Filmat: Skemi għal dawk li joqogħdu qrib il-Port Ħieles – Muscat

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li se jkun hemm skemi għar-residenti li joqgħodu viċin il-port ħieles. Huwa kien qed jindirizza attività politika tal-Partit Laburista f’Misraħ is-Summit f’Birżebbuġa.

Muscat kien qed jitkellem fuq il-proġett li tħabbar ftit tal-jiem ilu, u spjega li għalissa se jibdew bi 30 tomna iżda l-ispazju miftuħ se jkun madwar 80 tomna b’kollox. Waqt l-intervent tiegħu, Muscat spjega li bħalma n-nies ta’ Wied il-Għajn li joqgħodu viċin l-impjant igawdu minn skemi minħabba l-inkonvjenza li dan joħloq, in-nies li joqgħodu viċin il-port ħieles se jkunu qed igawdu minn skema biex ikunu jistgħu jnaqqsu mill-inkonvenjent permezz ta’ skema għal double glazing ta’ twieqi u l-bibien. Huwa sostna li d-dettalji ta’ din l-iskema għadhom iridu jitħabbru.

AQRA: Filmat: L-ikbar spazju miftuħ għal Malta fil-jiem li ġejjin

Dwar l-ispazji miftuħa, Muscat qal li kwalunkwe deċiżjoni hemm prezz marbut magħha, meta mistoqsi minn Ramona Attard jekk l-art tingħata biex ikun hemm spazju miftuħ tfissirx li qed tittieħed art li fuqha jista’ jkun hemm investiment. Il-Mexxej tal-Partit Laburista sostna li hemm bżonn ta’ postijiet fejn wieħed jista’ biex igawdi ħin liberu mal-familja.

Huwa tkellem ukoll dwar il-kwalità tal-arja u qal li l-ewwel pass li għamel gvern immexxi mill-Partit Laburista kien li jgħalaq il-power station. Sostna li ‘min jieħu nifs ma jridx ikun qed jibla’ l-velenu’, filwaqt li reġa’ fakkar li l-karozzi se jkunu qed jinbidlu għall-elettriku.

AQRA: Malta tirreġistra t-tieni l-ikbar żieda tas-CO2

AQRA: Filmat: Irridu niġu f’punt fejn il-Gvern jikkumpensa lil min juża tal-linja – Muscat

‘Żejt niżel għal ġol-baħar’

Il-Mexxej tal-Partit Laburista sostna li baqa’ l-problemi fosthom iż-żejt li ilu minn żmien l-Ingliżi u li issa nfaqa’ l-blat u qiegħed jgħaddi għal ġod-djar tan-nies kif ukoll qed jibqa’ ħiereġ għal ġol-baħar. Sostna li trid tinsab soluzzjoni għal din il-problema.

290 triq ġdida

Muscat tkellem ukoll dwar l-infrastruttura. Huwa spjega li l-Gvern ċentrali neħħa r-responsabbilità tat-toroq minn idejn il-Kunsilli Lokali iżda ma naqqasx il-fondi tal-Kunsilli. Saħaq li t-toroq f’idejn il-Kunsilli kienu qed iwasslu għall-problemi ta’ finanzjament hekk kif il-Kunsilli ma kellhomx biżżejjed flus biex jagħmlu x-xogħlijiet meħtieġa. Semma wkoll kif hemm programm ta’ investiment fuq medda ta’ 7 snin kif ukoll li f’din is-sena se jkun hemm 290 triq ġdida.

Kumitat ġdid biex joħroġ b’leġiżlazzjoni li tagħti iktar għodda lil ERA

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera li kien parti mill-udjenza waqt l-attività politika tal-Partit Laburista qal li waqqaf kumitat li huwa mmexxi mid-dekan tal-Fakultà tal-Arkitettura u magħmul minn rappreżentati tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) u l-Awtorità għall-Artijiet. Spjega li għandhom sal-aħħar ta’ Awwissu biex jikkreajaw leġiżlazzjoni li biha l-PA u l-ERA se jintgħaw iktar għodda biex jimponu ċertu aspetti ambjentali f’ċertu proġetti. Saħaq li din il-leġiżlazzjoni se tkun qed tagħti s-saħħa lill-ERA biex timponi kundizzjonijiet ambjentali.

Filmat: Facebook / Joseph Muscat