Filmat: “X’inhu importanti l-politika jew li nsalvaw il-ħajjiet?”

Numru ta’ NGOs ippreżentaw il-messaġġ tagħhom lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-immigranti li ilhom 18-il jum bejn sema u ilma. Quddiem Kastilja, l-NGOs sostnew li wasal iż-żmien li niddeċiedu x’inhu importanti, li wieħed jirbaħ punti politiċi jew inkella li jiġu salvati l-ħajjiet.

Fil-messaġġ tagħhom sostnew li jinsabu diżgustati bil-mod kif qed jiġu trattati d-49 immigrant li jinsabu fuq bastimenti li skonthom huma viżibbli mix-xatt Malti. Qalu li minkejja t-talbiet għas-solidarjetà, l-Istati Membri Ewropej ma rnexxilhomx isibu soluzzjoni dipplomatika. Sostnew li dan ifisser biss li l-bnedmin u l-Istati tilfu kompletament l-umanità tagħhom.

Petizzjoni għan-nies bejn sema u ilma; Illum it-18-il ġurnata

L-NGOs insistew li jifhmu li sitwazzjonijiet bħal dawn joħolqu problemi kkumplikati, u li din hija wkoll sfida għall-Ewropa biex tinstab soluzzjoni. Madanakollu insistew li ma tistax tintuża bħala skuża biex naħarbu mir-responsabbiltajiet tal-individwi u n-nazzjonijiet li jorbtuna nsalvaw il-ħajjiet. Sostnew li li wieħed isalva l-ħajjiet ma għandha qatt tkun ikkundizzjonata mill-politika.

Temmew billi insistew li l-bnedmin huma aktar importanti u qalu li dan tal-lum huwa pass favur il-ħajja u d-dinjità.

Il-migranti fil-baħar għandhom jingħataw kenn – Delia

Il-KE se tkun qed titkellem għada dwar l-iżviluppi fuq Sea Watch u Sea Eye

Il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni Dimitris Avrampoulos se jkun qed jitkellem għada dwar is-sitwazzjoni ta’ Sea Watch u Sea Eye. Dan qalu l-kelliem ewlieni għall-Kummissjoni, Margaritis Schinas, waqt konferenza tal-aħabarijiet.

Schinas saħaq li huma komplew b’ħidma intensiva mal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea, b’laqgħa ‘l bieraħ fejn il-Membri Stati ġew infurmati bil-progress tal-laqgħat li qegħdin issiru waqt il-Kumitat tar-Rappreżentati Permanenti.

Huwa sostna li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hi ċara u qegħdin jistennew li l-Membri Stati juru solidarjetà konkreta u li n-nies abbord iż-żewġ bastimenti jitniżżlu mingħajr iktar dewmien.

Schinas qal li sa fejn jista’ jgħid s’issa numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea wrew ir-rieda li jgħinu f’dan l-isforz konġunt. Saħaq li iktar dettalji se jingħataw għada mill-Kummissarju stess.