Filmat: “Se nkompli ngħin lill-Arċisqof” – L-Isqof Awżiljarju Galea-Curmi

Read in English.

Il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Joseph Galea-Curmi bħala Isqof Awżiljarji ta’ Malta u nnominah Isqof Titulari ta’ Cebarades. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet min-Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Alessandro d’Errico fil-palazz tal-Arċisqof fl-Imdina.

In-Nunzju qal li bħala Isqof Awżiljari, Mons. Galea-Curmi, li għandu 54 sena, huwa msejjaħ biex ikun il-kollaboratur u l-konsulent l-iżjed qrib tal-Arċisqof Charles Scicluna.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar f’hiex se tkun tikkonsisti l-ħidma tiegħu bħala Isqof Awżiljarju, Mons Galea-Curmi qal li huwa se jkun qed jgħin lill-Arċisqof Scicluna fil-ħidma tiegħu. Qal li l-ħidma pastorali se tkun iffukata biex jiltaqa’ mal-komunitajiet differenti f’Malta.

Il-kumment tal-Isqof-elett:

Mal-ordinazzjoni episkopali tiegħu, l-Isqof Galea-Curmi jsir membru tal-Konferenza Episkopali Maltija flimkien mal-Arċisqof Scicluna u mal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.

Fl-2015, l-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Monsinjur Galea-Curmi bħala Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-isqof elett twieled fir-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara fl-1 ta’ Jannar 1964. Huwa ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991. Monsinjur Galea-Curmi intbagħat ikompli l-istudji tiegħu fil-Pontificia Università Lateranense ta’ Ruma u fl-1998 kiseb dottorat fit-Teoloġija Pastorali. Mons Galea Curmi huwa lettur fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta. Huwa jwettaq ħidma pastorali fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Balzan.

Stqarrija tal-Vatikan
Stqarrija tal-Kurja
CV Isqof Galea-Curmi