Oħt Daphne b’messaġġ quddiem Kastilja

Quddiem Kastilja llejla nqara messaġġ emozzjonanti ta’ Corinne Vella, oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Il-messaġġ ta’ Corinne, li nqara minn membri tas-soċjetà ċivili waqt il-protesta paċifika bit-tema #OccupyJustice, huwa indirizzat lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija.
Fi kliem Corinne, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, f’isem il-Gvern, iddefenda lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li sejħitlu ‘inkompetenti’.
Spjegat li dan meta qal li Daphne kienet “xortiha ħażina” li spiċċat inqatlet minn bomba fil-karozza.
Iddeskriviet kliem il-Ministru bħala wieħed li xejjen l-assassinju ta’ oħtha, li kien intenzjonat: ippjanat u mwettaq b’mod metikoluż.
Fi kliemha, meta l-Ministru jxejjen assassinju, ikun qed ipoġġi lill-Gvern fuq in-naħa tal-kriminali u l-korrotti.
Corrine saħqet li oħtha ġiet assassinata għax esponiet il-korruzzjoni u l-kriminalità li fihom hemm involuti membri tal-Gvern u dawk qrib tagħhom.
Sostniet li issa hija ċara aktar minn qatt qabel, li l-membri tal-Gvern u dawk qrib tagħhom ma jkunux fil-mira, “għax jinsabu fuq in-naħa tal-kriminali u l-korrotti”.
Irrimarkat li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għandhom jirriżenjaw, u magħhom għandhom iniżżlu l-Gvern.
“Sakemm huma jkunu fil-poter, il-korrotti kriminali biss ikunu siguri”, temmet tgħid oħt Daphne.
Bħalissa fi Pjazza Kastilja għaddejja protesta paċifika minn grupp ta’ nisa li qed isejħu fost l-oħrajn għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali. Huma tellgħu kampijiet, fejn beħsiebhom jibqgħu sa nhar il-Ħadd.