AQRA r-rapport tal-inkjesta Egrant

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li se jkun qed jippubblika b’mod sħiħ u minnufih ir-rapport tal-inkjesta Egrant, kumpanija sigrieta fil-Panama, li s’issa għadu mhux magħruf min hu s-sid tagħha.

Ir-rapport sħiħ jinsab hawn.

F’indirizz fuq Net TV, Delia stqarr li dan ġie deċiż wara li talab pariri legali u ddiskuta mal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Żied jgħid li jħossu diżgustat li mir-rapport ħarġu affarijiet ġodda, possibilment fatti kriminali li jinvolvu nies li kellhom uffiċċju f’Kastilja u li kienu jafu bihom l-Avukat Ġenerali u anke l-Prim Ministru. Żied jgħid li hi tal-mistħija li tħallew fatti mistura mill-pubbliku għal 18-il xahar, filwaqt li l-uffiċjali inkwistjoni komplew igawdu l-karigi tagħhom.

Messagg mill-Kap tal-Oppozizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Qiegħed nippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta dwar Egrant. Araw dak kollu li Joseph Muscat ilu jaħbilna għal dawn l-aħħar 18-il xahar. Jekk irridu neqirdu l-korruzzjoni hemm bżonn li noħorġu l-fatti, u hekk qiegħed nagħmel illum b’responsabbiltà kbira. Idħol f’dan il-link biex taqra r-rapport sħiħ tal-inkjesta: https://bit.ly/2EtHcnm

Posted by Adrian Delia on Tuesday, December 17, 2019

X’qal aktar Adrian Delia?

  • Qatt ma kien aċċettabbli li r-rapport ikun f’idejn Muscat, sħabu Ministri u uffiċjali f’Kastilja, filwaqt li jibqa’ moħbi għall-Oppożizzjoni u għall-poplu.
  • Fil-21 ta’ Lulju 2018, l-Imħallef, dak iż-żmien Maġistrat, Aaron Bugeja kkonkluda l-inkjesta, bir-rapport jingħata lill-AĠ li mbagħad għaddieh lill-PM
  • L-AĠ ammetta wkoll li ta kopja lill-Ministru Bonnici kien qed jassisti lill-PM fl-analiżi tal-inkjesta.
  • F’Novembru 2018 ġie żvelat fil-Qorti li Kurt Farrugia, dakinhar Kap tal-Komunikazzjoni fl-OPM kellu kopja ta’ din l-inkjesta.
  • Fil-5 ta’ Lulju 2019, il-Qorti kienet uriet tħassib serju għall-fatt li tliet Ministri tal-Gvern kellhom aċċess għall-partijiet tal-inkjesta li ma kinux ippubblikati.
  • Il-Prim Ministru jippubblika silta mill-konklużjonijiet.
  • Fid-9 ta’ Settembru 2018 tħabbar li l-PM kien qabbad lill-avukat tiegħu, biex jiddeċiedi liema partijiet mir-rapport jistgħu jiġu ppubblikati. Baqa’ ma ġiex ippubblikat.
  • Ilbieraħ il-Prim Ministru qal li l-istess inkarigu li kien ingħata lil Pawlu Lia issa ngħata lill-eks Imħallef Antonio Mizzi biex jara liema siltiet jistgħu jew għandhom jiġu ppubblikati.

Ilbieraħ waranofsinhar l-Avukat Ġenerali għadda kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant lil Adrian Delia. Dan wara li l-Qorti tal-Appell it-Tnejn ordnat li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata kopja tar-rapport, li ħareġ bħala riżultat ta’ inkjesta tal-kumpanija bbażata fil-Panama. Mill-Qorti, Adrian Delia mar dritt fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li qallu li se jinvoka li jeżegwixxi s-sentenza dwar l-inkjesta Egrant wara jumejn. Madanakollu l-AĠ bagħatlu d-dokument fl-istess jum b’kurrier.

“L-ikbar frame up politiku fl-istorja politika” – PL

Intant, il-Partit Laburista qal li l-pubblikazzjoni b’mod sħiħ tal-inkjesta Egrant tista’ biss tikkonferma dak li ħareġ mill-konklużjonijiet li kienu diġà ppubblikati. Żied jgħid li fi kliem sempliċi dak li l-qlajja li Egrant kienet tal-familja tal-Prim Ministru kienet “l-ikbar frame up politiku fl-istorja politika, u li wieħed mill-arkittetti tiegħu kien Simon Busuttil”.

Ir-rapport sħiħ tal-inkjesta dwar Egrant jinsab f’dan il-link: https://bit.ly/2EtHcnm