Filmat: Delia jgħid li l-PM aġixxa b’mod dittatorjali

Aġġornat 06:27 AM

Adrian Delia jiddefendi lil Jason Azzopardi

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Robert Abela aġixxa b’mod dittatorjali lbieraħ meta uża l-istazzjon nazzjonali għal gwadann personali u partiġjan.

Fi dritt ta’ risposta fuq l-istazzjon Nazzjonali TVM illejla, Adrian Delia spjega li f’soċjetà demokratika, il-Prim Ministru ma jmurx fuq l-istazzjon nazzjonali biex jgħid xi ġralu meta qiegħed jiġi investigat f’inkjesta maġisterjali.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li llum intlaħaq qbil bejn it-tmexxija tal-PN u dik tal-PBS biex Adrian Delia jkun jista’ jxandar il-messaġġ tiegħu bħala risposta għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ fl-istess ħin.

“Il-PM gideb 7 darbiet”

Huwa qal li l-Prim Ministru rrefera għar-rapporti li għamlu l-membri tas-soċjetà ċivili Repubblika bħala xi ħaġa li għamilha Jason Azzopardi jew il-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-PM semma’ dan bħala fatt għal seba’ darbiet u qal li b’hekk il-PM gideb 7 darbiet.

Adrian Delia qal li mingħajr ma ried jidħol fil-mertu tal-każ ried jagħmilha aktar prominenti l-fatt li l-Prim Ministru ma ċaħadx l-allegazzjonijiet li dehru fil-gazzetti internazzjonali u lokali li suldati Maltin pruvaw jegħrqu lill-immigranti fil-baħar.

Delia qal ukoll li l-PM gideb meta qal li “l-Oppożizzjoni għamlet hekk flok ma sellmet lill-Armata”. Huwa qal li l-kummenti tal-Prim Ministru kienu ironiċi għax saru fl-istess jum li hu bħala Kap tal-Oppożizzjoni mar isellem lill-Armata u rringrazzjahom tas-servizz li qed jagħmlu b’risq il-poplu Malti. Fl-istess waqt huwa saħaq li jekk saru r-rapporti għandhom jiġu investigati biex tiġi magħrufa l-verità dwar il-każ.

“Il-PM jilgħab bis-sentimenti tan-nies dwar l-immigrazzjoni”

Il-Prim Ministru prova jilgħab bis-sentimenti tan-nies dwar l-immigrazzjoni. Huwa stqarr il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma jippermettu qatt li jintilfu l-ħajjiet. Huwa qal li jistenna li l-PM jitkellem bl-istess mod. Dwar dawk li ma jkunx ħaqqhom l-ażil huwa qal li jridu jintbagħtu lura f’pajjiżhom filwaqt li dawk li ħaqqhom l-ażil għandhom jitqassmu b’mod ġust bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Delia jiddefendi lil Jason Azzopardi

Huwa ddefenda lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi għax qal li huwa kien qed jaġixxi bħala avukat fil-qasam professjonali li jaħdem fih. Stqarr li l-Prim Ministru gideb għal 7 darbiet għaliex qal li l-kien il-Partit Nazzjonalista u Jason Azzopardi li għamlu l-azzjonijiet legali fil-konfront tiegħu meta fil-verità kienu l-għaqdiet indipendenti li użaw is-servizzi legali ta’ Azzopardi.

Fl-istess waqt, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jħejji linji gwida għad-Deputati tiegħu. Huwa indika li l-Membri Parlamentari mistennija li jkollhom dawn il-linji gwida biex ikunu jafu meta għandhom javżaw lill-Partit dwar ix-xogħol tagħhom.

Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li huwa mhux se jippermetti lill-Gvern jifred lill-Partit nazzjonalista wisq anqas lill-poplu Malti.