“Keith kitibli x’għandi ngħid lill-Pulizija”

Yorgen jgħid li Keith tah żewġ skripts dwar x'għandu jgħid

Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jixhed quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff. Fenech qed jikkontesta l-involviment tal-Ispettur Keith Arnaud fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Caruana Galizia.

10:39 Il-każ se jkompli fl-10 ta’ Diċembru.

10:33  Yorgen Fenech saħaq li fil-każ ta’ Schembri l-affarijiet ma sarux tajjeb, għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fil-każ tiegħu.

“L-ilment tiegħi hu li x-xhieda kollha tindika l-involviment ta’ Schembri.

Yorgen qal li hu ngħata l-police bail erba’ darbiet u li jħassbu huwa li Arnaud mhux f’pożizzjoni li jinvestiga l-assassinju minħabba kunflitt ta’ interess “għax hu qrib Schembri”.

10:27 Yorgen qal li Arnaud kien kellmu meta kien miżmum u qallu li hemm xaqq ta’ dawl. Żied jgħid li qalulu biex ikun responsabbli f’dak li jgħid u joqgħod attent lil min jinvolvi. Żied jgħid jekk kienx qed jirreferi għal Keith Schembri, ir-risposta kienet fl-affermattiv. Fenech tenna li Arnaud kien qed jaġġorna lil Schembri kontinwament dwar il-progress tal-investigazzjoni. Yorgen qal li Keith Schembri għaddielu skript dwar x’għandu jgħid lill-Pulizija u li hu segwieh.

Ingħatajt żewġ skripts – wieħed meta kont arrestat, u ieħor il-Ħadd meta kont fuq police bail”.

Saħaq li kellu joqgħod ħafna attent u ma jsemmix lil Schembri, “imma r-rikordings u l-evidenza kollha turi li hemm rabtiet bejn Schembri u l-assassinju”. Yorgen jirrimarka li kien hemm għaġġla kbira biex jitressaq il-Qorti wara li semma lil Keith Schembri. Jgħid li l-Pulizija kkonfiskat il-laptops u l-apparat elettroniku kollu tal-familja, inkluż ta’ martu u wliedu.

10:23 L-avukat difensur staqsietu dwar l-informazzjoni li ngħatatlu, u hu qal li beda jirċievi l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni minn ġimgħa wara l-assassinju. Yorgen qal li hu kien infurmat dwar is-suspettati u d-data tar-rejd meta ġew arrestati t-tliet suspettati. Semma kif sena ilu, Arnaud u Schembri tant kellhom relazzjoni tajba li Arnaud avviċina lil Schembri biex jgħinu jsib xogħol għal martu. Yorgen qal li Schembri qallu li sabilha xogħol ma’ Infrastructure Malta.

10:18 Yorgen jgħid li hu kien iġib l-informazzjoni minn Keith Schembri: “Tasal mill-Ispettur Arnaud imma Schembri kien jgħidli, kellu relazzjoni tajba ma’ Arnaud. Kien jaġġornah kontinwament bil-progress tal-investigazzjoni. Yorgen jgħid li Keith għaddielu l-informazzjoni li Vincent Muscat kien f’taħditiet dwar il-maħfra presidenzjali. Stqarr li infurmah li l-mowbajl tiegħu kien qed jiġi ssorveljat. Yorgen qal li hu kien infurmat bil-maħfra qabel ġie arrestat. “Bagħtulu messaġġ fuq il-mowbajl tiegħu, bin-numru 79444444”.

10:15 L-avukati ta’ Fenech, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri, staqsew lil Yorgen dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju ta’ Keith Schembri. Yorgen Fenech jgħid li jafu lil xulxin tfal, li kienu jiltaqgħu darbtejn fil-ġimgħa, imorru d-djar ta’ xulxin u jsiefru flimkien. Fenech stqarr li meta kien ikollhom xi problema, kienu jfittxu lil xulxin, anke f’sitwazzjoni ta’ saħħa. Żied jgħid li qabel l-arresti tat-tliet akkużati fl-assassinju, kien jinfurmah kontinwament b’dak li jkun qed jiġri.

L-ewwel xhieda ta’ Melvin Theuma
Melvin Theuma b’xhieda xokkanti