Filmat: “Tħallix lill-Knisja timmoffa; kunu Knisja tat-triq” – L-Isqof Grech lil Dun Anton

Dun Anton Teuma ordnat l-Isqof il-ġdid t'Għawdex

Read in English.

L-Isqof Emeritu ta’ Għawdex Mario Grech qal lil Dun Anton Teuma, l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex, biex ma jħallix lill-Knisja timmoffa, imma jqis li tkun Knisja missjunarja, Knisja tat-triq.

Dan kien il-messaġġ li għadda l-Isqof Emeritu fl-aħħar omelija tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex, waqt il-Konsagrazzjoni Episkopali fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija, li fiha, Dun Anton sar id-disa’ Isqof ta’ Għawdex.

Mons. Grech insista fuq il-ħtieġa li l-Knisja ma ssirx waħda tal-arkeoloġija, jew waħda tas-sagristija, imma tkun Knisja li toħroġ, kif dejjem jgħid il-Papa Franġisku, Knisja li toħroġ fit-triq u tiltaqa’ mal-ferut.

Fiehem lil Mons. Teuma li m’għandux missjoni faċli, speċjalment ladarba għaddejna mill-Kristjanità għal soċjetà post-Kristjana, imma wera fiduċja fih, hu u jsejjaħlu “ħija Anton.”

Lil Dun Anton, l-Isqof Grech qallu, “Fiduċjuż li l-Ispirtu s-Santu huwa miegħek u toħroġna fit-triq, ma tħalliniex nifgaw u nimmuffaw fl-irwejjaħ tagħna, għax fit-triq niltaqgħu mal-bniedem ferut.”

L-Isqof Grech xebbah lill-Knisja ma’ dgħajsa li tkun diffiċli tibdlilha r-rotta peress li jkun hemm il-mewġ ġej għal wiċċek, iżda din, qal l-Isqof, hija l-missjoni ta’ Dun Anton fdata lilu mill-Papa, li lid-Djoċesi t’Għawdex jagħtiha rotta ġdida. Semma kif mis-silta li Dun Anton għażel għall-qari waqt l-Ordinazzjoni tiegħu, tispikka s-sentenza, “Nimxi magħkom.”

Indirizza wkoll lill-presbiteri u l-lajċi u qalilhom li mhux biżżejjed li Dun Anton idawwar it-tmun tad-dgħajsa, imma huma jridu jgħinuh joħodha fid-direzzjoni t-tajba biex tkun Knisja li tirrispondi għal żminijietna u tagħti t-tama.

L-Ordinazzjoni

Il-mument tal-ordinazzjoni ta' Dun Anton Teuma bħala Isqof ta' Għawdex: https://bit.ly/31fyOnK

Posted by Newsbook.com.mt on Friday, August 21, 2020

Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex Mario Grech, flimkien mal-Arċisqof Charles Scicluna, u mal-Arċisqof Alessandro d’Errico, in-Nunzju Appostoliku ta’ Malta u l-Libja.

L-Isqof Grech temm l-inkarigu tiegħu meta s-sena li għaddiet, il-Papa Franġisku għamlu Pro-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, bil-għan li jieħu post is-Segretarju Ġenerali kurrenti, il-Kardinal Lorenzo Baldisseri meta dan jirtira. L-Isqof baqa’ Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi sakemm intgħażel is-suċċessur tiegħu.

Il-Konsagrazzjoni ta’ Mons. Teuma kellha ssir ix-xahar id-dieħel iżda tressqet ‘il quddiem minħabba l-imxija tal-coronavirus.