Read in English.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet irġiel li allegatament qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompliet illum quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, bix-xhieda tas-sensar fl-assassinju Melvin Theuma.
Xi spikka fis-seduta tal-lum?
- L-Avukat William Cuschieri sejjaħ lil Melvin Theuma “mhux xhud kredibbli”
- Melvin Theuma tkellem fuq il-ħbiberija tiegħu ma’ Alfred Degiorgio u qal li ħassu iżjed komdu jiddiskuti l-qtil miegħu milli ma’ George Degiorgio; sejjaħlu raġel “ta’ unur”
- “Yorgen qalli biex neħles mit-tliet irġiel imma jien ma ridtx”
- Ix-xogħol fantażma: “Mhux aħjar paga żejda? Good luck.” – Yorgen lil Melvin
- It-tradiment li ħass Melvin: “Immaġinajt lil Fenech sieq fuq sieq, ipejjep sigarru wara li lili jarrestawni. Ħassejt li qed jittradini”
- Beda jissuspetta li ttradieh meta Vince Muscat il-Koħħu beda jparla mal-Pulizija u ssemma Melvin
- Melvin jgħid li hedded lil Yorgen li jieħu lil Mario Degiorgio quddiem id-dar ta’ Keith jekk ma jgħinx lill-aħwa Degiorgio jinħelsu mill-arrest
- “Yorgen qalli li Keith bagħat lil Kenneth biex jgħinu għax Keith jidħol fin-nar għalih”
- Melvin jinsisti li Yorgen huwa l-moħħ wara l-assassinju
- Jgħid li m’għandux kuntatt ta’ Keith Schembri
- Theuma qal li Fenech qallu li Keith bagħat lil Kenneth għandu, għalhekk fisser li Keith kien jaf bih
- Fenech ta arloġġ lil Theuma jiswa €13,500 u xi deheb biex ibigħu
- “Mario Degiorgio bagħatni f’ħanut San Ġwann biex insib lil Mario li jaħdem ma’ Cardona”
Arthur Azzopardi, magħruf bħala "Turu," kien ħeġġeġ lil Muscat biex jgħid lill-Pulizija. Muscat kien qal li xorta jwaddbu l-aċtu fuq martu. Dan qalulu Fenech.
L-Avukat Cuschieri staqsa lil Theuma kif jaf lil Azzopardi. Wieġeb li hu l-avukat tiegħu. Mistoqsi meta kellmu l-aħħar, Theuma qal li qallu "ħelow" fil-qorti dil-ġimgħa.
Il-Maġistrat irrimarkat li l-mistoqsija kienet differenti.
Theuma wieġeb li bagħat jistaqsih biex jippreparalu kuntratt xi sitt xhur ilu.
"Mario qalli hekk. Bagħatni f'ħanut San Ġwann. Ma kellix idea lil min ridt inkellem. Qaluli mmur insib lil Mario li jaħdem ma' Cardona (Chris Cardona) imma jien ma kontx nafu."
Azzopardi staqsa jekk kienx jaf li bint Degiorgio kienet impjegata fil-ministeru ta' Cardona fis-sajf tal-2017.
Azzopardi staqsa jekk ir-rekordings tahomx lil xi ħadd ieħor, "Forsi lill-Goia?"
"Le," wieġeb Theuma.
Theuma qal mill-ġdid li Fenech qallu li Keith bagħat lil Kenneth għandu, għalhekk fisser li Keith kien jaf bih.
Dwar l-arloġġ, qal li kien edizzjoni limitata tal-futbol, li biegħu bi €13,500.
Dr Azzopardi staqsa dwar il-valur tad-deheb li tah Fenech, jekk kienx stmat li jiswa mal-€1 miljun.
Theuma wieġeb fin-negattiv, u qal li forsi jammonta għal €100,00.
"Aħjar minn daqqa ta' karozza," irrimarka Dr Azzopardi.
Theuma wieġeb le.
Theuma wieġeb li wara l-arrest, lill-ispetturi tal-pulizija qalilhom li kien hemm ħafna drabi meta kien se jmur għand il-Pulizija biex jgħid il-verità, imma mbagħad kien ibiddel fehemtu.
"Middleman ġibtha mill-aħbarijiet," wieġeb Theuma.
"Ħajti spiċċat dakinhar li saru l-arresti. Dak iż-żmien kont mort nagħmel il-wirt għax bdejt ninkwieta li jien kien imissni," spjega.
Speċifika, iżda, li Ninu ta' Tumas ma kellux x'jaqsam ma' Yorgen Fenech.
Ċaħad li rċieva xi propjetà mingħand Fenech li qiegħda mniżżla fuq qraba jew xi sieħba tiegħu.
"Din ġa għidtha quddiem il-Qorti l-oħra. Irrepetejt li qalli Fenech," qal Theuma.
Dr Sant semma meta fix-xhieda, Theuma kien qal li Fenech bagħtu għand Ta' Maksar. "Yorgen Fenech qallek kif jafhom lil Ta' Maksar?"
"Le, ma qallix. Kont naf li hemm xi nies jgħidulhom Ta' Maksar, imma ma kontx nafhom," wieġeb Theuma.
Dr Jason Azzopardi ssuġġerixxa li javviċinaw lill-Maġistrat biex l-avukat jinforma lill-Maġistrat bil-mistoqsija li jixtieq jistaqsi.
Theuma qal li sar jaf bir-rejd darba l-Ħamis waqt ikla. Qal li ma kienx jaf min qal lil Fenech fuq "ir-rejd il-kbir."
Żied jgħid li ma jafx min kienet il-persuna li kellu jiltaqa' magħha Alfred Degiorgio biex jistaqsi fuq ir-rejd.
It-tliet akkużati jidħlu mill-ġdid, filwaqt li Theuma għadu bilqiegħda biex ikompli jixhed.
Żied jgħid li dan kien fil-perjodu meta Vince Muscat beda jparla.
Theuma qal li Fenech "kien jaf lill-kbarat," għalhekk mar għandu.
Dr Cuschieri ssuġġerixxa li Theuma ngħata €2 miljun minn Fenech. Theuma qallu biex ifittex u jara li dan mhux minnu.
Madankollu, Fenech tah arloġġ tar-Rolex għal ibnu, u pprova jġiegħlu jagħmel kummerċ bid-deheb mixtri barra minn Malta. Theuma qal li tah kollox lura lil Fenech għax tad-deheb ma riedx jagħmilha.
Ilmenta li kellu joqgħod ġej u sejjer għand Yorgen, jistaqsih għall-flus, u jaġixxi bħala l-messaġġier bejn Mario Degiorgio u Yorgen Fenech.
Dr Cuschieri ssuġġerixxa li Theuma rrikatta lil Fenech għall-flus għalih innifsu.
"Fenech infurmak li l-mowbajl tiegħek interċettat?" staqsa Cuschieri.
"Iva," wieġeb Theuma.
Irrefera għat-telefonata meta semma t-tradiment, u Fenech qallu biex jikkoreġi dan l-iżball billi jagħmel telefonata normali u jgħid li t-tradiment kien għax kellu t-tieni taxi Portomaso.
Ma setax jgħid jekk staqsiex lil Fenech fuqiex qed jiġi investigat.
"Ma kellix kuntatt dirett ma' Schembri." Tbissem meta reġa' semma meta mar Kastilja u ħa kafè ma' Schembri. Meta l-avukat staqsieh jekk għandux in-numru ta' Keith Schembri jew staqsiex għalih, huwa qal, "Mela jien xi ministru?"
Theuma qal sa fejn kien jaf hu, irrekordja biss lil Yorgen Fenech u qatt ma rrekordja lil Kenneth Camilleri jew Johann Cremona.
Theuma stqarr li Fenech kien insista li mhux se jġorr responsabbiltà għall-wegħdiet tal-ħelsien mill-arrest u għall-flus.
Fenech allegatament kien qal lil Theuma li Keith bagħat lil Kenneth biex jgħin lil Fenech peress li Keith kien lest jagħmel kollox għal Fenech.
Saret korrezzjoni formali wara li dan ġie vverifikat fil-qorti.
Sadattant, il-Prosekuzzjoni u l-Maġistrat qed jiddiskutu d-data tal-ewwel darba li Melvin Theuma ltaqa' ma' Mario Degiorgio u għamel telefonata l-ħabs. Jidher li hemm kunflitt dwar liem sena kienet, jekk hux fl-2018 jew fl-2019, peress li t-traskrizzjoni tat-telefonata qed turi li kien l-2019.
"Jiġifieri lil Fenech ma kontx qed tgħidlu l-verità?" staqsa l-avukat.
"Tista' tgħid hekk," wieġeb is-sensar.
L-avukat staqsa lil Melvin Theuma fejn joqgħod, u rrifjuta li jwieġeb. Qam battibekk żgħir fil-qorti.
Theuma mbagħad ġie mistoqsi fuq il-€1 miljun imwiegħda lil kull wieħed mill-akkużati.
Theuma qal li fl-2018, huwa qalilhom biex ma jistaqsuhx mistoqsijiet fuq min bagħtu u fuq dak li qed jitlob minnhom.
L-avukat Cuschieri semma li ma kienx hemm digriet għall-ħelsien mill-arrest fl-2018.
Theuma qal li hu ltaqa' ma' Kenneth Camilleri darbtejn imma ma tkellmux fuq il-każ. "Imma dejjem ikkuntattjajtu permezz ta' Johann Cremona la kontu tafu lil xulxin, le?" staqsa Cuschieri.
"Qatt ma missek għamiltli hekk, qatt ma missek ġegħiltni nagħmel hekk," qal Theuma li hu qal lil Fenech.
"Kien ġibidni lejh. Konna ħbieb. Wara sirt naf bl-iżball li kont għamilt," stqarr Theuma.
"Ħassejt li kont qed tittradi lil Fenech meta kont qed tirrekordjah?" staqsieh l-avukat. Theuma wieġeb, "Jien? Jien li tradejt lil Fenech?"
Tenna li ħass li Fenech se jittradih. Żied jgħid li Fenech dejjem tah il-flus, "let's be clear on this."
Sat-Tnejn ta' qabel l-arrest ta' Theuma, Fenech kien tah €20,000, li minnhom ta €12,000 lill-aħwa Degiorgio.
L-avukat staqsieh jekk ħasibx li dawn l-istruzzjonijiet kienu strambi, u staqsieh għaliex Fenech kien talbu jagħmel hekk.
Theuma wieġeb li għalkemm sabha stramba, qatt ma staqsa lil Fenech għaliex tah dawn l-istruzzjonijiet, u ħallas bil-flus, mhux bil-karta tal-kreditu.
Theuma jiftakar li kien ġie mistoqsi fuq spejjeż legali ta' madwar €30,000. Theuma rrikorra għand Fenech u Fenech qallu li kien jaf li se jkollhom bżonn il-flus għall-avukati.
Ġie mistoqsi fuq meta mart Vince Muscat staqsiet minn fejn ġejja l-€100. Qal li ma setax jiftakar jekk kienx il-Lolly jew Mario Degiorgio li infurmawh fuq dan. Żied jgħid li ma jafx jekk xi ħadd minnhom kienx qal lill-mara ta' Vince Muscat fuq l-involviment.
Theuma spjega li meta kien isiefer kien jikkalkula kemm ikollhom bżonn flus l-akkużati u jħalli l-flus ma' Lolly.
Qal li ma jistax jiftakar eżatt, imma li qatta' madwar għaxart ijiem Londra.
Theuma qal li wieħed jista' jiċċekkja t-telefonati rekordjati tal-ħabs meta hu kellem lill-aħwa Degiorgio permezz ta' telefonata li kellhom ma' ħuhom Mario.
Sa dak iż-żmien il-flus kienu jintbagħtulhom ma' Lolly.
Theuma ġie mistoqsi wkoll fuq il-proċedura li jagħti l-flus lill-akkużati meta kienu arrestati. Qal li kien jaf lil Lolly li kien jaf lil bint Muscat, imma ma setax jelabora fuq il-perjodu taż-żmien.
Qal li kien meta sar jaf lil Mario Degiorgio fil-bidu tas-sena li beda jibgħat il-flus miegħu.
"Għaddietlek minn moħħok li jaf hemm oħrajn involuti?" staqsa Cuschieri.
Theuma qal li ma staqsiex lil Alfred Degiorgio ma' min iċċekkja għall-informazzjoni fuq ir-rejd.
Theuma qal li ma jafx għaliex ġie mistoqsi din il-mistoqsija.
Cuschieri nnota li Dr Matthew Brincat, l-avukat ta' Theuma, kien qed igedwed xi ħaġa, u staqsa jekk hux se jitkellem ix-xhud jew l-avukat tiegħu.
"Le," wieġeb Theuma. Qal li kien meta beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet ma' Fenech li beda jistaqsi iżjed ħalli jingħata aktar informazzjoni.
"Xejn ma tlabt," wieġeb Theuma. Żied jgħid li sal-aħħar minuta huwa baqa' jagħti l-flus lill-aħwa Degiorgio, "Saħansitra sa €5,000 kelba lil Mario Degiorgio."
Cuschieri staqsa kif seta' jixtri kelba ta' €5,000 lil Mario Degiorgio meta din tiġi telf għalih.
"Tista' tispjega għaliex ħadt l-inizjattiva li tixtri kelba daqshekk għolja bħala rigal? Meta hu ma heddekx? Meta qed tilmenta li Fenech ma kienx qed itik il-flus, meta qed tilmenta li qed titlef il-flus…" qal Cuschieri.
Wieġeb li l-aħwa Degiorgio kienu jafu bl-involviment tiegħu biss.
Theuma rrefera għal żmien meta kien qed jibża' li ħajtu qiegħda f'periklu, u bagħat messaġġ lil George Degiorgio permezz ta' Mario Degiorgio biex joqgħod attent bil-flus, peress li beda jibża' li se joqtluh.
Meta ġie ppressat fil-qorti, Theuma qal li George Degiorgio wissieh biex joqgħod attent minn dawk fuq ġewwa aktar milli minn dawk fuq barra.
Fuq il-kelb, Theuma wieġeb: "Biex inżomm sew magħhom."
Theuma qal mill-ġdid li hu kien jaf biss b'Yorgen Fenech, peress li dan tah €150,000.
Żied li mhuwiex konxju jekk kienx hemm oħrajn involuti ma' Fenech.
Cuschieri rrefera lil Theuma għall-ittra li Muscat bagħat lill-President biex jitolbu l-maħfra presidenzjali, peress li kien Muscat li wassal lill-Pulizija għal Theuma.
"X'ittra?" wieġeb Theuma maħsud.
Intervjena Dr Galea Farrugia u qal li l-kontro-eżami huwa dwar l-eżaminazzjoni, u l-maħfra presidenzjali ta' Muscat ma kinitx issemmiet meta kien ġie eżaminat Theuma.
"Kif tispjega lil Yorgen jinfurmak u jgħidlek biex tinforma lil Mario Degiorgio u kif bdejt tħossok inti li qed tiġi tradut? Ma setax kien qed iwissik?" staqsa Cuschieri.
"Għalhekk ħassejtni tradut għax għidt lil Yorgen li Vince Muscat ma kienx jaf bija. Bdejt naħseb li ħa jitfgħuni l-ħabs," wieġeb Theuma. "Minn dak iż-żmien 'l hawn, bdejt nissuspetta u nibża' minn Fenech u Fenech biss," tenna Theuma.
"Biex jitfgħuni ġewwa u jiffranka l-flus," qal Theuma.
Tenna li l-akkużati kienu jafu bih biss, imma mhux b'Fenech.
L-aħwa Degiorgio jidhru jitbissmu fil-qorti.
Theuma qal, "Immaġinajt lil Fenech sieq fuq sieq, ipejjep sigarru wara li lili jarrestawni. Ħassejt li qed jittradini."
Żied jgħid li hu tkellem ma' George Degiorgio fuq il-każ darba biss.
Theuma qal li Fenech beda jimbuttah biex isir il-qtil meta tah €150,000 fi flus kontanti.
Mill-flus li rebaħ, Fenech lanqas qallu biex iżomm id-depożitu, spjega Theuma aġitat. "Lanqas qalli minn dawk, isma', żomm €30,000."
Theuma qal li hu qatt ma staqsa lil Fenech dwar l-informazzjoni li kienet toħroġ Caruana Galizia.
Meta reġa' ltaqa' ma' Fenech biex jagħtih it-€300,000 li rebaħ mill-imħatra li għamel fuq l-elezzjoni, Theuma qal li Fenech lanqas talbu biex iżomm id-depożitu ta' €30,000 jew il-€150,000 għall-assassinju.
Hu u jixhed, Theuma insista li ma infurmax lil Fenech fuq l-€2,000.
Kien qal lil Degiorgio li ġabar €2,000 mingħand il-"moħħ wara l-assassinju" u staqsa lil Degiorgio jekk kienx tajjeb għalih jekk jagħtih €1,500.
Meta l-avukat baqa' jippressa lil Theuma, ħareġ illi Theuma kien gideb lil Degiorgio li qala' €2,000 mingħand Fenech, imma għamel hekk biex ma jaqax għaċ-ċajt. Mistoqsi għala ried iżomm €500, Theuma qal li biex iġemma' ftit flus.
L-avukat semma li Theuma kien qal li ma kienx għadu ordna li jsir il-qtil dak iż-żmien, peress li kien qed jistenna l-istruzzjonijiet, imma xorta kien tkellem ma' Degiorgio.
Theuma rrepeta li kien qal lil Fenech, imma mbagħad qagħad ma reġa' kkonfrontah fuq is-suġġett.
"Le, ma staqsejtx għaliex," wieġeb Theuma.
L-avukat żied jistaqsih fuq jekk ħasibx li kienet xi ħaġa stramba li kien qed jingħata trattament speċjali. Hu qal li hu ħaseb, "Għall-erwieħ, ħa naqla' lira żejda."
Qal li ma jafx għala ngħata xogħol mingħajr ma kellu bżonn imur għalih. "Waqqfuni wara erba' xhur."
Fenech qallu, "Mhux aħjar paga żejda? Good luck."
Meta waqqfulu l-paga, Tony Muscat kien qallu li jrid imur għax-xogħol jew il-flus jieqfu deħlin. Theuma qal li hu informa lil Fenech dwar dan.
Yorgen Fenech kien qallu biex "jeħles minn dawn l-irġiel" (b'referenza għat-tliet akkużati) u hu qal li mhux se jagħmel hekk.
"Le, naħlef fuq il-ġurament li ħadt," wieġeb Theuma.
Qal lil Cuschieri li jrid ikun jaf lil Alfred Degiorgio peress li hu l-klijent tiegħu. Imbagħad biddel it-tweġiba tiegħu u qal li jekk kien qed jaħdem ma' Alfred Degiorgio, mela dan ma kellux bżonn ikun jaf dwar il-"moħħ wara l-assassinju."
Theuma ġie mistoqsi dwar ir-rikordings tiegħu ma' Fenech, u dwar għaliex m'għamilx l-istess ma' Alfred Degiorgio. Qal li ma ħassx il-bżonn li jirrekordja lil Degiorgio peress li kien sema' bih.
"Jien naf xi rġulija kellhom Alfred Degiorgio."
Theuma qal li kien jiltaqa' ma' Vince Muscat il-ħanut fejn kienu jagħmlu l-imħatri illegali. Kien jarah ukoll il-każinò. "Jiġifieri iva, tista' tgħid li kont nafu ftit aħjar," spjega Theuma.
Cuschieri staqsa kif Theuma jaf dan.
Theuma qal li hu qed jitkellem biss fuq dak li qalilhom, u "ma nafx x'kienu jafu iżjed minn bnadi oħra."
Cuschieri staqsieh jekk qattx staqsa lil Yorgen għaliex qallu biex jikkuntattja lil George Degiorgio. Theuma jwieġbu li le.
L-avukat staqsieh, "Korrett jekk ngħid li meta ċempilt lil Darren Debono (it-Topo) staqsejt għal Alfred Degiorgio?" Theuma jwieġeb li iva.
Ċempel lil Debono b'telefonata normali. Mistoqsi biex jagħti n-numru tal-mowbajl li uża, Theuma qal li ma jistax għax kien numru li sikwit kien juża għall-imħatri illegali u li biddel frekwentament. Ma setax jiftakar in-numru ta' Darren Debono.
Imbagħad irrefera għal episodju riċenti meta talab lil Debono jċaqlaqlu l-għamara, u kellu jmur ifittxu hu stess.
L-avukat staqsieh, "X'kienet ir-raġuni li ġibt in-numru ta' Alfred meta ntlabt iġġib in-numru ta' George?"
"Ħassejtni komdu. Kont inħossni iżjed komdu nitkellem ma' Alfred Degiorgio. Kont krejtlu appartament. Kont inżuru l-ġnien Ħaż-Żabbar," wieġeb Theuma.
"Jiġifieri ħassejtek iżjed komdu tiddiskuti omiċidju ma' A minn B?" staqsa l-avukat.
"Eżatt," afferma Theuma.
Theuma qal li ma qallux hekk.
Theuma ma staqsiex lil Fenech x'kienet l-informazzjoni fuq Ray Fenech.
Is-sensar qal li peress li "t-tradiment" kien daqshekk kbir, Fenech ipprova jiġbdu lejh peress li Fenech ħadu fuq ħames vjaġġi b'xejn.
Cuschieri staqsa, "Daqshekk faċli biex tixtrik, ħames vjaġġi…?"
Iqum ftit kaos u jintervjeni l-Ispettur Arnaud.
Cuschieri qal, "Mhuwiex xhud kredibbli."
Theuma qal li kien sar jaf wara li kienu jużaw dawn l-apps biex jikkomunikaw biex ma jiġux ittraċċati.
Theuma wieġeb li iva, hu involut fi mħatri illegali. Qal li ilu involut f'hekk minn dejjem. Madankollu, huwa ċaħad li kien isellef il-flus bl-imgħaxijiet.
Dr Cuschieri ssuġġerixxa li l-attività prinċipali ta' Theuma hija l-imħatri illegali.
"Ma nistax ngħid li qlajt iżjed mill-imħatri illegali… kien ikun hemm ġimgħa meta nagħmel €3,000 u ġimgħat meta nitlef €10,000," spjega Theuma fuq "xogħlu" f'dan il-qasam.
Theuma qal li dan kien bħal parir, li mbagħad użah meta ra li qed jiġi "ttradut."
"Ma naħsibx," qal Theuma. Cuschieri wieġbu, "Din mhux kwistjoni ta' naħseb jew ma naħsibx. Din kwistjoni ta' naf jew ma nafx."
Theuma rrefera għal meta Alfred Degiorgio kien intbagħat tliet snin ħabs u kien tħalla jmur jaħdem fi ġnien f'Ħaż-Żabbar. Qal li hu kien imur iżuru u kienu jpejpu sigarett flimkien.
L-ewwel mistoqsija mill-avukat Cuschieri kienet kif Theuma jaf lit-tliet akkużati.
Theuma kien kera appartament lil Darren Debono u Alfred Degiorgio xi 10 snin ilu. Huwa elabora li lil George Degiorgio u Vince Muscat jafhom minn wiċċhom.
Meta l-avukat baqa' jippressa lil Theuma, dan qal li lil Muscat kien jafu l-ħanut, filwaqt li lil George Degiorgio kien jafu mit-tinda tal-patata.
"Inkun korrett jekk ngħid li qatt ma kellimt lil George Degiorgio qabel il-qtil?" staqsa Cuschieri.
"Iva," wieġeb Theuma.
L-Avukat Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali daħal fl-awla, kif ukoll l-avukati Matthew Brincat u Kathleen Grima li qed jidhru għal Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju.
It-tliet irġiel akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia daħlu fl-awla.
L-avukati Mark Sant u William Cuschieri li qed jidhru għall-akkużati diġà kienu fl-awla. L-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher parte civile diġà kien fl-awla wkoll.
L-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat ġew arrestati f’Diċembru tal-2017 u ġew akkużati formalment. Huma qed jinżammu arrestati jistennew il-proċess quddiem il-Qorti Kriminali.
Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, diġà xehed f’dawn il-proċeduri meta nstemgħu fil-Qorti rikordings tat-telefonati bejnu u bejn it-tliet irġiel.
L-avukati William Cuschieri u Mark Sant qed jidhru għall-akkużati. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile.
L-Ispettur Keith Arnaud qed imexxi l-Prosekuzzjoni.