Filmat: Jingħalqu f’Kastilja għal ħames sigħat

Moviment Graffitti bi protesta f'Kastilja

Read in English.

  • Il-Moviment Graffitti jidħlu Kastilja jipprotestaw għar-riżenja immedjata ta’ Muscat 
  • Is-suldati f’Kastilja jagħlqu l-bibien f’wiċċ il-ġurnalisti
  • L-attivisti jissakkru ġewwa
  • Jingħaqdu mal-ġurnalisti l-aħwa tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia
  • Uffiċjali tal-Pulizija jmorru quddiem il-bieb tal-ġenb il-magħluq.
  • Jirrifjutaw li jiftħu l-bieb u jirrifjutaw jgħidu minn min ħarġet l-ordni
  • L-attivisti joħorġu minn Kastilja wara ħames sigħat

Moviment Graffitti dalgħodu daħlu f’Kastilja biex jipprotestaw għar-riżenja immedjata ta’ Muscat. Fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook stqarrew li llum mhux ‘business as usual’. Fost l-għajjat, jispikka l-kliem ‘barra’ u ‘rridu r-riżenja’.

14:09 Il-Moviment Graffitti jippubblika ritratt ta’ dak li ġara

12:00 L-attivisti ta’ Moviment Graffitti ħarġu minn Kastilja, flimkien ma’ diversi suldati u pulizija. Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ attivist minnhom.

11:56 L-attivista ta’ Moviment Graffitti huma mistenna’ joħorġu minn Kastilja mill-bieb li qiegħed fi Strada Merkanti.

11:27 Corinne Vella tindirizza lil Fr David Muscat. Tghidlu li “l-faxxisti m’hawnx posthom hawn”.

11:04 L-ex-Chief of Staff Keith Schembri dalgħodu waqqa’ ż-żewġ libelli li kellu kontra Daphne Caruana Galizia.

10:31 Il-pulizija li jinsabu quddiem il-bieb ma jirrispondux il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar min tagħhom l-ordni biex joqgħodu għassa miegħu.

10:18: L-attivisti għadhom maqfulin ġewwa u l-midja għadha qed titħalla barra.

10:13 Hemm ġurnalisti barranin jirraportaw dak li qed jiġri

10:08: Żewġ uffiċjali tal-Pulizija jmorru quddiem il-bieb tal-ġenb il-magħluq. Jirrifjutaw li jiftħu l-bieb u jirrifjutaw li jagħtu d-dettalji tagħhom lill-attivisti u lill-ġurnalisti.

10:04: Newsbook.com.mt ixandar filmati LIVE minn barra

09:53: Oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, tasal fuq il-post. Tgħid lil ġurnalisti li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun hawn biex jara li l-bieb jinfetaħ.

09:45: Jidhru tliet vetturi tal-AFM ipparkjati maġenb il-Berġa ta’ Kastilja. Il-filmati live fuq Facebook tal-Moviment Graffitti juri madwar għaxar suldati u tliet uffiċjali tal-pulizija jgħassu fuq l-attivisti. Il-ġurnalisti għadhom mhux qed jingħataw aċċess biex jirrapportaw dwar x’inhu jiġri.

09:36: Suldat tal-AFM kien se jiftaħ il-bieb prinċipali ta’ Kastilja imma uffiċjali oħra ordnawh iżommu magħluq.

09:25: Aktar uffiċjali armati jaslu Kastilja. Intant il-midja għadha mhux qed titħalla taċċessa ż-żona fejn qed isir is-sit-in.

08:47 Is-suldati f’Kastilja għalqu l-bibien f’wiċċ il-ġurnalisti li nġabru biex jirrappurtaw dwar il-protesta f’Kastilja.

Fi stqarrija, Moviment Graffitti qalu li jridu lil Muscat jirriżenja llum qabel għada. Stqarru wkoll dan mhux biżżejjed. Qalu li huma inkwetati ferm dwar is-sitwazzjoni mwiergħa li ħakmet lill-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, u għax ħassew li pajjiżna issa verament mess il-qiegħ.

Qalu li m’għadniex qed nitkellmu biss fuq korruzzjoni – issa qed nitkellmu fuq qtil politiku, u minkejja dan jidher li għadna ma ftehemniex, jew hawn min ma jridniex nifhmu, il-gravità kollha ta’ din is-sitwazzjoni.

Stqarrew li marru jimblukkaw Kastilja għax jemmnu li l-Prim Ministru Joseph Muscat m’għadux denju li jkompli jokkupa l-kariga tiegħu u li l-wegħda tiegħu li jirriżenja f’Jannar mhix biżżejjed. Muscat jixtieq iwassal messaġġ li kollox għaddej ‘business as usual’.

Business as usual xejn.

Qalu li mhux sakemm Keith Schembri għadu ħieles minkejja l-ħama li qed jegħreq fiha. Mhux sakemm id-deals korrotti li kienu involuti fihom hu u Konrad Mizzi għadhom mhux investigati. Mhux sakemm Joseph Muscat stess għadu Prim Ministru.

Fl-istqarrija spjegaw kif meta l-istituzzjonijiet demokratiċi li jirrappreżentaw lill-poplu jinbidlu f’bejta ta’ kriminalità istituzzjonalizzata, serq minn wara dahar il-poplu, korruzzjoni bla preċedent, konfoffi u relazzjonijiet inċestużi mal-big business li sarrfu fi qtil intenzjonat biex jifga’ l-vuċi ta’ min kien qiegħed jikxef il-ħmieġ kollu li kien għaddej minn wara l-kwinti, huwa d-dritt taċ-ċittadini li jgħollu l-vuċi tagħhom, li jiġbdu l-attenzjoni tal-politiċi li saru jaħsbu li huma ogħla mil-liġi u li jurihom li m’għadhomx denji li jokkupaw il-kariga li l-poplu stess fdalhom f’idejhom.

Qalu li b’hekk ma jifdal l-ebda triq ħlief li ċ-ċittadinii joħorġu fit-toroq u jsemmgħu leħinhom bis-saħħa. Il-jedd demokratiku taċ-ċittadini ma jiqafx mal-eżerċitazzjoni tal-vot darba kull ħames snin. Il-politiċi għandhom jibqgħu taħt l-iskrutinju tal-poplu tul il-leġiżlatura kollha u mhux waqt il-kampanja elettorali biss, u meta dawn jiżgarraw u jabbużaw mill-kariga tagħhom għandhom iwarrbu.

Saħqu li se jibqgħu quddiem Kastilja sakemm ikun hemm bżonn. Huma ħeġġu lil dawk kollha li jaqblu magħhom sabiex jingħaqdu magħhom, jġibu magħhom l-istrumenti, u leħinhom. Dan huwa l-ħin. Din hija s-siegħa.

Min irid Malta ġdida, Malta nadifa, Malta li tipprovdi għal kulħadd – ejja hawn, ingħaqad magħna. Kastilja trid terġa’ tkun tal-poplu.

Waqt il-protesta li saret il-bieraħ tkellem Andre Callus. Hu qal li pajjiżna inħakem minn klikka ta’ negozjanti u sħabhom fil-politika li serqu u saħansitra qatlu.

Huwa stqarr li Joseph Muscat dejjem iddefenda lil Keith Schembri, “minkejja li kien ċar li huwa mgħaddes fil-ħmieġ. Ir-riħa tinten ilha snin tinxtamm qawwija.”

Callus żied jgħid li kull minuta li Muscat jibqa’ fl-uffiċċju, qed jikber is-suspett li hemm komplott biex il-verita’ ma toħroġx. Dan ifisser li pajjiżna se jkollu jibqa’ jġorr id-dubji u s-suspetti dwar dan il-każ għal dejjem. “In-nuqqas tar-riżenja immedjata ta’ Joseph Muscat se tfisser li dan il-kapitlu tal-waħx mhux se jingħalaq qatt.”

Malta mhix tal-Mafja – Manuel Delia
Filmat: Malta mhix tal-Mafja – Manuel Delia

Filmati Live għal Newsbook: Miguela Xuereb