Filmat: Owen Bonnici ma jweġibx dwar sid Egrant

Il-Ministru Owen Bonnici ma weġibx għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar min hu s-sid ta’ Egrant iżda minflok irrefera għall-artiklu 39 tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministru Owen Bonnici jgħid jekk jemminx li sid Egrant huwa Brian Tonna meta tqis li li Mossack Fonseca ma tawx l-isem ta’ sid Egrant bil-miktub iżda qalu li jagħmlu dan fuq Skype. Il-Ministru ġie mistoqsi wkoll biex iwieġeb din il-mistoqsija anki fid-dawl li l-ismijiet tal-kumpaniji l-oħra kienu f’isem Ministru u oħra f’isem iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

L-artiklu 39 tal-inkjesta jgħid hekk:

“Jirriżulta pruvat li Egrant Inc., Tillgate Inc. u Hearnville Inc kienu kumpaniji bi struttura identika u li ġew imwaqfa f’Lulju 2013 u li Brian Tonna kien l-UBO tagħhom. Egrant Inc jirriżulta li ġiet stralċjata fuq talba ta’ Brian Tonna. L-istralċ ġie konkluż madwar ħmistax il-jum qabel ma ġie publikat l-artiklu meritu għal din l-inkjesta.”

Huma appellaw għar-riżenja ta’ Simon Busuttil, fejn il-Ministru Bonnici sostna li bħal ma l-Prim Ministru kien lest jieħu r-responsabbiltà fuq spallejh u jirriżenja kieku rriżulta ebda verità mill-inkjesta, għandhom jkunu lesti nies oħra biex jagħmlu l-istess. Huwa saħaq li “l-unika triq quddiem Simon Busuttil hija li jitlaq ‘l barra.” Id-deputat Zrinzo Azzopardi żied jgħid li għandu “jitlaq minn kull kariga li jokkupa, u mhux biss jissospendi lilu nnifsu, imma jirriżenja.”

Ikkonkludew il-konferenza tal-aħbarijiet bid-deputat Zrinzo Azzopardi jgħid li “llum m’għadux żmien l-ispekulazzjoni, illum għandna dokument ppubblikat minn maġistrat, mill-Qorti, maħtur skont il-kostituzzjoni, u allura dwar din il-gidba, m’għadux iż-żmien tal-ispekulazzjoni, imma għandna l-fatti.”

Segwi l-konferenza sħiħa hawnhekk:

LIVE: Il-Ministru Owen Bonnici u d-deputat Stefan Zrinzo Azzopardi jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet.

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, July 23, 2018