Filmat: ‘Irridu nkomplu nżidu l-għassa fil-pajjiż’ – Muscat

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat sostna li l-għassa fil-pajjiż trid tiżdied. Dan qalu waqt attività politika bl-isem ta’ 2505 li saret fi Triq it-Turisti fil-Qawra bħala parti mill-kampanja elettorali.

Muscat waqt li kien qed jitkellem fuq id-diversità u l-bżonn li wieħed jitgħallem jgħix flimkien, spjega li dan kollu ma jfissirx li wieħed jgħalaq għajnejh meta wieħed ma jġibx ruħu tajjeb. Huwa sostna li għal dawn ir-raġunijiet qegħda tiżdied u se tkompli tiżdied l-għassa għall-imġieba li huwa ddeskriva bħala anti-soċjali f’Malta.

AQRA: Filmat: ‘Persuni reqdin fuq il-bankini; għalhekk tlabna l-forzi tal-ordni’

Muscat spjega li fil-manifest ġenerali tal-Partit Laburista hemm il-proposta li jkun hemm kameras ta’ sigurtà fil-lokalitajiet. Il-Mexxej tal-Partit Laburista saħaq li din il-proposta se tiġi implimentata f’diversi lokalitajiet u tista’ tiġi estiża San Pawl il-Baħar f’każ li l-Kunsill Lokali prospettiv ikun jixtieq dan. Muscat qal li dawn il-kameras mhumiex għal skopijiet ta’ spjunaġġ, u elenka numru ta’ sitwazzjonijiet ta’ fejn jistgħu ikunu ta’ użu.

‘San Pawl il-Baħar mikrokożmu tas-soċjetà Maltija’ 

Muscat qabbel it-trasformazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar mas-soċjetà Maltija. Huwa sostna li għandek diversi lokalitajiet li jagħmlu parti minn San Pawl il-Baħar li huma ferm differenti minn xulxin kif ukoll residenti li huma differenti ħafna minn xulxin. Spjega li għandek postijiet bħal Qawra li r-residenti mhumiex Maltin filwaqt li Buġibba hi ċentru ta’ kummerċ turistiku. Osserva kif f’dawn il-lokalitajiet għandek diversità ta’ nies jgħixu flimkien.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista tkellem ukoll fuq jum l-Ewropa u fuq il-moviment ħieles tan-nies. Sostna li dan huwa prinċipju tal-Unjoni Ewropea u kif il-Maltin jistgħu jmorru jgħixu u jaħdmu fl-Ewropa, l-Ewropej jistgħu jiġu Malta.

‘Il-Gvern ma għandux mandat biex iddaħħal l-abort’

Il-Mexxej tal-Partit Laburista meta mistoqsi dwar il-billboard tal-Partit Nazzjonalista dwar l-abbort li tneda l-Ħamis, Muscat qal li l-Gvern ma għandux mandat biex idaħħal l-abbort f’Malta.

Aktar mill-kampanja elettorali llum: