“Kont naf xahar qabel li se jarrestawni” – Melvin Theuma

Aġġornat 08:58 PM

SEGWI l-aħħar aġġornamenti mill-Qorti minuta b'minuta.

Miguela Xuereb

Read in English.

Melvin Theuma, is-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, illum qed ikompli jixhed. Theuma ngħata l-maħfra Presidenzjali u fil-Qorti llum qed jixhed kontra t-tliet persuni arrestati fuq akkużi li ħadmu l-karozza bomba. Ilbieraħ, Theuma xhed fi proċeduri separati kontra Yorgen Fenech li huwa ssuspettat li kien il-kompliċi fl-assassinju.


13:20 Grazzi talli segwejtuna.


13:18 Il-każ ġie aġġornat. Issa f’idejn id-difiża biex tiddeċiedi jekk tixtieqx tagħmel kontro-eżami lix-xhud.


13:16 ‘Kont naf xahar qabel, li se jarrestawni” – Melvin Theuma qal lil Azzopardi. Żied jgħid li ma jiftakarx min qallu, imma żgur li ma kienx Edwin Brincat, il-Ġojja”.


13:11 Theuma qal li hu u Yorgen kellhom diskussjoni dwar il-laptop ta’ Daphne u qal li Fenech kien qal li kien ikun aħjar għalih jekk iġibu l-laptop ta’ Daphne mill-Ġermanja, għax l-attenzjoni ddur fuqu. Dr Azzopardi fakkru dwar l-istrixxuni li ddendlu madwar Malta jistaqsu “fejn hu l-laptop ta’ Daphne?”. Meta ttellgħu l-banners kien fl-istess żmien li Muscat beda jitkellem mal-Pulizija. Theuma jiftakar l-istrixxuni.


13:05 Theuma qal lill-Qorti li hu kien jaf fejn kien joqgħod Schembri, għax kien wassal lil Fenech għandu.

Xi nstab fil-kaxxa tal-plastik li kien fiha ritratt tiegħek ma’ Schembri? Staqsa Dr Azzopardi. Melvin wieġbu li kellu pressjoni biex jgħin lill-aħwa Degiorgio jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Dr Azzopardi staqsieh x’jaħseb dwar l-irċevuti tal-ispejjeż legali li jammontaw għal €79,000. Theuma qal li kienu għoljin ħafna. Fenech żamm lil Theuma infurmat dwar it-talba tal-maħfra presidenzjali ta’ Vincent Muscat, il-Koħħu, li kienet diskussa fil-kabinett, u li matulha Owen Bonnici kien preżenti. Fenech kien qallu biex iżommha għalih. Kien qed jibża’ li xi ħaġa tmur ħażin.


12:56 Theuma qal li hu ltaqa’ ma’ Kenneth Camilleri xi darbtejn jew tlieta. Darba ltaqa’ miegħu f’garaxx li kien jesa’ tliet karozzi tal-linja. Dr Azzopardi staqsieh kif kien jaf lil Camilleri. Theuma wieġeb li kien jaf lil Kenneth bħala pulizija tat-traffiku, imma ma kienx jaf li kien jagħmel parti mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-Prim Ministru.

L-argument bejn Fenech u Theuma seħħ fis-sajf tal-2018, imma Theuma ma jistax jiftakar eżatt.

Dwar it-telefonata ma’ Kenneth, Theuma qal li kienet dwar il-bail tat-tliet akkużati u d-dettalji dwar il-miljuni ta’ ewro li se jieħdu kull wieħed meta jinħelsu.

Min hu daqshekk sinjur li lest li jħallas €3 miljuni? staqsa Dr Azzopardi. Theuma qallu li kemm Schembri u Fenech huma sinjuri. Dr Azzopardi rrimarka li fl-aħħar seduta Theuma kien wasal għall-konklużjoni li kien Schembri li bagħat lil Kenneth. Theuma qal li “Kenneth ma setax waqa’ mis-sema”.


12:51 Theuma kien xtara appartament fis-Swieqi għal €270,000, li minnhom €100,000 ħallashom fi flus kontanti u l-bqija tħallsu b’self mal-BOV. Azzopardi staqsieh dwar l-għalqa li għandu Ħal Safi, li ħarġilha permess għall-iżvilupp. Meta ġie arrestat, ġew elevati €400,000 mid-dar ta’ Theuma fiż-Żurrieq. Dr Azzopardi staqsieh dwar meta Fenech qallu biex jinforma lil Ta’ Maksar dwar il-bomba li kienu qed jimmanifattura fil-garaxx tagħhom. Theuma qallu li ma kienx jaf lil Ta’ Maksar u injorah. Żied jgħid, li probabblu kien qallu hekk biex jinfurmahom.


12:44 Dr Azzopardi jaqra ittra li kiteb Theuma. Theuma jikkonferma li l-ittra kitibha hu. Jirreferih għal sentenza fl-ittra tiegħu fejn qal li kien tkeċċa. Hu qal, ‘Spiċċajt barra qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.’

‘Keith il-Kasco la qatt ma semmili lil Daphne, la qatt għaddhieli l-pagamenti, jien bil-ġurament, qal Theuma waqt li reġa’ bies is-salib. Theuma qal, “għalija, Fenech kien il-moħħ”.

Azzopardi rrefera għal dak li qal Yorgen meta ġie interrogat, li rċieva €75,000 minn Keith Schembri f’basket. Theuma qal li hu ma kien jaf xejn dwar dan. Kompla jgħid li hu ma tantx jifhem bl-Ingliż u ma jistax jgħid x’setgħu kienu qed jgħidu Turab u Yorgen meta kien iwassalhom ‘l hemm u ‘l hawn.

‘Yorgen Fenech ġieli qallek li Schembri kien qed jikkalkula li jagħmel €80 miljun mill-Electrogas fuq numru ta’ snin?’ Azzopardi staqsa lil Theuma. “Le”, wieġbu.


12:39 Theuma għamel it-testment tiegħu jumejn wara li saru l-arresti. Azzopardi staqsieh għaliex raġel ta’ 38 sena bħalu, ħass il-bżonn li jagħmel testment. Theuma qallu li beda jibża’ li Fenech joqtlu, minkejja li qatt ma ħassu mhedded minnu u li l-unika argument li kellhom kien meta Vincent Muscat beda jitkellem. Theuma żied jgħid li kien staqsa lil Fenech, “Kif jista’ Muscat jitkellem dwari jekk jien ma nafux?” Dan kien xi April 2018. Theuma żied jgħid li hu ma kienx jaf minn fejn Fenech ġab l-informazzjoni. Eventwalment qallu li kien jikseb l-informazzjoni mingħand Keith Schembri. Azzopardi nnota li Keith Schembri ssemma diversi drabi fir-rkordings li saru minn Theuma nnifsu.


12:35 ‘X’taf dwar l-informazzjoni li qed tgħaddi għand Fenech?’ Dr Azzopardi staqsa lil Theuma. Theuma qal li Fenech kien tah informazzjoni dwar il-messaġġ li attiva l-bomba u r-rejd fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Żied jgħid li qatt ma staqsa lil Fenech minn fejn kien qed iġib id-dettalji. Hu wasal għal konklużjoni li l-informazzjoni ġiet mingħand Schembri. Erbat ijiem qabel ma sar ir-rejd, Fenech ra lil Theuma f’Portomaso u qallu “Għandna l-problemi hemm, se jkun hemm rejd kbir”. Hu mbagħad informa lil Degiorgio dwar dan. Stqarr li Degiorgio apprezza.


12:31 Yorgen ressaq lil Melvin mal-ġenb, fejn qallu li kien qed jibża’ dwar l-involviment tal-FBI fil-każ. Dr Azzopardi rrimarka li sa xahar wara l-assassinju, ħadd ma kien jaf x’kien il-messaġġ, minbarra min użah, is-service provider u s-Servizzi Sigrieti. Theuma qal li hu qatt ma staqsa lil Fenech minn fejn kien qed iġib l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni.


12:28 Theuma ġie mistoqsi dwar laqgħa li kellu f’Level 21, wara l-assassinju ta’ Daphne, meta kien hemm raġel, barrani, li Theuma għaraf. Theuma ġie muri kopja tal-passaport ta’ Turab Musayev li hu involut fl-Electrogas u s-Socar. Theuma kkonferma li r-raġel fuq il-passaport kien hu. Żied jgħid li hu kien wasslu diversi drabi.


12:24 Dr Azzopardi staqsieh dwar l-użu ta’ WhatsApp u Signal. Theuma wieġeb li Yorgen Fenech kien qallu biex juża dawk l-apps għax ma jkunux jistgħu jiġux interċettati. Theuma kien qed iwieġeb għall-kontro-eżami li qed isir minn Dr Azzopardi.


12:21 Theuma beda fix-xogħol fantażma fl-1 ta’ Mejju, il-jum li fih issejħet l-elezzjoni bikrija. Fenech kien ċempillu biex iwaqqfu l-assassinju tal-ġurnalista minħabba l-elezzjoni. Theuma qal li hu mar jinforma lil Degiorgio li għalissa weqfin.


12:13 “X’interess kellu Schembri biex ikun involut?”, Azzopardi staqsa. “Le, naħlef li ma semma xejn, naħlef fuq ġurament”, Theuma wieġeb filwaqt li qal “Ovja li ma nistax nigdeb għax hemm il-maħfra presidenzjali x’nitlef”.

Theuma mistoqsi dwar fejn kien ittieħed f’Kastilja. Qal li ma jiftakarx eżatt fejn. Qal li kien ittieħed fil-kamra fejn isiru l-laqgħat tal-Kabinett. Qal li ma marx fl-uffiċċju ta’ Craus.

“Ma niftakarx jekk kienx Keith jew jien stess li għidt lil Sandro Craus joħdilna dak ir-ritratt”, qal Theuma filwaqt li rrefera għar-ritratt ma’ Keith Schembri:

Theuma wieġeb għall-mistoqsijiet tal-Avukat Azzopardi u qal li “qatt ma applikajt għal xogħol mal-Gvern, l-għada kelli interview ta’ ħames minuti fil-Ministeru”.

Theuma jkompli jwieġeb, “Dejjem nitfixkel jekk kienx Tony Muscat jew Sammut”.

“Tony Sammut huwa Tony l-iblaħ,’ Azzopardi stqarr. Theuma staqsa: “Għalfejn qed tgħid hekk? Qed timplika xi ħaġa?”.

Azzopardi qal li għamel hekk biex jifhem għal liema Tony qed jgħid.


12:06 Dr Azzopardi jkompli jistaqsi lil Theuma. Jistaqsih dwar dak li seħħ wara li ltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Degiorgio wara li ġab in-numru tiegħu mingħand Darren Debono (it-Topo). Azzopardi staqsa dwar kemm-il darba ltaqa’ ma’ Keith Schembri fid-dar ta’ Fenech f’Ħaż-Żebbuġ. Theuma stqarr li darba biss fejn għamlu l-ewwel konoxxenza.

Theuma qal li l-Kap tal-Customer Care Sandro Craus ċempillu għas-7pm, fl-istess ħin li kien sejjer il-Burger King mat-tifel tiegħu.

Dr Azzopardi rrimarka li d-dipartimenti tal-Gvern ikunu magħluqa f’dak il-ħin. Azzopardi staqsa lil Theuma jekk hu staqsiex lil Craus għalfejn Keith Schembri talbu biex jiltaqa’ miegħu f’Kastilja. Fl-aħħar seduta, Theuma kien iddeskriva lil Keith Schembri bħala “ta’ wara Alla”.

Azzopardi staqsa lil Theuma jekk hu qattx kellu kuntatt ma’ Keith Schembri permezz ta’ Signal jew Whatsapp. Theuma wieġeb “Le, qatt.”

Azzopardi jistaqsi dwar iż-żjara tiegħu f’Kastilja. Huwa rrepeta li kien imbarazzat u kellu jistaqsi lil Yorgen Fenech minn fejn għandu jidħol.


11:58 Il-Maġistrat terġa’ tidħol fl-Awla. Dr Azzopardi staqsa dwar recording tal-14 ta’ Marzu 2019 fejn irrefera għax-“xiħ” u staqsieh jekk fehemx tajjeb u għal min kien qed jirreferi.

Theuma wieġeb u qal li kien qed jirreferi għall-Prim Ministru billi spjega li kien se jiddiskuti ma’ Yorgen Fenech biex ikellem lill-PM.

L-Avukat Azzopardi staqsa x’kienet ir-relazzjoni bejn Theuma u Fenech.

Azzopardi staqsa jekk qabel dik il-ġurnata kellux lil xi ħaddieħor jistaqsi biex tinqatel persuna. Theuma wieġeb fin-negattiv u qal li “issa sirt naf xi tfisser għaliex spiċċajt nixrob il-whiskey u l-kalmanti”.

“Mhux ħabib tiegħi, huwa l-agħar persuna fid-dinja”, Theuma qal.

L-Avukat Azzopardi staqsa jekk kienx jaf jekk Caruana Galizia kinitx kitbet dwar Fenech. Wieġeb xi ftit aġitat u qal li hu kien saq lil Caruana Galizia viċin il-lukanda Hilton fejn kienet sabet it-tyres tal-karozzi tagħha mniżżla. Huwa qal li ma kienx talabha flus.


11:57 Jerġgħu jiddaħħlu fl-Awla l-aħwa Degiorgio.


11:40 Il-Maġistrat Stefrace Zammit waqqfet il-proċeduri għal ftit ħin. Wara jibda l-kontro-eżami fuq Mevin Theuma mill-avukat Jason Azzopardi li qed jidher parte civile, tal-familja Caruana Galizia.


11:32 Jinstema recording ta’ telefonata li saret bejn Mario Degiorgio, Ġuża Degiorgio, Melvin Theuma u George Degiorgio. Ir-rekording kien mimli dagħa u kliem ħażin. Theuma qal li George Degiorgio kien qed jistaqsi jekk l-avukat tiegħu ċempilx.


11:26 Jinstema recording mill-14 ta’ Marzu 2019. Il-konverżazzjoni kienet dwar il-bail li ma ħadux.

Recording tal-1 ta’ Ottubru 2019. Theuma jinstema jgħid ” qed ninsistu, qed ninsistu”. Theuma ċċara li hu kien qed jirreferi għall-bail tal-akkużati. Żied jgħid li hu kien jinsisti ma’ Yorgen Fenech li huma riedu l-bail.


11:19 Fl-Awla għadhom jinstemgħu r-recordings li saru bejn l-aħwa Degiorgio mill-ħabs u ħuhom Mario Degiorgio fid-dar tiegħu u li għalihom kien preżenti u pparteċipa fihom Melvin Theuma.

F’rekording minnhom, Alfred Degiorgio staqsa lil Theuma “jista’ jsir xi ħaġa”, b’Theuma jikkonferma li kienu qed jgħidu għall-bail. Meta ppressat aktar bil-mistoqsijiet, Theuma qal li kien imur għand Yorgen Fenech u jippressah li l-aħwa Degiorgio jridu l-bail.


11:04 It-telefonati bejn Alfred Degiorgio u Melvin Theuma li qed issir referenza għalihom se jinstemgħu llum fl-Awla.

Ir-recording kien xi ħaġa hekk: “Kif aħna? u Iwa?”, “Jien l-aqwa li smajt leħnek”, “orrajt sieħbi”. F’recording ieħor Melvin Theuma kien ma’ il-Gandhi u tkellem ma’ Alfred Degiorgio.

Arnaud staqsa dwar min kien qed jirreferi meta qal “ħa nibda nirranġa ma’ dan” – Theuma wieġeb li ma’ Mario Degiorgio.

Recording ieħor instema’ fil-Qorti li kien jinvolvi lil George Degiorgio, Mario Degiorgio u Melvin Theuma. Theuma qal li kien ċert li dik it-telefonata saret fid-dar ta’ Mario Degiorgio. Theuma kien instema’ jgħid “ħa mmur nagħmel dak”. Huwa ċċara li “dak” kien ifisser permess tal-viżitaturi.

Theuma qal li darba xtara kelb u żewġ għasafar għal Mario Degiorgio.

Recording ieħor Theuma qal lill-akkużati li hu xtara l-“ġbejniet”.


11:00 Theuma qal li Fenech kellu informazzjoni preċiża dwar l-investigazzjoni. Żied jgħid li huwa qatt ma emmnu li Vincent Muscat kixef.

Mistoqsi jekk huwa qattx mar il-ħabs jarahom, Theuma qal li huwa ried imur jara lil Alfred Degiorgio iżda kien beżgħan. Reġa’ fakkar li hu kien jikkomunika mal-aħwa Degiorgio bit-telefown mid-dar ta’ Mario Degiorgio.


10:51 Theuma akkumpanja lill-Pulizija fejn kien mar ma’ Alfred Degiorgio. Theuma ntwera għadd ta’ ritratti minn meta mar fl-istess post mal-Pulizija fil-Bidnija.


10:44 Alfred Degiorgio qam biex ikellem lill-avukat.

Arnaud staqsieh dwar dak li qal fix-xhieda tal-ġimgħa li għaddiet meta Theuma qal li Mario Degiorgio staqsieh għall-flus minħabba spejjeż tal-avukat.


Theuma għandu tliet irċevuti miegħu fil-Qorti, waħda ta’ €50,000, oħra ta’ €4,000 (18 ta’ Marzu – skont id-data tal-irċevuta) and €25,000 (21 ta’ Mejju – skont id-data tal-irċevuta). Huwa qal li żamm dawn l-irċevuti wara l-cooker f’appartament f’Marsaskala. Theuma qal li huwa rċieva dawn l-irċevuti mingħand Mario Degiorgio u żammhom f’post sigur. Huwa żied jgħid li għamel hekk f’każ li “Yorgen Fenech ta’ Tumas jistaqsih fejn kienu qed imorru l-flus”. Waħda mill-irċevuti kienet minn Jannar 2018, b’Theuma jinnota li dakinhar huwa ma kienx jaf lil Mario Degiorgio. Waħda mill-irċevuti kienet tidher miktuba bl-idejn.

Meta Degiorgio staqsieh għall-flus, il-flus kienu jingħaddewlu iżda ma kienx jirċievi rċevuti. Theuma żied jgħid li huwa ma staqsihx għal irċevuta minħabba li qal li Degiorgio fil-passat kien jagħtih irċevuti minn jheddu.


10:38 Melvin Theuma beda jixhed. L-Ispettur Arnaud staqsieh jekk iridx iżid aktar max-xhieda tiegħu.

Theuma spjega li huwa kien beda jmur fid-dar ta’ Mario Degiorgio madwar Marzu 2018. Huwa kien jitkellem mal-aħwa permezz tat-telefown. Huwa spjega li għall-ewwel huwa kien jgħaddi l-flus lill-Lolly imma mbagħad wara li sar jaf lil Mario Degiorgio kien jagħtihomlu dirett.

Theuma fisser kif huwa ta €15,000 lil persuna li imbagħad kien jgħaddihom lil Mario Degiorgio. Il-flus kienu għad-depożitu tal-bail ta’ Anca Pop.

L-uffiċjal spjega li l-vjaġġ lejn dan il-post ġie ffilmjat. Huwa qal lill-Qorti li Theuma qalilhom li Alfred Degiorgio kien ħadu f’din iż-żona minħabba li Degiorgio kien isegwi l-passi ta’ Caruana Galizia mill-bogħod.


10:31 Uffiċjal tas-CID tela’ jixhed. Huwa qal lill-Qorti li rċieva struzzjonijiet minn Arnaud biex jakkumpanja lil Melvin Theuma flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Pulizija lejn il-Bidnija fejn Theuma kellu jurihom ir-rotta fejn iltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio. Spjega li Theuma ħadhom f’żona magħrufa bħala Ta’ Tarġa Battery.


10:29 L-avukat tal-għajnuna legali Mark Sant staqsa jekk hux possibli li priġunier juża pin code ta’ priġunier ieħor. L-uffiċjal tal-Qorti qal li “mhux suppost tiġri”.


10:25 L-uffiċjal esebixxa CDs li kellhom recordings ta’ telefonati li saru bejn Alfred u George Degiorgio mill-ħabs. Fl-envelop ippreżentat fil-Qorti kien hemm CD u dokument bid-dettalji tat-telefonati.

Spjega li kull priġunier jingħata pin code biex jużah qabel jagħmel it-telefonata mill-ħabs. Il-priġunieri jistgħu jċemplu bejn it-8.15am u 11.50am u bejn is-1pm u 7pm.


10:18 Joseph Brincat, is-Suku, tela’ jixhed. Kemm George u Alfred Degiorgio daħqu meta dar fuqhom biex jidentifikahom. Brincat jaħdem mal-“Water Works” f’ħanut fil-Marsa.

Brincat kien mistoqsi dwar dak li qal Pace u kif kien jafu u wieġeb li Pace kien mill-istess żona u kien imur il-ħanut tiegħu.

Mistoqsi dwar Theuma, huwa qal li kien jafu minn wiċċu. Mistoqsi jgħid x’ġara wara li t-tliet akkużati ġew arrestati, Brincat qal li Pace mar għandu biex jgħidlu li xi ħadd ried jagħti €300 lit-tliet irġiel waqt l-arrest preventiv. Huwa qal li xi drabi s-somma kienet €300 u xi drabi €200. Dan ġara sitt darbiet fl-2018.

Brincat qal li Mario Degiorgio kien imur għall-flus u kien jagħtih irċevuta bil-kelma “Kordin” b’referenza għall-ħabs.


10:11 Pace imbagħad qal li huwa ngħata €300 mingħand Theuma biex jagħtihom lis-Suku. Il-flus kienu jingħataw kull 10 ijiem. Dan ġara għal ħames darbiet, spjega Pace.

Pace żied jgħid li l-flus kienu jmorru aktarx għall-familja tat-tliet akkużati.

Arnaud staqsa jekk huwa qattx irċieva xi ħaġa mingħand is-Suku biex juriha lil Melvin Theuma biex turi li l-flus għaddew għand is-Suku. Pace fil-bidu qal “Le, kont nagħti kelmti lil Melvin li għaddejt il-flus” iżda aktar tard qal li kien jirċievi xi rċevuti.

Arnaud staqsa x’kien ikun hemm miktub fuq l-irċevuti. Pace wieġeb hekk: “Mhux isimhom”.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit appellatlu u staqsietu hekk: “F’ġieħ Alla għid x’ismijiet kien hemm miktub”. Huwa wieġeb: “Ġorġ, Freddy u Ċensu”.


10:06 Lawrence Pace magħruf bħala ‘il-lolly’ tela’ jixhed. Huwa identifika t-tliet persuni bħala Fredu, Ġorġ u Ċensu li kien jafhom mill-Marsa.

Pace ġie mistoqsi dwar x’jaf dwar dawn it-tliet persuni b’relazzjoni mal-każ. Huwa wieġeb “xejn, dak li naf huwa mill-midja”.

L-Ispettur Keith Arnaud reġa’ staqsa lil Pace u qallu jgħid x’inhi r-relazzjoni ta’ bejn Melvin Theuma u t-tliet persuni arrestati u Is-Suku.

Pace qal li huma qatt ma semmgħu lill-akkużati. Il-Maġistrat Stafrace Zammit intervjeniet u qalet li ma kinitx qed tifhem lix-xhud u insistiet li huwa jitkellem fil-mikrofonu b’mod ċar.


10:00 It-tieni persuna telgħet tixhed. Il-persuna qalet li rċieva telefonata mingħand Melvin Theuma dwar trasferiment ta’ €15,000 lil din il-persuna. Il-persuna li qed tixhed kienet taħdem ma’ Melvin Theuma u kienet taf lil Melvin mit-tlielaq taż-żwiemel.

Il-persuna ltaqgħet mal-persuna l-oħra li kellha l-flus li mbagħad ċempel lil persuna oħra biex jgħaddilha l-flus.

Il-persuna li qed tixhed qalet li ma fetħitx il-borża. Il-persuna qalet li ma kinitx taf ir-raġuni għalfejn kienet se tagħti l-flus f’borża. Il-persuna qalet li ma kinitx tiftakar kif kien jidher il-persuna l-oħra għaliex qalet li r-raġel wasal f’karozza u ma ftakritx ismu.

“Ċempiltlu mill-mobile tiegħi ta’ dak iż-żmien”, il-persuna li qed tixhed qalet.

“Kellek in-numru ssavjat?”, staqsa Arnaud. Il-persuna li qed tixhed wieġbet “le”.


09:52 L-Ispettur Arnaud staqsa lix-xhud x’jaf dwar il-każ f’relazzjoni ma’ Melvin Theuma. Ix-xhud kien mistoqsi dwar persuna oħra. It-tieni persuna kienet tmur fil-ħanut ta’ ommu biex jirranġa apparat elettroniku.

Ix-xhud irrakkonta kif f’Lulju 2018, meta rċieva t-telefonata mingħand Melvin Theuma biex jagħti €15,000 lil persuna oħra. Il-persuna li qed tixhed ma staqsietx għalfejn irċeviet dawn l-istruzzjonijiet. Huma ltaqgħu viċin “Regina” fil-Marsa.


09:45 Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tidħol fl-awla. L-avukat Kathleen Grima staqsiet lill-Qorti biex twaqqaf il-pubblikazzjoni tal-isem minħabba li x-xhud jinsab taħt investigazzjoni. Hija żiedet tgħid li x-xhieda għandhom jiġu infurmati li għandhom dritt ma jweġbux il-mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawhom.

L-ispettur Keith Arnaud qal li l-persuna mhix qed tiġi investigata dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

It-talba ġiet aċċettata mill-Qorti. L-isem ma jistax jixxandar u lanqas informazzjoni li tista’ tidentifika x-xhud.


09:34 It-tliet persuni akkużati li ħadmu l-karozza bomba jinsabu fil-bank ta’ quddiem. Mix-xellug għal-lemin: Alfred Degiorgio, George Degiorgio, żewġ uffiċjali tal-ħabs u Vincent Muscat.

Erba’ uffiċjali oħra tal-ħabs jinsabu fl-Awla.

L-Avukat tal-għajnuna legali Mark Sant li qed jidher għal Vincent Muscat jinsab fl-Awla.


09:29 L-Ispetturi tal-Pulizija Keith Arnaud u Kurt Zahra daħlu u eżatt wara daħal Vincent Muscat.


09:28 Alfred Degiorgio u George Degiorgio daħlu fil-Qorti skortati mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.


09:20 Il-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia jinsabu fl-Awla flimkien mal-Avukat tagħhom Jason Azzopardi.

L-avukat tal-għajnuna legali Josette Demicoli li qed tidher għal George Degiorgio tinsab ukoll fl-Awla.


Fl-aħħar seduta, Theuma qal li Yorgen Fenech kien staqsieh biex ifittex lil xi ħadd biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia minħabba li qallu li din kienet se tikxef affarijiet dwar iz-ziju tiegħu Raymond Fenech. Mix-xhieda ta’ Melvin Theuma ħareġ lil-informazzjoni ma kinitx dwar zijuh iżda dwaru nnifsu, dwar Yorgen Fenech.