Il-PM ‘seren’ jitlob lill-Pulizija jinvestigawh minħabba rapport ta’ Repubblika

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela jagħmel stqarrija lill-mezzi tax-xandir

Il-Prim Ministru Robert Abela jagħmel stqarrija lill-mezzi tax-xandir

Posted by MaltaGov on Friday, April 17, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab “seren” wara li qal lill-Pulizija li lest joqgħod għal kwalunkwe investigazzjoni kontrih b’rabta mal-imwiet tal-immigranti fl-ibħra Maltin fl-aħħar jiem.

F’diskors li ta fil-Berġa ta’ Kastilja, Abela qal li bħalissa jinsab taħt inkjesta maġisterjali fuq qtil volontarju – akkuża li ġġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs.

Ir-rapport sar mill-għaqda Repubblika. L-għaqda għamlet rapport kontra l-PM, il-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi, u l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52. Iż-żewġ denunzji ta’ Repubblika ġew iffrimati mill-Avukati Jason Azzopardi, Paul Borg Olivier, u Andrew Borg Cardona. Abela u Curmi ġew akkużati bi qtil volontarju mill-għaqda Repubblika.

Fid-diskors tiegħu, Abela ddeskriva l-akkuża ta’ Repubblika bħala waħda mill-aktar serja. Qal li dan ifisser li l-ekwipaġġ tal-P52 u l-Brigadier se jibdew jiġu investigati fuq qtil volontarju. Qal li hemm 11-il membru tal-ekwipaġġ involuti.

“Flimkien ma’ dawn it-tnax il-uffiċjal tal-Armata, li bejniethom salvaw għexieren ta’ ħajjiet ta’ persuni, l-istess kelliem tal-Oppożizzjoni u Repubblika talbu lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga persuna oħra li skont huma, hu responsabbli għall-omiċidju jiġifieri qtil volontarju ta’ diversi immigranti fuq il-baħar. Dan il-persuna l-oħra li qed tintalab investigazzjoni formali dwaru dwar qtil volontarju ta’ diversi persuni huwa jiena,” qal Abela.

Il-Prim Ministru kkonferma li kienu saru dawn iż-żewġ kwereli. Abela qal li ftit tal-ħin ilu, mar minn jeddu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, għand l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, fejn ta lilu nnifsu f’idejn il-Pulizija għal kwalunkwe investigazzjoni li hi tħoss xierqa.

Il-Prim Ministri ġie nfurmat li minħabba n-natura tal-akkużi formali li saru mill-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, u għalhekk mill-Oppożizzjoni nnifisha, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għarraf lill-maġistrat inkwirenti sabiex tinbeda inkjesta maġisterjali fil-konfront tal-uffiċjali tal-Armata inkluż il-Brigadier, kif ukoll fil-konfront tal-Prim Ministru wkoll.

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Abela l-għaqda Repubblika qalet li Abela jrid idawwar il-mewt ta’ vittmi innoċenti f’xilja lil min jikkritikah.

Min-naħa tiegħu l-avukat Jason Azzopardi qal lil Newsbook.com.mt li f’pajjiżi demokratiċi l-prim ministri ma jattakkawx l-avukati ta’ klijent li jkun fetaħ azzjoni kontrih.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni ħabbar li kien se jitkellem Abela fis-7.44pm mingħajr ma żvela s-suġġett li dwaru kien se jkun qed jitkellem. Il-ġurnalisti ma tħallewx jagħmlu domandi lil Abela permezz tal-video conferencing kif kien qed isir għal xi konferenzi tal-aħbarijiet dan l-aħħar.

“Il-Prim Ministru irid idawwar il-mewt ta’ vittmi innoċenti f’xilja lil min jikkritikah” – Repubblika

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal Abela, Repubblika qalet li l-Prim Ministru irid idawwar il-mewt ta’ vittmi innoċenti f’xilja lil min jikkritikah.

“Il-Prim Ministru Robert Abela illum ried inessi lin-nies li mietu tnax-il ruħ fl-ibħra tagħna minħabba deċiżjoni tiegħu u tal-Forzi Armati li ma jsalvawhomx imma jħalluhom fil-baħar. Minflok fetaħ il-kanuni fuq Repubblika,” qalet Repubblika.

“Il-Prim Ministru Robert Abela llejla immobilizza l-gvern kollu f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ma ħalliex li jsirulu mistoqsijiet biex jakkuża lil Repubblika li qed timmina l-isforz nazzjonali biex tingħeleb il-pandemija. Ħallat volutament żewġ affarjiet li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin – il-COVID-19 u l-periklu ta’ mewt fil-baħar.

“Niċħdu li b’xi mod jew ieħor qed infixklu l-isforz biex tingħeleb il-pandemija. Imma nirrifjuttaw il-pistola ma’ rasna li tgħidilna li għax niftħu ħalqna, inkunu qed immarrdu n-nies bil-COVID-19.

“Sorpriżi nisimgħu lill-prim ministru jgħid li qed jara l-possibilità li jisfa għomru l-ħabs bħal li kieku Repubblika tista’ titfa lil xi ħadd il-ħabs. Huma l-istituzzjonijiet tal-istat li jridu jinvestigaw jekk il-Prim Ministru u oħrajn humiex responsabbli għall-imwiet fl-ibħra tagħna.

“Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru, ikkoordinata mal-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni aktar kmieni llum, huma att perikoluż t’intimidazzjoni intenzjonat li jiżolana u jesponina għall-attakki u t-theddid li diġà qed insofru u li issa nistennew li se jiżdiedu. Il-Prim Ministru jrid li ħadd ma jazzarda jistaqsi jekk id-deċiżjonijiet li ħa hu kellhomx il-konsegwenza tal-qtil ta’ persuni innoċenti.

“Repubblika hi sodisfatta minn xi ħaġa waħda li qal il-Prim Ministru. Li b’riżultat tal-inizjattiva tagħna ser tinfetaħ inkjesta biex tistabilixxi l-fatti. Min mexa skont il-liġijiet ta’ Malta u internazzjonali m’għandux għalfejn jibża jekk Robert Abela jemmen li f’Malta ssaltan il-ġustizzja,” qalet l-għaqda.

Repubblika qalet li qed titlob verità u ġustizzja.

“Robert Abela u l-Armata setgħu ċaħdu l-allegazzjoni li nfirxet mad-dinja kollha li sar sabutaġġ fuq dgħajsa bl-immigranti. Għadu s’issa ma ċaħadhiex,” qalet Repubblika.

F’demokrazija PM ma jattakkax avukat – Azzopardi

“Jien avukat. Ma nikkummentax dwar ix-xogħol professjonali tiegħi. Imkien fid-dinja demokratika ma jkun hemm partit fil-gvern, jew agħar, il-Prim Ministru, li joħorġu attakki kontra l-avukat ta’ klijent li jkun fetaħ azzjoni kontrih jew kontra l-Gvern tiegħu. Dan isir biss bħala intimidazzjoni u huwa sinjal ta’ reġimi totalitarji. Fi kliem Dante: “non ti curar di lor, ma guarda e passa” (let us not talk of them, but look and pass),” qal Azzopardi lil Newsbook.com.mt.

Nistqarr li llum inħossni ddispjaċut. L-imħabba li għandna lejn il-poplu Malti u Għawdxi u lejn pajjiżna hi kbira wisq…

Posted by Robert Abela on Friday, April 17, 2020

Ilbieraħ fi stqarrija Repubblika qalet li l-ewwel denunzja hi fil-konfront tal-ekwipaġġ tal-patrol boat tal-Forzi Armati P52. Dan hekk kif skont rapporti fil-mezzi internazzjonali, membru tal-ekwipaġġ tela’ fuq dinghy tal-immigranti u qatgħalhom il-cable tal-magna. Ġie allegat ukoll li kien hemm xi ħadd Malti li qalilhom li Malta ma tridhomx. Din l-allegazzjoni qatt ma ġiet miċħuda la mill-Forzi Armati u lanqas mill-Gvern. Eventwalment il-gvern ordna li l-passiġġieri li kienu fuq id-dinghy jiddaħħlu Malta u issa qegħdin jinżammu fi kwarantina.

Illum fi stqarrija separata Repubblika qalet li kif mistenni, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu ma laqgħetx it-talba urġenti ta’ Repubblika biex din l-istess Qorti tagħti ordni kawtelatorja (interim measure) lill-awtoritajiet ta’ Malta u tal-Italja biex ma jħallux refuġjati li ħarbu mil-Libja abbandunati fl-ibħra taż-żewġ pajjiżi, b’periklu ċar għal ħajjithom. Din it-talba saret fil-15 ta’April 2020. Repubblika fakkret li mietu 12-il persuna.