Filmat: Partit mhux magħqud ma jistax ikun relevanti – Bernard Grech

Intervista NET Television

Segwu l-intervista li saritli llejla minn Christine Amaira, Jesmond Saliba u Albert Gauci Cunningham fuq NET Television 🇲🇹

Posted by Bernard Grech on Thursday, September 10, 2020

Rappurtaġġ Addizzjonali: Jes Saliba

Dr Bernard Grech qed jikkontesta għal kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li biex ikun relevanti, il-Partit Nazzjonalista jrid jingħaqad billi jegħleb l-isfida tal-qsim u l-klikek.

Waqt il-programm speċjali Elezzjoni Kap 2020 fuq NetTV, Grech ġie intervistat minn Jesmond Saliba minn Newsbook.com.mt flimkien ma’ Christine Amaira minn Net TV u Albert Gauci Cunningham, editur tal-ġurnal Illum.

Dr Grech saħaq li biex il-partit jingħaqad ħalli l-pajjiż jerġa’ jsir normali u jattira lejh nies li mhux bilfors huma Nazzjonalisti, irid ikun hemm għan wieħed. Spjega li n-nies irid ikollhom l-opportunità li tkun utli għal partit u l-għan u l-interess li jgħaqqad il-Grupp Parlamentari. Huwa rrefera għall-fatt li kien hemm perjodu fejn il-grupp parlamentari ma kienx qed jitlaqqa’. “Ma’ tistax tħalli xhur mingħajr ma tlaqqa’ l-Grupp Parlamentari, għax bilfors jinħolqu l-klikek”, tenna Dr Grech.

Filwaqt li saħaq li ma jappartjeni għall-ebda klikka, Dr Grech qal li huwa impenjat li jġib lill-kulħadd madwar il-mejda, anke dawk li jkollhom opinjonijiet differenti. “Opinjonijet differenti ma għandhomx iwasslu għal ħolqien ta’ klikek.” Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kunflitt ta’ ideoloġiji.

Fil-politika ma nistgħux inkunu aljenati. Irid ikollok iċ-ċertezza ta’ fejn sejjer u fejn trid tasal. Kulħadd irid jasal f’direzzjoni waħda li kulħadd ikun konvint minnha, biex il-partit ikun partit relevanti.

Partit imġedded u li jkun eqreb lejn in-nies

Dr Bernard Grech qal li l-kandidati u kull min jifforma parti mill-Partit Nazzjonalista jrid joħroġ mid-Dar Ċentrali u mill-uffiċċji tiegħu u jaħdem biex jiltaqa’ u jisma’ lin-nies. Huwa spjega li tul il-kampanja sema’ l-karba ta’ ħafna li lmentaw li f’dawn l-aħħar 10 snin ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma ltaqa’ magħhom, wisq inqas semagħhom. “Din hija sitwazzjoni li trid tiġi indirizzata”, spjega Grech.

Huwa qal ukoll li l-Partit għandu bżonn li jibda jiġġedded. “Qed niltaqa’ ma’ numru ta’ nies li juruk li l-organi tal-partit mhux jiffunzjonaw kif suppost. Hemm distanza bejn min imexxi l-Partit u min qed jgħix f’daru”, enfasizza Dr Grech li wiegħed li jekk ikun Kap, irid jara li d-deputati kollha jaħdmu u jitkellmu man-nies, biex ma jkunx hemm sitwazzjoni bħal dik ta’ mara li qaltlu li f’għaxar snin ħadd ma għamel kuntatt magħha. “Bla kuntatt man-nies ma nistgħux nagħmlu politika effettiva.”

Elezzjoni demokratika

Meta kien mitlub iwieġeb dwar ir-reazzjoni tiegħu għal min jgħid li Dr Adrian Delia kien elett u anke kien konfermat b’mod demokratiku, filwaqt li kkonferma dan, Dr Grech qal li fl-aħħar xhur, l-ogħla tliet organi tal-Partit sfiduċjaw lil Dr Adrian Delia b’mod demokratiku. Għaldaqstant spjega li l-elezzjoni ta’ bħalissa hija wkoll elezzjoni demokratika għaliex hija riżultat tal-għażla tal-maġġoranza assoluta tal-Kunsilliera fil-Kunsill Ġenerali, fl-Eżekuttiv u fil-Grupp Parlamentari. “Jekk inkun elett Kap, din l-elezzjoni hija riżultat ta’ proċess demokratiku”, spjega Dr Grech, filwaqt li żied li wara l-vot, kulħadd irid jimxi fuq l-għażla demokratika tat-tesserati.

Apoloġija għal passat u inklużjoni taż-żgħażagħ

Dr Bernard Grech qal li hu m’għandu ebda problema li jitlob apoloġija lil min ġie mweġġa’ mill-Partit Nazzjonalista. Stqarr li meta qed jiltaqa’ man-nies qed jisma’ ħafna nies jilmentaw li minkejja l-ħidma tagħhom fil-Partit, fil-passat ġew imwarrba.

Dwar ir-rwol taż-żgħażagħ, Grech qal li dawn diġà qegħdin jersqu lejn il-partit. Fisser li trid titkompla l-ħidma biex iż-żgħażagħ ikunu f’kull livell u f’kull organu tal-partit nazzjonalista. Huwa qal li ma jridx li ż-żgħażagħ ikunu sempliċiment għodda għar-ritratti imma jridhom madwar il-mejda ifasslu l-politika.

Relazzjoni u messaġġi ma’ Yorgen Fenech

Fi kliem Grech, jekk jirriżulta li jkun hemm min kiser l-etika billi ntbagħtu messaġġi lil Yorgen Fenech, meta kien magħruf li kien is-sid 17 Black, hu jitlob li jkun hemm investigazzjoni minn bord apposta fi ħdan il-partit, u jekk is-sitwazzjoni timmerita li persuna titneħħa mill-Partit, allura hu min hu, dan jitneħħa. Saħaq li fl-istess waqt min għandu xi jwieġeb, irid ikollu l-opportunità li jwieġeb imbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Stqarr li ma jistax il-PN jgħid li ma jaqbilx mal-impunità fuq livell nazzjonali, u jistituzzjonalizzaha fi ħdan il-Partit stess.  Kompla jgħid li “jekk irridu li l-istituzzjonijiet nazzjonali jaħdmu, dan irid ikun il-każ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għaliex min għandu responsabilità fil-partit irid jaġixxi skont ir-responsabilitajiet li għandu”.

Ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Kap tal-PN stqarr li l-ġlidiet kontra l-korruzzjoni ma bdewx minnu imma hu kien parteċipi u attiv. “Mill-2012 ‘l hawn tkellimt kemm-il darba kontra l-korruzzjoni. Mingħajr dan il-ġlied inkunu qed nagħtu l-impressjoni li nittolleraw l-impunità”, żied jgħid. Spjega li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u dawk li qed jisirqu lill-pajjiż trid titkompla, “u niġru wara l-istituzzjonijiet kollha, jekk hux l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman, il-Qorti jew kull istituzzjoni oħra”.

Tassazzjoni

Il-kwistjoni tal-ħlasijiet tat-taxxa, kif kien mistenni, kienet wieħed mis-suġġetti li saru lil Dr Bernard Grech. Huwa qal li ma kienx korrett f’dak li għamel u rrikonoxxa dan. “Irid ikollna standards, u jekk żbaljajna rridu jkollna l-kuraġġ li ngħidu li żbaljajna”, spjega Dr Grech.   Huwa fisser li l-ħlasijiet saru b’mod leċitu permezz ta’ installments fuq medda ta’ bejn tlieta u erba’ snin mill-fondi tal-familja mill-fondi tal-familji, minn flus li kienu tfaddlu u anke mill-ħlasijiet li nġabru meta kkonkluda xi xogħlijiet li kien qed jaħdem fuqhom.

Viżjoni għal futur

Dr Bernard Grech irrimarka li l-PN irid ikollu viżjoni li tkun tanġibbli u li tagħti dik l-enerġija pożittiva li tattirahom lejh. “Irridu naħdmu b’mod kawt biex nilħqu dan l-għan. Fl-aħħar seba’ snin, filwaqt li għamel ħafna ġid ekonomiku, il-Gvern għamel ħafna ħsara għar-reputazzjoni ta’ Malta. Hemm ħafna Maltin u Laburisti ġenwini li huma ddispjaċuti għal mod kif għadd ta’ nies fil-Partit Laburista ħakmu lill-pajjiż biex jistagħnew”, kompla jgħid.

Huwa qal li “jekk jirnexxielna nġibu lil Malta normali, inkunu ksibna ħafna. Anke jekk jirnexxielna nġibu lill-Partit Nazzjonalista jiggverna b’mod stabbli għal leġiżlatura sħiħa, inkunu ksibna ħafna.” Huwa qal li dan isir, billi jintużaw il-ġebel li żżarmaw f’dawn l-aħħar snin, fejn min imur jitkellem dwar Malta jagħmel dan b’wiċċu minn quddiem, u jiġu konvinti li rridu nimxu ’l quddiem. Dr Grech qal li “ma nistax immur barra minn Malta u jtuni l-cold shoulder, bħalma qed jiġrilu l-Prim Ministru Abela, minħabba r-reputazzjoni ta’ Malta”. Dan isir, kompla Grech, billi l-PN ikun oppożizzjoni b’saħħitha u government-in-waiting.

Huwa ddikjara li lest li jaħdem id f’id mal-Prim Ministru biex ir-rapport tal-Moneyval ikun pożittiv, allavolja fi kliemu s-sitwazzjoni u r-riskji li qed taffaċċja Malta mhux tort tal-oppożizzjoni. “Jekk ikollna rapport ħażin mill-Moneyval se jkollna problemi għal pajjiżna, f’oqsma li diġà qed jaffetwaw lin-negozji u l-familji. Il-ħsara li ġabu ċertu nies fil-partit Laburista qed jikkawżaw problemi lill-għadd ta’ operaturi fil-qasam finanzjarju biex tiġi skansata s-sħaba sewda li qed tersaq lejn il-pajjiż”, kompla jgħid.

Il-fiduċja tan-nies trid takkwistaha

“Il-fiduċja tan-nies irridu nakkwistawha, irridu niksbuha bil-ħidma, billi niltaqgħu man-nies, mal-korpi kostitwiti u ma’ kull min għandu interess li jkun parti minn din il-mixja li twassal għar-rebħa.” Dr Grech qal li biex il-Partit Nazzjonalsita u l-pajjiż ikollu rebħa, il-partit irid ikollu n-numri. Huwa stqarr li biex dan iseħħ il-PN irid ikun l-għażla naturali,  fejn ikun hemm laqgħat ma’ kull settur u mas-soċjetà ċivili u għaqdiet ambjentali. Dwar l-ambjent, Grech qal li l-PN kien jgħid li hu l-partit tal-ambjent u li iżda fil-passat ħa deċiżjonijet li kienu jmorru kontra l-ambjent. Enfasizza li l-PN irid jindirizza dan u jifhem li mhux il-partit li jifhem f’kollox.