil-post tat-tilqima, li dak li jkun iħoss idu ftit iebsa, u anke li jkun xi ftit għajjien. Madankollu, spjegat li dawn huma sintomi li jgħaddu wara jumejn, u li n-nies m’għandhomx iħallu dawn l-affarijiet żgħar iwaqqfuhom milli jieħdu l-vaċċin.

Prof. Gauci kellha appell biex in-nies jikkollaboraw fil-contact tracing, u dawk li jkollhom il-coronavirus jinfurmaw lill-ħaddiema ta’ dan it-tim bin-nies kollha li kellhom kuntatt magħhom. Saħqet fuq l-importanza li dawn in-nies jiġu identifikati sabiex tkun tista’ tiġi kkontrollata l-imxija.

Dan wassal għal appell biex l-iskejjel ma jiftħux u t-tagħlim isir online, u għalhekk l-MUT ħabbret strajk ta’ jumejn għall-għalliema. It-taħditiet mal-awtoritajiet għadhom għaddejjin. Prof. Gauci qalet li l-laqgħa tal-lum kienet pożittiva.