Filmat: “Malta m’għadhiex pajjiż sigur taħt il-PL”

Mario Zerafa

Malta m’għadhiex pajjiż sigur taħt il-Partit Laburista, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Filwaqt li taħt il-Partit Nazzjonalista Malta kienet fost l-aktar pajjiżi siguri għat-tfal u għall-poplu, issa lanqas hu sigur li timxi fit-toroq, kompla jgħid.

Dan kien parti mid-diskors li ta Adrian Delia lbieraħ filgħaxija waqt mass meeting tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos tal-Furjana, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza.

Huwa elenka numru ta’ suġġetti li hawn kwistjoni fil-pajjiż dwarhom bħalissa, fosthom l-edukazzjoni, is-saħħa u l-inugwaljanza soċjali. Semma pereżempju, il-problema ta’ nies li nisimgħu bihom fil-midja li m’għandhomx fejn jgħixu, li qed jinstabu joqogħdu fil-garaxxijiet. Semma wkoll il-problema tal-housing li l-bini dejjem qed jogħla u li ż-żgħażagħ ma jaffordjawhx.

Delia saħaq li dawn il-problemi u aktar qegħdin joħolqu qasma fil-poplu Malti, li l-Partit Nazzjonalista għandu l-intenzjoni li jsewwiha sabiex jgħaqqad lill-poplu kollu. Insista fuq l-importanza li l-pajjiż jingħaqad u ma jibqax mifrud fuq bażi partitarja.

Magħqudin biex minn Stat Indipendenti nagħmlu l-qabża għal Soċjetà li Jimpurtaha. #soċjetalijimpurtaha

Posted by Adrian Delia on Thursday, September 20, 2018

21:52 Il-mass meeting intemm bid-daqq tal-Innu Malti, b’numru ta’ nies preżenti jagħmlu s-sinjal tal-paċi b’idejhom.

21:46 Delia ħeġġeġ lill-poplu biex jemmen fl-ugwaljanza soċjali billi qal, “Ejja nibnu torrijiet għal min jista’, imma ma nħallux min jgħix fil-garaxxijiet.” Kompla jgħid li ma jridx li f’Malta tinħoloq “underclass,” jew li Malta tinqasam fi tnejn.

21:42 Filwaqt li Joseph Muscat qal li hu lest li jagħmel 10 snin bħala Prim Ministru u mbagħad jirtira, Adrian Delia qal li hu lest jiddedika ż-żmien kollu li jista’ lill-partit u lill-pajjiż.

21:40 Għall-għajjat tal-folla “Delia, Delia!” il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru qed ibeżża’ l-poplu billi jgħidlu li l-Partit Nazzjonalista huwa mifrud. Għal dan, huwa qal li mhux talli l-Partit Nazzjonalista huwa magħqud, talli l-PN jista’ jgħaqqad lill-pajjiż. Delia qal li l-Prim Ministru fix-xhur li ġejjin se jipproponi droga għad-divertiment taż-żgħażagħ, filwaqt li l-PN se jopponiha din, u se joffri alternattivi bħall-mużika u l-arti.

21:33 Adrian Delia sejjaħ lill-Kummissarju tal-Pulizija “pupu li l-Gvern jaħtaf f’idejh,” u qal li l-Avukat Ġenerali m’għadux ġust.

21:32 Dwar is-saħħa, Delia qal li hemm 36,000 persuna fuq il-waiting list għall-għajnuna medika.

21:31 Delia ddiskuta wkoll l-ambjent. Qal li l-Gvern jaqla’ kull siġra li jara, u semma riċerka Ewropea li tindika li Malta hu wieħed mill-aktar pajjiżi b’arja ħażina fl-UE.

Mario Zerafa

21:28 Skont Delia, gvernijiet Soċjalisti qatt m’emmnu fl-edukazzjoni, bl-iskop li jiddettawlhom li jixtiequ huma. Delia qal li l-Gvern Laburist ma jirrispettax u ma jikkonsultax mal-għalliema. Huwa semma l-iskola tal-Qawra li l-Gvern kellu jagħmel xi snin ilu, iżda li għadha ma saritx. Semma l-Università Amerikana li ġab il-Gvern Laburista Malta u bena fuq art ODŻ, li lanqas għandha 20 student. Delia qal li dan kollu qed jirriżulta f’ħajja ta’ opportunitajiet mitlufa għat-tfal Maltin u Għawdxin.

21:27 Delia semma kif il-Partit Nazzjonalista għen lil xi familji b’għajnuna finanzjarja. Huwa qal li l-PN se jsir il-partit tal-ħaddiem, biex irodd lura kull dritt li jittieħed mill-Gvern.

21:23 Adrian Delia indrizza l-problema tal-housing, u qal li llum il-ġurnata, iż-żgħażagħ ma jaffordjawx jixtru dar, u lanqas jikru.

21:21 Huwa tkellem fuq in-nies kollha li ssemmew fil-midja li qed jgħixu fit-toroq, fil-White Rocks, jinħaslu fil-latrini, u staqsa, “Din Malta tal-aqwa żmien? Din Malta tas-surplus?” Delia sostna li jeħtieġ li jiġu protetti l-Maltin, għax taħt il-Partit Laburista, mhux sigur li timxi fit-toroq. Huwa wiegħed li Malta għad terġa’ tkun sigura taħt it-tmexxija Nazzjonalista.

21:16 Adrian Delia qal li jeħtieġ li tiġi indirizzata l-immigrazzjoni. Semma kif hu kien għadu ġej minn Salżburgu fl-Awstrija, fejn deher ċar li l-Ewropa hi mħassba fuq din il-kwistjoni. Qal li minkejja li għandna obbligu lejn il-proxxmu li ngħinu lil dawk fil-bżonn, jeħtieġ li jiġu ssalvagwardjati l-bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. L-interessi tal-poplu Malti jiġu qabel l-obbligu internazzjonali, tenna Delia.

21:13 Il-Kap tal-PN qal li l-Indipendenza għandha tkun l-festa nazzjonali Maltija, li għandha tkun il-festa tal-poplu kollu mhux tan-Nazzjonalisti biss, li tgħaqqad lill-poplu. “L-unjoni u mhux il-firda, il-bandiera ta’ Malta li kapaċi nxejruha lkoll lil hinn mill-partit politiku,” sostna Delia, biex tkun “vera Malta tagħna lkoll.”

Mario Zerafa

21:11 Delia tkellem ukoll fuq l-infrastruttura, u kif il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jsemma’ leħen Malta fl-Ewropa u fid-dinja, pereżempju l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-kriżi tal-Libja.

21:08 Huwa insista l-Partit Nazzjonalista ma beżżax lill-Maltin mill-Unjoni Ewropea u mill-Ewropej. Qal li huma Nazzjonalisti għaliex jemmnu fin-nazzjon, fin-nies li huma dawk li jiffurmaw lill-pajjiż.

21:04 Il-Kap tal-Oppożizzjoni wissa kontra Gvern li jgħammex lil niesu b’ċekkijiet, u li jinjora drittijiet bażiċi bħad-dritt għall-ugwaljanza, li kien il-PN li daħħlu f’Malta. Huwa fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li bena l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex. Skont, Delia, il-Gvern tal-lum anke s-saħħa, u wlied Malta jrid ibigħ lill-barranin, lil “xi ħadd li ħarab wara sena u nofs.” Delia qal li huma marru l-Qorti biex iġibu l-isptarijiet lura lill-poplu, lin-nies li huma l-veri sidien tagħhom.

21:01 Delia fakkar li kien hemm żmien f’Malta meta l-Maltin ma setgħux jisimgħu l-istazzjon tar-radju li jridu, jixtru l-gazzetti li jridu u jgħidu li jridu. Huwa wissa li Malta tinsab fil-periklu li terġa’ tiġi f’dan iż-żmien.

20:55 Delia beda diskorsu billi sellem lil Ġorġ Borg Olivier, li ta lil Malta twelidha bħala nazzjon. L-għada tal-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru, 1964, tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Università ta’ Malta, li serviet ta’ stqarrija ta’ fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi kollu, qal Delia.

20:52 Jitla’ fuq il-palk il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, flimkien ma’ martu Nickie Vella de Fremaux.

Mario Zerafa

20:41 Puli qal li mhux aċċettabbli f’demokrazija li wieħed imur ipoġġi l-fjuri quddiem monument nazzjonali u jneħħihom minn quddiem monument temporanju, b’referenza għall-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

20:27 Clyde Puli jibda jindirizza lill-folla u jsellem lin-nies li mexxew il-partit fl-aktar mumenti diffiċli tiegħu, lil Eddie Fenech Adami, lil Lawrence Gonzi u lil Adrian Delia. Puli fakkar li l-Partit Nazzjonalista li kien dak li ġab l-Indipendenza lil Malta, meta “ħaddieħor ried l-integration mal-Ingilterra.” Puli jgħid li llum il-Partit Laburista qed jaqta’ ż-żigarelli tal-proġetti li l-PN ħawwel snin ilu.

Mario Zerafa

20:24 Jitla’ fuq il-palk is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

20:20 Jitilgħu issa l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti, kif ukoll l-uffiċjali tal-eżekuttiv tal-partit, u fl-aħħar jingħaqdu magħhom il-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo.

20:18 Jibdew telgħin fuq il-palk il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej: Peter Agius, Dione Borg, Michael Briguglio, David Casa, Roberta Metsola, Frank Psaila u Francis Zammit Dimech.

Bħalissa, qiegħed isir il-mass meeting annwali tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos tal-Furjana f’jum l-Indipendenza.