Filmati: Il-President tara x’fih l-Isptar Malti fil-Ghana

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-Isptar Malti fil-Ghana, HopeXchange Medical Center huwa miraklu ta’ mħabba u ġenerożitá li jista’ jseħħ jekk wieħed jemmen li għalkemm wieħed ġej minn pajjiżi differenti, xorta jista’ jifforma minn umanità waħda.
Waqt żjara li għamlet fl-Isptar Malti, Marie Louise Coleiro Preca qalet li permezz tal-Isptar qed jintwera kemm kulħadd għandu d-dritt universali għas-saħħa u kura adegwata.
Qalet li l-bini u l-kura li qed tingħata f’dan l-isptar hija xhieda tanġibbli ta’ kif nistgħu nagħmlu mid-dinja post aħjar.
L-isptar Malti fil-Ghana huwa inizjattiva tal-ICPE (Institute for World Evangelisation) li beda hawn Malta fl-1985 mill-koppja Maltija Mario u Cappello. L-għan tal-Istitut huwa li jħarreġ nies minn kull ġens biex isiru xandara tal-Kelma ta’ Alla. Matul is-snin l-ICPE tferrxet mal-erbat irjieħ tad-dinja.
Waqt waħda miż-żjarat ta’ Mario fil-Ghana, ra xena ta’ tifla titgħawweġ bl-uġigħ u li għaliha ma setgħu jagħmlu xejn. Din qanqlitu biex jibda proġett li wassal biex inbena sptar modern bi 80 sodda. Matul is-snin diversi organizazzjoniet barranin wrew interess kbir fl-isptar Malti u llum qed igawdi l-appoġġ ta’ madwar 20 organizazzjoni internazzjonali. Preżentament l-isptar qed jispeċjalizza f’ħames oqsma: il-mard tal-għajnejn, il-kanċer tas-sider, il-mard tat-tfal, il-malformazzjoni tal-wiċċ u l-HIV, l-AIDS u l-malarja.
Madankollu l-akbar appoġġ għal dan l-isptar qed jingħata mill-poplu Malti kif ukoll minn grants mogħtija mill-Gvern Malti f’dawn l-aħħar għaxar snin. Għal din il-għan, f’Malta twaqqfet il-Ghana Mission Foundation biex tiġbor fondi u ssostni l-Isptar.
Min-naħa tiegħu Mario Cappello rringrazzja lill-President taż-żjara tagħha u qal li hu grat lejn il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi li addottaw dan l-isptar u għamluh tagħhom.  Stqarr li dan hu eżempju ħaj ta’ solidarjetà  u xhieda għall-fatt li aħna ngħixu f’dinja li donnha saret villaġġ ċkejken. Huwa saħaq li l-proxxmu tagħna li tant tkellem dwar Ġesù Kristu jinstab lil hinn mill-konfini ġeografiċi, ta’ razza jew kulur tal-ġilda.
Mario Cappello qal li l-isptar jikkonċentra li jgħin lil individwi. Huwa qal li jekk nilħqu persuna minn elf, ikun ifisser li nkunu salvajna l-unika ħajja li għandha dik il-persuna. Temm jgħid li l-iskop tagħhom hu li jtejbu s-sitwazzjoni tar-reġjun, persuna persuna.
Mibni fuq biċċa art mdaqqsa, l-isptar jipprovdi servizzi kemm inpatient kif ukoll outpatient, u fost oħrajn għandu sala ta’ kura għat-tfal morda, tliet teatri tal-operazzjonijiet, sala għall-kura intensiva, laboratorju għar-riċerka, ċentru għat-tilqim, bank tad-demm, farmaċija, kif ukoll swali għat-tagħlim u r-riċerka.
Fiż-żjara tagħha fl-Isptar f’Kumasi, Il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela. Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Mons. Gabriel Anokye, l-Arċisqof tal-belt ta’ Kumasi, diriġenti u ħaddiema tal-isptar kif ukoll uffiċjali tal-Gvern tal-Ghana.  
Il-Ghana Mission Foundation  preżentament qed tkompli tiġbor fondi biex jiġi attrezzat il-kumplament tal-isptar.  Żewġ miri importanti huma li jinfetaħ id-dipartiment għall-kanċer tas-sider u li jinxtara apparat għat-tieni sala tal-operazzjonijiet.

Jekk inti tixtieq tgħin f’dan il-proġett ibgħat l-offerta tiegħek lill-Ghana Mission Foundation, 495B, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, SVR1014 jew għamel donazzjoni ta’  €4.66  billi tibgħat SMS fuq 50618091.