“Dawk li appoġġjaw il-korruzzjoni ta’ Muscat għadhom fil-Gvern” – iben Daphne

Read in English.

Matthew Caruana Galizia qal li l-Gvern il-ġdid beda fuq sieq ħażina peress li ħafna min-nies li appoġġjaw lil Joseph Muscat fl-aħħar erba’ snin ta’ “korruzzjoni aggressiva” għadhom hemm.

Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, kien qiegħed jiddiskuti l-korruzzjoni f’Malta f’diskussjoni organizzata minn Transparency International fuq l-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni. Il-kelliema l-oħra fid-diskussjoni kienu Delia Ferreira Rubio, Alem Tedeneke u Mokgweetsi Eric Keabetswe Masisi.

“Ir-reazzjoni tal-Gvern bħal kompromess biex l-affarijiet jikkalmaw”

Filwaqt li skont Caruana Galizia, il-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela lest li jagħmel xi konċessjonijiet, Caruana Galizia ma jaħsibx li l-Gvern iħoss ir-rabja lejn il-korruzzjoni li għandu jħoss. Fi kliem il-ġurnalist, is-sentiment tal-Gvern lejn din il-korruzzjoni “mhuwiex onest, qisu kompromess aktar minn xi ħaġ’oħra. Ir-reazzjoni tal-Gvern bħal offerta ta’ kompromess bi skambju biex l-affarijiet jikkalmaw fit-tul.”

Huwa qal li Malta teħtieġ grupp ta’ nies fil-Gvern li jkunu lesti jiġġieldu l-korruzzjoni, għax mhix se titlaq sakemm ma tiġrix xi ħaġa radikali. Qal li s-soċjetà mhix se timxi ‘l quddiem lanqas, għax il-ġerħa tibqa’ miftuħa.

Caruana Galizia qal li bl-azzjonijiet tiegħu, jew bin-nuqqas tagħhom, il-Gvern poġġa lil Daphne Caruana Galizia f’riskju. Stqarr li Malta diġà kellha istituzzjonijiet dgħajfin, iżda mbagħad l-privatizzazzjoni tal-istituzzjonijiet kompliet iżżid mal-korruzzjoni.

Filwaqt li l-ġustizzja għal ommhom hi l-ewwel prijorità għalihom, Caruana Galizia stqarr li qatt mhu ħa jirnexxilhom iġibuha lura, allura l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu hi li jaċċertaw li xi ħaġa bħal din qatt ma terġa’ sseħħ. L-uniku mod kif jiġri dan hu li jkun hemm mekkaniżmi effettivi li jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.

Malta ġiet elenkata bħala wieħed mill-pajjiżi li għandha tinżamm l-attenzjoni fuqu fl-aħħar Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni maħruġ minn Transparency International, peress li hi “mgħerrqa fil-korruzzjoni.”

Fir-rapport li jevalwa s-sena 2019, Malta ġiet fil-50 post minn 180 b’54 punt. Tilfet sitt punti mill-2015 ‘l hawn. Iktar kemm pajjiż ikollu punti, iżjed ikunu baxxi l-livelli ta’ korruzzjoni skont kif tkun il-perċezzjoni.