Melvin Theuma b’xhieda xokkanti

Aġġornat 02:07 PM

Read in English.

12:25 Il-każ se jkompli fit-12 ta’ Diċembru u fis-7 ta’ Jannar.

12:17 L-avukati u l-ispetturi tal-pulizija resqu lejn il-bank, ‘il bogħod mill-widna tal-media.

12:14 Ix-xhieda ta’ Theuma twaqqfet għal ftit sakemm kopji tar-rikordings tiddaħħal fil-Qorti. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit staqsiet kemm il-jum hemm bżonn sabiex isiru kopju tar-rikordings.

Ara x'intqal fil-Qorti minn hawn: http://bit.ly/35YCMRg

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, December 4, 2019

12:00 Fil-Qorti Theuma qal li pprepara pendrive b’biċċiet mir-rekordings tad-diskussjonijiet li kienu saru f’Portomaso, fil-karozza u f’Level 21, ittra u ritratt. Hu bagħat din l-informazzjoni lil Johann Cremona, biex jurihom li hu kellu r-rekordings f’idejh. Dawn ir-rekordings bdew wara li hu sar jaf li Muscat kien beda jitkellem mal-Pulizija. Theuma minn hemm beda jitfa’ l-mobile tiegħu fuq airplane mode u jirrekordja l-konverżazzjonijiet.

11:56 Theuma qal li l-bomba li ntużat biex toqtol lil Caruana Galizia kienet immanifatturata minn Maksar. Maksar huwa l-laqam tal-familja ta’ Adrian u Robert Agius, żewġ irġiel li kienu fost l-10 arrestati b’rabta mal-assassinju f’Diċembru tal-2017. Huma nħelsu aktar tard.

11:49 Keith Arnaud staqsa jekk kienx ingħata ħjiel f’okkażjonijiet oħra. Fenech imbagħad ċempillu jgħidlu li hemm problema, għax Vince Muscat kien beda jkellem lill-Pulizija dwar il-każ. Theuma mbagħad iltaqa’ ma’ ħu l-aħwa Degiorgio, Mario Degiorgio, biex jinfurmah li Muscat kien qed jitkellem mal-Pulizija. Imbagħad irċieva telefonata minn ċertu Johann Cremona u Kenneth li kien jaħdem Kastilja. Theuma qal lill-Qorti, li hu jissuspetta li dawn tqabbdu minn Keith Schembri u Yorgen Fenech. Theuma qal li Kenneth wegħdu li l-akkużat se jieħu l-€1 miljun u ħelsien mill-arrest, imma ma ħadu xejn minnhom.

“M’iniex ċert jekk Keith bagħatx lil Kenneth”, qal Theuma, filwaqt li insista li żgur ma waqax mis-sema’.

Theuma qal li hu ħass li ma kienx veru li Vince Muscat kien qed jitkellem mal-Pulizija. Beda jissuspetta minħabba li Fenech u Schembri kienu qrib ħafna, u qal li hu ħaseb li kienu qed jippruvaw li jarrestaw lilu minflok. ‘Sieħbu u mhux sieħbu, hekk kien jgħid fuqu’, kompla jgħid Theuma. Ir-rikordings għaddew għand il-Maġistrat Inkwirenti.

11:33 Ġimgħa qabel ir-rejd ta’ Theuma, Fenech kien qed jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga, minħabba li hu għandu l-vizzju tal-kokaina.

Mart George Degiorgio talbet għal €60,000 għall-bail. Fenech qallu li ftehim kien li l-flus kienu jingħatawlu jekk il-Qorti tippermetti l-bail. Mart Degiorgio mbagħad kienet se titrasferixxi l-flus f’kont barrani sabiex tevita milli tiġi mistoqsija dwar minn fejn ġew il-flus.

Fenech tah €20,000 meta ġie lura minn Disneyland.

“Jien ma ħadtx ċenteżmu mill-kuntratt tal-qtil,” Theuma qal fil-Qorti. “Kont viċin ħafna ta’ Fenech. Messek tistaqsi kemm kelli noħroġ flus.”

“Ħajti spiċċat wara l-qtil. Spiċċajt niġri mingħand persuna għall-oħra. Kont xbajt. Pruvajt anke ntemm ħajti. Wara rrealizzajt kemm kont għamilt ħażin,” Theuma qal fil-Qorti.

11:30 L-Ispettur tal-Pulizija Arnaud staqsa lil Theuma kif kien jaf lil Mario Degiorgio.

Theuma qal li kien hemm wieħed magħruf bħala l-Ghandi l-Ħamrun u ħabsi li kien ċempillu. Aktar tard Alfred Degiorgio kien ikellem lil Theuma fuq it-telefon. Mario Degiorgio ġibed lil Theuma f’ġenb u qallu li l-akkużati kellhom bżonn €30,000 għall-avukat. Theuma mar għand Fenech sabiex jagħtih il-flus. Fenech allegatament qallu li kien jaf li dan il-jum se jasal. Mario Degiorgio allegatament talab €30,000 oħra. Iżda Yorgen Fenech, allegatament tah €25,000. Hu mbagħad qal lill-Qorti li rrealizza li Fenech qata’ minnhom il-€5,000 li kien tah għall-vaganza.

Theuma waqaf jagħti l-€100 lil Vince Muscat għax martu bdiet tistaqsi minn fejn kienu ġejjin. Hu baqa’ jagħti €200 lil Mario Degiorgio. Dawn il-flus kienu ġejjin dirett mingħand Theuma.

Yorgen Fenech intalab iħallas bejn €2,000 u €3,000 fi spiżi tal-iskola, esperti barranin u spejjeż oħrajn.

Theuma ħallas ukoll madwar €5,000 għal kelb għal Mario Degiorgio.

11:29 Theuma spiċċa beda jħallas €300 fil-ġimgħa wara li t-tliet irġiel ġew arrestati. Din hija deċiżjoni li ħa waħdu “biex ikollhom xi ħaġa”. Hu kien jagħti l-flus lil Lolly, li mbagħad kienet tati l-flus lil bint Muscat u possibilment lil ħu Degiorgio l-ieħor. Fenech injora l-irċevuti li beda jurih Theuma.

Theuma qal li wara l-assassinju hu beda jħossu ħażin ħafna. Qal fil-Qorti li Fenech beda jinkwieta li Theuma kien se jikxef l-informazzjoni li kellu dwaru. Fenech tah €5,000 u marru vaganza mas-sieħba ta’ Theuma u t-tifel tagħhom, qal Theuma fil-Qorti. Hu ddeċieda li jqassam il-wirt tiegħu wara l-arrest tal-aħwa Degiorgio. Il-kuntratt tal-wirt sar fi ftit jiem. Theuma beda jibża’ għal ħajtu.

11:19 Madwar 15-il jum wara, Fenech ċempel lil Theuma sabiex jiltaqa’ miegħu quddiem ix-showroom tat-Toyota Ħaż-Żebbuġ. Fenech qallu li l-investigaturi kienu sabu l-messaġġ li wassal għall-isplużjoni.

Madwar €120,000 kienu għadhom għand Theuma. Hu kien ftiehem mal-aħwa Degiorgio sabiex jgħaddilhom il-bqija tal-flus. Theuma ltaqa’ ma’ Degiorgio fil-garaxx tiegħu stess f’Wied il-Għajn.

Huma kienu talbu €5,000 żejda minħabba l-ispejjeż tat-tromba u dawk relatati mal-kiri tal-karozza. Hu b’hekk għaddielhom total ta’ €125,000 fi flus kontanti.

Fenech kien avża lil Theuma dwar ir-rejd li kellu jsir fil-5 ta’ Diċembru. Theuma staqsa jekk setax jinforma lil Degiorgio, u Fenech ikkonfermalu li jista’ jagħmel dan. Hu mbagħad informa lil Degiorgio dwar ir-raid.

Intant… L-avukat Victor Bugeja li qed jidher għal Darren Debono informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu qed jgħid li l-allegazzjonijiet ta’ Theuma fil-konfront tiegħu m’humiex veri.

11:10 Waqt iż-żjara fil-Bidnija, Alfred spjega fejn se jkunu mistoħbijin. Darba minnhom ħassru l-pjanijiet meta l-allegati qattiela ltaqgħu ma’ roadblock tal-Pulizija qrib ir-roundabout.

11:05 Alfred Degiorgio staqsa dwar fejn tiffrekwenta Caruana Galizia. Fenech qal lil Theuma li hi tiffrekwenta kafetterija n-Naxxar u restorant fir-Rabat. Imbagħad għadda l-informazzjoni lil Alfred Degiorgio. Degiorgio ta ‘burner phone’ lil Theuma, u wissieh biex ma jmurx taħt it-tinda tal-patata. Kellu biss in-numru ta’ Alfred Degiorgio ssejvjat.

Darba, ibnu kien qed jilgħab bil-mowbajl u ċempel lis-sieħba ta’ Theuma. Hu ċempel lil Alfred meta kien Euro Disney ma’ ibnu, hekk kif Fenech kien qed jagħmlilhom pressjoni biex iwettqu l-assassinju. Darba, Degiorgio ħa lil Theuma l-Bidnija. Ħadu bil-karozza ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, biex jurih li x-xogħol kien qed isir.

10:47 Jumejn wara li Theuma tkellem ma’ Fenech, Fenech qallu li Sandro Craus minn Kastilja kien se jċempillu. Malli qata’ l-linja, Craus ċempillu u infurmah dwar laqgħa maċ-Chief of Staff Keith Schembri. Il-ġurnata ta’ wara, hu kellu jiltaqa’ ma’ Schembri. Qabel ma daħal ġewwa, Theuma ċempel lil Fenech u staqsih minn fejn għandu jidħol għax beda jibża’. Theuma daħal mill-bieb prinċipali. Schembri ħa lil Theuma mawra f’Kastilja. Schembri tah ukoll espresso u ltaqa’ ma Craus. Hu ħa stessu ma’ Schembri f’Kastilja. Craus qallu li kien se jingħata xogħol mal-Ministeru li jinsab quddiem it-Teatru Rjal.

L-ewwel darba li Theuma ltaqa’ ma’ Schembri kien waqt ikla fid-dar ta’ Fenech f’Ħaż-Żebbuġ. Kien hemm madwar 12-il persuna mistiedna.

Theuma qal li aktar tard mar il-Ministeru. Qal li hu ma kienx mar għax-xogħol iżda rċieva l-paga sa xahrejn wara l-elezzjoni. Hu mbagħad informa lil Fenech li ma baqax jirċievi l-paga. “Jekk ikollok tistaqsini x’kien xogħoli fil-Ministeru ngħidlek ma nafx, għax qatt ma mort”. Hu allegatament tkellem ma’ xi ħadd jismu Tony imma ma setgħax jiftakar jekk kunjomu kienx Sammut jew Muscat.

Meta kienet tħabbret l-elezzjoni, Fenech kien qallu biex iwaqqaf l-assassinju. Hu kien tkellem ma’ Alfred Degiorgio. Degriogio wissieh: “jekk jerġa’ jordnalek tagħmel dan, erġa’ ejja għandna.” Theuma assigura lil Degiorgio li hekk kien se jagħmel.

Waqt il-kampanja elettorali, Theuma beda jilgħab il-flus f’isem Fenech. Huma poġġew total ta’ €150,000. Fenech rebaħ total ta’ €150,000. Għalhekk, Theuma kellu jagħtih total ta’ €300,000. Minħabba li kienu ħbieb, Theuma qal li hu ma ħax l-interess tiegħu li kien jammonta għal 5%.

Biex iċemplu kienu jużaw WhatsApp u Signal.

Il-Ħadd wara li tħabbar ir-riżultat, allegatament, Fenech ċempel lil Theuma u qallu li l-assassinju tal-ġurnalista għadu fil-pjanijiet. Madanakollu, Theuma m’għamel xejn, għax ħass li Yorgen kien xurban. Yorgen tah envelopp kannella b’€150,000 fi flus kontanti fi triqtu lejn l-ajruport u qallu biex jagħmel xi ħaġa dwar l-assassinju tal-ġurnalista. Imbagħad qal lil Fenech li hu ma kienx ikkuntattja lil Alfred Degiorgio.

Theuma qal lill-Qorti, li Fenech kien iċempillu kuljum biex jara jekk il-qtil seħħx. “Mur għidilhom joqtluha, għax l-informazzjoni se toħroġ”. Kien hemmhekk li rrealizza li l-qtil ma kienx minħabba Ray, imma għal Yorgen innifsu, Theuma qal fil-Qorti.

Imbagħad mar fit-tinda tal-patata, fejn f’ħin minnhom Degiorgio kien taħt suspett. “Għaġġel u oqtolha”, Fenech qal lil Theuma. Fenech qallu wkoll biex ikun ċert li l-bomba toqtolha u ma tħallihiex ħajja, u rrefera għal dak li kien ġara ma’ Romeo Bono, meta tilef żewġ saqajn.

10:40 Theuma qal li huma kienu jmorru Franza sabiex isegwu t-tlielaq taż-żwiemel. Theuma qal li Fenech kien iħallaslu għal kollox, anke l-ikel. Theuma kien jaf liz-ziju ta’ Fenech, aktar tard sar jaf lil Fenech inniffsu. Teuma spjega li eventwalment, Fenech beda jilgħab iż-żwiemel.

Fenech ħalla lil Theuma jaċċessa Portomaso madwar ħames snin ilu. Hu spjega li x-xufiera tat-taxi kien ikollhom bżonn konferma mill-maniġment biex jagħmlu dan.

Darba kien għax-xogħol fil-Hilton u wara mar id-dar u ferra tazza kafè. Kien hawn li rċieva telefonata mingħand Fenech li talbu jmur Portomaso sabiex ikellmu. Dan ġara fl-2017, madwar ġimgħatejn jew tlieta qabel ma l-gvern ħabbar l-elezzjoni ġenerali.

Hu mbagħad mar lura Portomaso u ltaqa’ ma’ Fenech. Fenech allegatament qal lil Theuma li ried joqtol lil Daphne Caruana Galizia għax kienet se tippubblika xi informazzjoni dwar zijuh, Ray Fenech.

“Irrid noqtol lil Daphne Caruana Galizia, għax se toħrog informazzjoni fuq Ray’”

Hu mbagħad ċempel lil Darren Debono (it-Topo) sabiex jakkwista n-numru ta’ Alfred Degiorgio. Hu mbagħad għamel appuntament miegħu għall-għada fis-2pm taħt it-tinda tal-patata.

Il-ġurnata ta’ wara, Theuma ltaqa’ ma’ Degiorgio. Hu qallu: “Għandi persuna li trid toqtol lil Daphne Caruana Galizia.” L-allegata risposta ta’ Degiorgio kienet: “imma dan ir-raġel iħallas?”

L-appuntament ta’ wara kien wara jumejn. Huma ltaqgħu il-Busy Bee għax Alfred Degiorgio qallu biex ma jersaqx fit-tinda tal-patata fil-Marsa.

Degiorgio talab €150,000, bi ħlas bil-quddiem ta’ €30,000. Hu qatt ma kien qal lit-tliet irġiel li kien Yorgen Fenech li bagħtu.

10:34 Melvin Theuma jieħu postu fuq il-pedana tax-xhieda. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit spjegat il-kundizzjonijiet tal-maħfra presidenzjali lil Theuma. Theuma qed jiġi akkumpanjat mill-avukat tiegħu Matthew Brincat.

L-Ispettur Arnaud staqsih jekk jafx lill-akkużati. Theuma dar u pponta sebgħu lejn it-tliet akkużati. Hu qal li jaf lit-tlieta li huma.

Theuma qal li hu kien iltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio l-ewwel, imbagħad iltaqa’ ma ħuh u ma’ Muscat. Qal li Darren Debono (it-Topo) kellu bżonn appartament. Hu kien iltaqa’ ma’ Theuma biex jikrilu appartament u ħa miegħu lill-aħwa Degiorgio. Din kienet l-ewwel darba li ltaqa’ magħhom.

Arnaud staqsieh kif żviluppat ir-relazzjoni wara li ltaqa’ magħhom għall-ewwel darba.

Theuma qal li hu kien ħabib ta’ Yorgen Fenech u ġieli anke siefer miegħu. Qal li wasslu l-funeral ta’ missieru. Hu qal li meta kien Franza, Fenech kien qallu kif kellha tiżviluppa l-istorja. Kien hemm li hu beda jirrekordja.

10:30 L-avukat tad-difiża William Cuschieri qal li l-klijenti tiegħu qed jipprotestaw kontra l-maħfra presidenzjali. L-Ispettur Arnaud qal lill-Qorti li Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali fil-25 ta’ Novembru, u għaldaqstant mhux se tkun qed tittieħed azzjoni fil-konfront tiegħu sakemm dan jimxi mat-termini tal-maħfra.

L-avukat Cuschieri ddikjara li l-proċedimenti fil-Qorti inbdew permezz ta’ protest ġudizzjarju u se jkun segwit minn każ li se jinfetaħ kontra l-maħfra presidenzjali ta’ Theuma.

10:28 Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tidħol fl-awla.

10:24 Newsbook.com.mt qed jirrapporta LIVE minn Awla 7 fejn Melvin Theuma se jkun qed jixhed. L-Awla tinsab ippakkjata bin-nies, fosthom il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Media lokali u internazzjonali jinsabu preżenti. L-avukat tal-parte civile, Jason Azzopardi, diġà jinsab fl-awla, kif ukoll l-avukati tad-difiża William Cuschieri li qed jidher għall-aħwa Alfred u George Degiorgio.

Iż-żewġ aħwa daħlu fl-awla wkoll, akkumpanjati minn żewġ pulizija. Vince Muscat daħal fl-awla wkoll u poġġa fin-naħa tax-xellug. Hu wkoll jinsab akkumpanjat minn żewġ pulizija.

L-Ispettur Keith Arnaud jinsab preżenti wkoll.

X’qed jiġri fil-Qorti?

Ix-xufier tat-taxi Melvin Theuma qed jixhed fil-Qorti fil-konfront tat-tliet irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Aktar kmieni, Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali bil-patt u l-kundizzjoni li jagħti l-informazzjoni kollha li għandu dwar l-assassinju u tliet każijiet pendenti oħrajn.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat reġgħet infetħet wara applikazzjoni tal-Avukat Ġenerali.

Theuma ġie arrestat b’rabta ma’ ħasil ta’ flus.

L-ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Nadia Attard u Philip Galea Farrugia qed jidhru għall-uffiċċju tal-avukat ġenerali.