“My mum is in the car” – iben Daphne; “Kien too late” – pulizija

12:38 Is-smigħ tal-kumpilazzjoni se jkompli nhar l-Erbgħa li ġej fl-10.30am.
12:37 Ma' dan il-kliem tal-avukat, waħda minn ħut Daphne, li kienet preżenti fl-awla flimkien mal-ġenituri tagħha u oħtha oħra, lissnet il-kliem "our sister is dead"
12:36 Dr William Cuschieri, wieħed mill-avukati difensuri, jgħid li l-akkużati qed jitolbu biex jiġu trattati bħall-priġunieri l-oħra. Spjega li dan minħabba li mhux qed jingħataw l-istess drittijiet fil-ħinijiet tal-viżitaturi. Żied jgħid li l-imputati mhux qed jitħallew ikellmu lill-familji tagħhom.
12:32 Kuntistabbli ieħor li kien fuq il-post, Charles Azzopardi Refalo qal li ra tliet dħaħen – waħda 'l fuq, oħra fit-tarf tat-triq u l-karozza ġol-għalqa. Stqarr li daħal ġol-għalqa u li n-naħa l-oħra tat-triq kien hemm persuna maskili li talbu biex jitfu l-vettura.  "Kien too late, għax il-karozza kienet ballun nar". 
12:30 Jitla' jixhed il-kuntistabbli Russel Spiteri. "Sibt karozza ħuġġieġa f'għalqa u tifrik fit-triq".  Jgħid li mar jagħlaq it-triq bil-karozza tal-pulizija.
12:26  Kompliet tgħid li ħadet il-verżjoni ta' Mario Vella. Tkellmet ukoll ma' żewġ aħwa, li huma s-sidien tal-għalqa. 
12:22 Tixhed uffiċjal ieħor tal-Korp, li kienet xogħol ta' waranofsinhar fl-Għassa tal-Mosta. "Rajt il-karozza fl-għalqa, kienet diġà mitfija. In-naħa l-oħra stajt nara fdalijiet tal-karozza. Instab ukoll numru tar-reġistrazzjoni QQZ 668 fil-ġenb tat-triq, ta' karozza tal-marka Peugout 108.
12:19 Il-kuntistabbli qal li mar fuq il-post ma' kuntistabbli ieħor u x-xufier tal-karozza. Spjega kif immedjatament bdew jagħlqu l-aċċess għat-triq.
12:18 "Ippruvajna nikkalmaw ftit lil Matthew". Ħin minnhom, kien hemm ċertu Mario Vella u Matthew talbu biex jinterrogawh għax kien qed jieħu r-ritratti tal-karozza ta' ommu. Cefai qal li hu mar ikellem lil Mario u qallu biex jitlaq mill-post, talbu l-mowbajl. Jgħid ukoll li Mario ta l-mowbajl iPhone 7 lil Matthew, li tefgħu mal-art. 
12:10 Jixhdu aktar uffiċjali tal-Pulizija. Il-kuntistabbli Malcolm Cefai mid-Distrett tal-Mosta jgħid li kif waslu fuq il-post kien hemm Matthew Caruana Galizia, iben il-vittma. Matthew qalilhom, "My mum is in the car". Qal li resqu lejn il-karozza imma ma setgħu jagħmlu xejn f'dak l-istadju, peress li n-nar kien kbir u ma setgħux jitfgħuh bil-fire extinguisher.  
11:40 Jitla' jixhed Surġent tas-CID, Manuel Saliba, li ra l-filmati kollha mill-kameras tas-sigurtà fil-Bidnija, fil-Mosta, fiż-Żebbiegħ u dawk li jagħtu fuq il-port ta' Marsamxett. Is-Surġent qal li fit-7.59am tat-23 ta' Ottubru 2017, id-dgħajsa bl-isem ta' Maya, dehret ħierġa mill-Port il-Kbir u daħlet lura fil-Marsa fit-2.47pm. Kompla jgħid li kif juru wkoll ir-ritratti li ppreżenta fil-Qorti, id-dgħajsa kienet qed tinstaq minn George Degiorgio, iċ-Ċiniż, li resaq lejn it-Tinda tal-Patata, fejn hemmhekk kien qed jistennieh ħuh Alfred Degiorgio.  Huwa ppreżenta wkoll ritratti tal-movimenti bid-dgħajsa fis-16 ta' Ottubru.
11:27 Xehdu tliet uffiċjali oħra tal-Pulizija, fosthom is-surġent tal-RIU Ruben Balzan li mar fuq il-post. 
11: 20 L-Ispettur Cilia kompla jgħid li ra ġisem bla ħajja jserraħ fuq il-bieba tal-karozza fuq in-naħa tal-passiġġier. Qal li ftit wara waslu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li bdew jitfu n-nirien. Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur irrimarka li meta kien għaddej, innota karozza bin-numru tal-pjanċi QQZ668.
11: 15  L-Ispettur Antoine Cilia jibda jixhed. Jgħid li fuq ir-radio sema’ messaġġ li jgħid li raġel li kien fl-inħawi tal-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta, qal li kienet qed tidher karozza tisplodi. Wasslitilhom ukoll informazzjoni li seta’ kien hemm persuna maqbuda fil-karozza. Qal li wasal fuq il-post fit-3.19pm u hemmhekk ra l-biċċiet tal-karozza mifruxa ma’ kullimkien, kif ukoll parti mill-ġisem, li wara rriżulta li kien ta’ Daphne Caruana Galizia. Kompla jgħid li ra wkoll argument bejn iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia u Mario Vella, minħabba teħid ta’ ritratt. . 
11:11 Ma jidhirlux li George kien talbu top-up qabel.
11:07 Miguel Caruana qal li fis-16 ta’ Ottubru, meta kellhom imorru jistadu, George Degiorgio ċempillu, kellu bżonn vawċer ta’ €5 għal top up tal-Vodafone, ftit qabel nofsinhar. Qal li barax in-numru u bagħtulu SMS. Għalkemm jidhirlu li hu kien bil-kuntratt, ħaseb li forsi għandu bżonn għat-tfal. Imbagħad wara x-xogħol, għal ħabta tat-3pm jew l-4pm rah qrib it-Tinda tal-Marsa.
10:51 Jitla’ jixhed Miguel Caruana, impjegat tal-GO. Qabel ix-xhieda, Keith Arnaud mill-Prosekuzzjoni jitlob li jagħmel verbal. Jgħid li: Il-Prosekuzzjoni tiddikjara li mhux se jittieħdu passi kriminali fil-konfront tax-xhud Miguel Caruana dwar l-investigazzjoni relatata mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ix-xogħol ta' Miguel Caruana huwa li jbigħ is-sim cards, "ma' kważi 80% ta' Malta, ħlief it-Tramuntana".
Miguel Caruana jgħid li jaf lill-akkużati u waqt li jħares lejhom isemmihom b’isimhom u bil-laqam. 
Jgħid li ilu jafhom madwar sena u sena u nofs, meta kien imur jistad, qrib it-tinda tal-patata. Jgħid li kienu l-fishing buddies tiegħu. Ġieli mar jistad ma’ George Degiorgio, “xi erba’ darbiet”.  Kellu n-numru ta’ George ssejvat fuq il-mowbajl, li issa qiegħed għand il-Pulizija. Fuq il-mowbajl kien imniżżel “Ġorġ” u simbolu ta’ kuruna ħdejh. Ma jagħtix raġuni għaliex għażel kuruna.
L-aħħar darba li kellhom imorru jistadu flimkien fil-5am, għamel tliet kwarti jistenna lil George Degiorgio. Qal li ċempillu u ma weġbux, u wara rċieva SMS mingħandu li ma jistax imur. Spjega li telaq għall-ħabta tas-6.30pm.
Għall-mistoqsija tal-Prosekuzzjoni, ix-xhud qal li fit-Tinda tal-Patata fil-Marsa kollox kien jidher normali. 
10:45 Jixhed sprayer ta’ garaxx f’Ħaż-Żebbuġ. Qal li l-karozza li tah it-tellar, kienet Peugeout 108 ta’ kulur griż.  Qal li mar jiġborha hu mill-Imrieħel u ħadha l-garaxx. Hu u l-lavrant tiegħu damu jaħdmu fuqha tlett ijiem: żebgħulha l-bumper u l-faċċata.  Mistoqsi mid-difiża, ix-xhud qal li qatt ma ra lil xi wieħed mill-akkużati fil-garaxx tiegħu. 
10:32 Jixhed Mario Fenech, ħu David Fenech, rappreżentant ukoll tal-kumpanija Percius, li qal li l-karozza involuta fil-każ kienet ġdida, kellha tliet xhur. Dwar il-vittma, Mario Fenech qal li ġieli kien jiltaqa’ magħha meta kienet tmur tħallas l-uffiċċju, u ġieli offrielha kafè. Qal li dakinhar tal-assassinju, il-Pulizija talbuh l-ispare, tahielhom u tawhielu lura ftit wara. 
10:22 Jixhed David Fenech, rappreżentant tal-kumpanija tal-kiri tal-karozzi, Percius. Qal li Daphne Caruana Galizia kellha kopja waħda tal-karozza, għax l-ispare tinżamm mill-kumpanija maqfula f’locker.  Spjega li huma biss il-membri tal-familja li jmexxu l-kumpanija li għandhom aċċess għaċ-ċwievet spare. Il-karozza li splodiet u li ħasdet il-ħajja tagħha, kienet ilha għandha tliet xhur. 
Xehed kif darba mar ma’ ħuh Mario l-Bidnija. Qal li kien is-16 ta’ Settembru 2017 meta ġabru l-karozza mid-dar tal-vittma fil-Bidnija, wara li kellha inċident bumper to bumper. David Fenech kompla jgħid li ħadu l-karozza l-garaxx Ħal Lija, u wara xi siegħa hu ħadha għand tellar l-Imrieħel. Mistoqsi jekk jagħrafx lil xi ħadd mill-akkużati, ix-xhud wieġeb fin-negattiv. 
10:07 Titla’ xhud ieħor, il-mara tal-ewwel xhud. Spjegat li dakinhar ħarġet mid-dar għall-ħabta tad-9am u rat karozza bajda żgħira, li nnutata minħabba l-mod kif kienet ipparkjata. Meta daħlet lura d-dar għaddiet mill-gate ta’ wara, min-naħa tal-barriera. Kompliet tgħid li meta ħarġet għall-ħabta tas-2.30pm, reġgħet rat il-karozza, imbagħad irritornat lura għall-ħabta tas-6pm.
Il-mara qalet li ma setgħetx tagħraf id-ditta tal-karozza, “għax hawn ħafna minnhom”, l-aħħar żewġ ittri jkunu QZ.  Ċerta li l-istess karozza, għax kienet ipparkjata eżatt fl-istess post. 
09:55 L-ewwel darba li x-xhud ra din il-karozza, kien xi tliet ġimgħat qabel. Semma kif ġieli kienet ipparkjata ħdejn il-barriera, fiż-żona jgħidulha Ta’ Maċedonja. Kompla jgħid li ġieli ra din il-karozza filgħodu u anke kmieni waranofsinhar. Darba minnhom kien il-Ġimgħa.  Kemm-il darba nnota li mal-karozza kien hemm imwaħħla sticker bid-ditta tal-kumpanija tal-kiri.
Qal li lill-mara qalilha li mhix togħġbu u li wara s-16 ta’ Ottubru, meta seħħ l-assassinju, ma reġax raha.
Mitlub mill-Prosekuzzjoni dwar id-dehra tal-persuna li kienet fil-karozza, ix-xhud qal li mill-karnaġġjon kien jidher Għarbi jew Libjan.  Stqarr li barra l-karozza qatt ma rah u kien jidher ‘stiff’ fis-seat tax-xufier.
09:51  “Sirt naf x’ġara minn fuq l-internet. Imbagħad mid-dar tiegħi stajt nara x’kien qed jiġri fil-wied: Kommossjoni, pulizija umembri tal-protezzjoni ċivili.”
09:49 Ix-xhud, li huwa raġel, jgħid li joqgħod across the valley ta' fejn kienet toqgħod il-ġurnalista assassinata. Jirrakkonta kif dakinhar kien id-dar. F'xi 3pm sema' ħoss qawwi u "ħsibt li nstabat bieb". Qal li ftit qabel kien ħareġ jiċċekkja l-posta u ra karozza bajda mal-grada tiegħu, ipparkjata b'wiċċha lejn l-Imġarr. Stqarr li l-karozza, li kellha pjanċi tal-kiri, bl-ittri DQZ, kienet vojta. Imma meta sema' l-ħoss il-karozza ma kinitx għadha hemm. Qal li fid-9am fl-istess jum, il-mara tiegħu rat il-karozza. L-istess karozza reġgħet ratha ftit wara s-2.30pm. 
09:48 Jitla' l-ewwel xhud. L-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-Prosekuzzjoni jitlob li ma jixxandarx isem ix-xhud.
09:46 Il-Maġistrat tistenna lil waħda mill-avukati difensuri, dik ta' George Degiorgio, qabel ma tibda tisma' x-xhieda.
09:40 Wieħed mill-avukati tad-difiża, Dr William Cuschieri għamel verbal fejn informa lill-Qorti li sar rikors mid-difiża dalgħodu dwar l-irwol rappreżentant tal-avukat ġenerali tal-proċeduri, liema rikors qed jiġi informalment mgħoddi lil Dr Philip Galea Farrugia. Il-Qorti qed tagħti terminu ta’ jumejn. 
09:35 It-tliet akkużati jiddaħħlu fl-awla. 
Dalgħodu mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati bl-asssasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Hu mifhum li llum se jixhdu 13 il-persuna, fosthom Pulizijia.
Newsbook.com.mt se jaġġornarkom minuta b’minuta b’dak li jkun qed jiġri fl-awla.
It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio “il-Fulu,” George Degiorgio “iċ-Ċiniż” u Vince Muscat, “il-Koħħu.”

Ritratt: Ian Noel Pace fil-jum tal-funeral ta' Daphne Caruana Galizia