Filmat: €15,000 mill-IIP għal għajnuna lit-tfal vulnerabbli

Il-Gvern ħabbar li mistenni jagħti donazzjoni ta’ €15,000 mill-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment (IIP) biex jinxtraw riżorsi għall-istudenti li m’għandhomx kompjuter jew tablet għat-tagħlim online.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ħabbar din id-donazzjoni f’konferenza tal-aħbarijiet dwar miżuri ta’ għajnuna għall-istudenti vulnerabbli u l-familja tagħhom.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li minbarra l-5 donazzjonijiet preċedenti kien hemm din tal-IIP u donazzjoni oħra ta’ 30 tablet minn żewġ kumpaniji Mr Clean u Bad Boy Cleaners.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Owen Bonnici qal li għadu qed jistħarreġ is-sitwazzjoni ta’ studenti li jaħdmu part time mad-dipartimenti tal-Gvern. Huwa spjega li kellmuh għadd ta’ studenti li jaħdmu part time li esprimew ix-xewqa tagħhom li jieħdu l-istess kumpens bħal sħabhom li jaħdmu l-istess xogħol iżda mhumiex studenti. Huwa talab biex ikollu aktar ħin sabiex jintlaħaq kompromess dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn l-istudenti.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri tkellem dwar il-miżuri li qed jittieħdu bħalissa biex jgħinu lill-istudenti vulnerabbli fosthom permezz ta’ riżorsi, aċċess għall-internet u għotja ta’ tablet jew kompjuter.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn