Inkjesta Egrant: Delia jiftaħ rikors Kostituzzjonali biex jingħata l-inkjesta sħiħa

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Partit Nazzjonalista quddiem il-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li kien fetaħ kawża quddiem il-Qorti Ċivili biex jordna lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja tar-rapport sħiħ tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

L-avukati ta’ Adrian Delia qalu li jekk ma jsirx hekk, l-Avukat Ġenerali jkun qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Fil-Qorti, Delia talab ukoll għall-pubblikazzjoni tal-istess inkjesta mingħajr dewmien biex l-Avukat Ġenerali jkun qiegħed iwettaq id-dmirijiet u l-obbligi tiegħu mogħtija lilu mill-kostituzzjoni.

Fil-Qorti, Delia kien akkumpanjat mill-avukat Joe Giglio u mill-Avukat Vincent Galea.

Il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li n-numri juru li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jitlef u mhux jilħaq mal-aspirazzjonijiet tan-nies. Dan filwaqt li ftit tal-jiem qabel qal li l-kwistjoni tal-firda pinġieha l-Partit Laburista bl-ispin tiegħu fil-midja b’saħħitha li għandu. Delia kien qal li l-interess tal-Partit Laburista hu li jiżvija minn dak li hemm bżonn ta’ diskussjoni dwaru.

Ir-Rikors tal-Kap tal-Oppożizzjoni.