Filmat: Xorta oħorġu vvutaw għall-Kunsilli – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li n-nuqqas ta’ kandidati min-naħa tal-Partit Nazzjonalista huwa inkwetanti u dan jista’ jwasssal biex inqas nies joħorġu jivvutaw. Spjega li kieku l-Partit Laburista ma ppreżentax iktar kandidati milli jeħtieġ kien iwassal biex 23 lokalità ma kinux ikunu eliġibbli li jivvutaw.

‘In-nuqqas ta’ kanidati Nazzjonalisti jista’ jwassal biex inqas nies jivvutaw’

Matul id-diskors tiegħu waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali f’Ta’ Sannat, Muscat spjega li l-ammont ta’ kandidati ppreżentati mill-Partit Nazzjonalista seta’ jwassal biex madwar 130,000 persuna ma kienx se jkollhom iċ-ċans li jivvutaw.

Spjega li jekk il-Partit Laburista jkollu l-maġġoranza tal-kandidati jagħti sens ta’ sigurtà lill-votanti u dan jista’ jfisser li ħafna kandidati jserrħu rashom li l-Partit Laburista għandu l-maġġoranza u għalhekk ma joħroġx jivvota.

Permezz tas-Surplus Malta tista’ tagħmel diversi proġetti

Muscat tkellem dwar is-suplus li Malta għamlet għat-tielet sena konsekuttiva. Huwa qal li dan is-suplus iġib sfidi ġodda għal Malta u għalhekk il-Gvern żied il-finanzjament tal- Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) sabiex tkun tista’ tkompli tgħin lill-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Muscat semma kif permezz ta’ dan is-surplus Għawdex se jkun qed igawdi minn proġett ta’ €130 miljun sabiex ikun jista’ jkollu s-servizz tal-ilma għalih. Huwa kompla li permezz ta’ investiment ta’ €3.5 miljun se jkun installat it-tieni cable tal-fibre optic bejn Malta u Għawdex sabiex dan jassigura li Għawdex jattira iktar investiment lejh.