Filmat: ‘Bil-Facebook ma ttellax MEPs; trid toħroġ tivvota’ – Muscat

Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li bil-Facebook in-nies ma jtellgħux MEPs imma jridu joħorġu jivvutaw biex jagħmlu dan.

Muscat qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjoni televiżiv ONE waqt il-programm 25/05. Muscat ilu ma jkun intervistat fit-tul mill-midja indipendenti Maltija sa mill-2016.

Muscat qal li daqt jitnieda l-manifest elettorali għall-Kunsilli Lokali bl-involviment ta’ proċess ta’ konsultazzjoni. Qal li l-proposti għandhom jagħtu nifs ġdid lil-lokalitajiet.

Dwar l-elezzjonijiet tal-MEPs Muscat qal li l-MEPs tal-Partit Laburista dejjem ħadmu favur il-pajjiż irrispettivament minn min kien fil-gvern. Fi kliem Muscat, fl-aħħar ħames snin il-poplu Malti ra min kienu dawk l-MEPs li ħadmu favur Malta u dawk li ħadmu kontra.

Muscat qal ukoll li ma jiddejjaqx jekk l-MEPs tal-PL jikkritika lill-gvern Laburista meta dan ma jkunx qed iżomm mal-istandards Ewropej. Żied jgħid li din hija ħaġa li n-nies “jistennew”. Qal ukoll li l-familji jistennew li l-MEPs ma jikkritkawx għal skopijiet partiġġjani u jkasbru għalxejn isem Malta.

Muscat tkellem ukoll dwar it-toroq. Qal li dawn issa se jkunu f’idejn il-Gvern – ħaġa li għandha ttaffi mill-piż finanzjarju tal-Kunsilli Lokali peress li mhux se jkunu qed jitnaqsu l-fondi tagħhom.

Muscat fakkar li l-kampanja elettorali tal-PL se tibda uffiċjalment nhar il-Ħadd li ġej. Qal li x-xogħol tal-Gvern se jibqa’ għaddejj normali, anzi jżid is-saħħa.

Muscat jibqa’ jinjora rapporti internazzjonali – PN

F’reazzjoni għal dak li qal Muscat, il-Partit Nazzjonalista qal li “Muscat ma jistax jitwemmen meta jgħid li huwa l-underdog u lanqas meta jgħid li jsegwi l-istandards Ewropej. “Dan meta jibqa’ jinjora rapporti internazzjonali u Ewropej li qegħdin b’mod ċar jikkundannaw lill-Gvern Soċjalista, li ħataf l-istituzzjonijiet b’theddida għad-demokrazija ta’ [Malta],” qal il-PN.