Filmat: “Tama ġdida għal pajjiżna” – Simon Busuttil

Il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jindirizza mass meeting f'Tas-Sliema, fl-aħħar Ħadd ta' qabel l-elezzjoni ġenerali. 
Newsbook.com.mt se jżommok aġġornat kontinwament.
17:00 Jibda l-briju fi Triq Dingli f'Tas-Sliema
17:25 Tindirizza l-folla miġbura l-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech
17:35 Jissokta l-briju
17:38 L-eks Ministru Laburista u kandidat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia jidher jinġarr fuq l-ispallejn lejn il-palk ewlieni.
Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami
17:40 Jibda l-indirizz tiegħu l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
17:41 Qal li qabel jibda jixtieq isellem lil tliet persuni li servew flok isservew, li taw flok ħadu, u sellem il-memorja ta' George Bonello du Puis, Michael Refalo u Censu Tabone.
17:42 Beppe Fenech Adami saħaq li hu kburi li jagħmel parti mill-PN taħt it-tmexxija ta' Simon Busuttil.
17:42 "Aħna lesti mhux biss biex nirbħu imma biex immexxu lill-pajjiż – ippreżentajna iktar minn 500 proposta fil-manifest elettorali" – BFA
17:43 Saħaq li din il-ġimgħa kienet ikkaratterizzata minn tliet dikjarazzjonijiet ta' Joseph Muscat li sejjaħ inkwetanti. Żied jgħid li l-ewwel Dr Muscat ried jhedded lill-Maġistrat li qed jinvestiga
.
17:44 Beppe Fenech Adami qal li t-tieni dikjarazzjoni kienet meta Joseph Muscat daħħal lil Putin fin-nofs
17:44 Stqarr li t-tielet dikjarazzjoni u li fi kliemu hi l-iktar gravi, kienet li Joseph Muscat qal li għandu bżonn lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Dak il-ħin, il-folla bdiet tgħajjat, "Barra, barra!"
17:45 Semma lista ta' proġetti li fetaħ Joseph Muscat, li huma kollha proġetti tal-Partit Nazzjonalista. Elenka diversi "proġetti" li għamel il-Gvern Laburista, li stqarr li kienu kollha "biex jitfgħu l-miljuni fil-but".
17:48 Beppe Fenech Adami saħaq: "I
nt wegħidtna l-onestà u tajtna l-iktar Gvern korrott. Għalhekk hu rrabjat il-poplu Malti. Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, hu korrott hu wkoll"
17:50 Ikkonkluda li hu għalhekk li fit-3 ta' Ġunju hu se jagħżel Malta
Iċ-Ċermen tal-PPE Manfred Weber
17:53  Tela' fuq il-podju ċ-Ċermen tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber li beda billi qal li l-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista hu "amazing"
Saħaq li l-atmosfera tinxtamm u tidher bħala bidla.
17:54 Manfred Weber qal li "Malta għandha bżonn il-bidla, għandha bżonn lil Simon Busuttil"
17:55 Saħaq li l-UE hi komunità waħda, u għalhekk id-deċiżjoni tal-Maltin mhix biss għal Malta iżda għall-UE. Faħħar ix-xogħol tal-MEPs David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew. Qal li s-soċjalisti fl-Ewropa kollha sejrin ħażin.
17:58 Manred Weber saħaq li llum sar jaf li fil-mass meeting tal-PL se jitkellem politiku Taljan. Żied jgħid li l-Italja hi waħda mill-problemi. Appella biex Malta ssegwi l-mudell tal-Unjoni Ewropea u mhux tal-Italja.
18:00 Qal li kien skandaluż jara lil Konrad Mizzi, l-uniku ministru Ewropew li ismu qiegħed fil-Panama Papers. Saħaq li din hi tal-mistħija għall-UE
18:00 Weber qal li l-UE hi konxja tal-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra Joseph Muscat.
18:00  "Din il-korruzzjoni mhix Malta. Joseph Muscat mhux Malta" – Manfred Weber
18:01 Saħaq li Malta jistħoqqilha futur aħjar. Tkellem dwar Simon Busuttil, u qal li jafu bħala bniedem onest u ta' integrità.
18:02 Għalaq billi appella lil dawk preżenti, biex jivvutaw lil Simon Busuttil bħala l-Prim Ministru l-ġdid ta' Malta.
Il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco
18:05 Il-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco beda d-diskors tiegħu billi qal li Malta daħlet fl-aħħar ġranet tal-kampanja elettorali, li ddeskriva bħala “li kienet kollox ħlief normali”.
18:05 "Joseph Muscat inkwieta għax ma' kull ġurnata li tgħaddi kien qed jinkixef każ ieħor ta' korruzzjoni tiegħu; għax il-moviment tiegħu sfaxxa" – De Marco
18:06 Saħaq li bil-paniku li qabdu, Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni, filwaqt li kienet għaddejja inkjesta maġisterjali fil-konfront tiegħu. Qal li issa għandna erba' inkjesti maġisterali, li jistgħu jwasslu biex persuna titpoġġa taħt akkużi kriminali serji ħafna.
18:07 "Din l-elezzjoni kienet biss dwar l-interess personali ta’ Joseph Muscat” – Mario de Marco
18:10 Mario de Marco stqarr li Joseph Muscat ħaseb li se jsib lill-PN b’nifsu maqtugħ, iżda saħaq li “jekk hawn xi ħadd nifsu maqtugħ, hu Joseph Muscat”.  Żied jgħid li Dr Muscat spiċċa jpponta subgħajh lejn kulħadd, apparti lejn in-nies tiegħu stess.
18:11 Sostna li l-Forza Nazzjonali wieġbet għas-sejħa ta' Joseph Muscat b'iktar minn 500 idea.
18:12 "Ebda theddid u minaċċi tiegħek fil-konfront tagħna mhuma se jintimidawna jew iżommuna siekta fil-konfront tal-korruzzjoni, tal-abbuż tal-poter tiegħek" – Mario de Marco lil Joseph Muscat
18:15 Semma diversi persuni li ħabbru li f'din l-elezzjoni se jivvutaw kontra l-korruzzjoni u favur Malta, fosthom lill-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Philip Rizzo, l-ambjentalista Marco Cremona, il-lukandier Winston J. Zahra
18:18
"Pajjiżna soluzzjoni u triq waħda għandu – is-soluzzjoni jisimha Simon Busuttil, u t-triq jisimha l-Forza Nazzjonali" – De Marco
18:20
"Jiena, magħkom, aħna lkoll flimkien – aħna nagħżlu Malta" – Fuq dik in-nota Mario de Marco temm id-diskors tiegħu
Il-Kap tal-PD Marlene Farrugia

18:29 Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia tat merħba lil dawk kollha li qed isegwu l-mass meeting, kif ukoll lil dawk il-Laburisti li skontha jafu li posthom hu mal-Forza Nazzjonali
18:31 Qalet li llum mhux biss id-demokrazija hi mhedda, iżda anke r-reputazzjoni u l-kredibbiltà ta' Malta, u minħabba f'hekk, il-futur tal-pajjiż hu mhedded
18:32 Marlene Farrugia ssejjaħ lil Simon Busuttil: "Eroj Malti". Żiedet tgħid li Simon Busuttil "kien lest jiftaħ idejh għal kulħadd"
18:33 Saħqet li min irid l-istabbilità, jagħżel il-Forza Nazzjonali: "Il-viżjoni biex dan il-pajjiż nagħtuh id-direzzjoni li jixraqlu għadha hemm"
18:34 Sostniet li l-viżjoni tal-Forza Nazzjonali ma tiqafx biss mal-Governanza Tajba, iżda l-FN se tibqa’ tisħaq fuqha għax hi l-bażi ta’ kollox
18:35 "Jekk aħna rridu Gvern li joħloq l-impjiegi, irid ikun Gvern tal-Forza Nazzjonali" – Marlene Farrugia
18:36 Fi tmiem id-diskors tagħha, Marlene Farrugia kella appell imqanqal, biex il-poplu jagħżel Malta.
18:37 Ikompli d-daqq u l-kant qabel ma jindirizza l-folla f'Tas-Sliema Simon Busuttil
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil
18:43 Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil beda d-diskors tiegħu billi qal li qiegħed hemm biex jagħti s-sehem tiegħu lill-pajjiż
18:43 Saħaq li bħal dal-ħin, bħal-lum ġimgħa, ikun diġà ħareġ ir-riżultat dwar liema triq ikun għażel il-poplu Malti – hux it-triq tal-korruzzjoni li jinsab fiha, jew inkella t-triq alternattiva, it-triq tal-Forza Nazzjonali, it-triq tal-politika onestà.
18:44 Qal li s-sebat ijiem li fadal huma biżżejjed ċans biex dak il-futur "li nixtiequ bħal-lum ġimgħa nagħmluh realtà"
18:45 Simon Busuttil irrefera għal dak li qallu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt id-dibattitu fuq Xarabank, minħabba li jdejh kienu mxarrbin bl-għaraq.
18:46 Lill-Prim Ministru, Simon Busuttil qallu:  "Prim Ministru jiena kburi li negħreq l-għaraq ta' ġbini għall-poplu Malti u għal pajjiżi, imma jiena qatt u qatt mhu se negħreq il-korruzzjoni; dik inħalliha għal ħaddieħor. Min għandu jdejh imċappsin bil-korruzzjoni, jaħsilhom kemm jaħsilhom, jibqgħu mċappsin"
18:47 Simon Busuttil
sostna li Malta għandha Prim Ministru li sejjaħ investigazzjoni wara li l-provi laħqu telqu mill-bank, wara li l-Kummissarju tal-Pulizija laħaq mexmex il-fenek kollu, u meta kien ċert li l-provi kien irnexxielhom jaħbuhom kollha
18:48 Dr Busuttil qal li l-Prim Ministru mhux waħdu fit-tajn tal-korruzzjoni li qed jegħreq fih, għax għandu wkoll lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi
18:49 Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru jrid iwaħħal fih, fil-whistleblower, fir-Russi u fil-Maġistrat: "Kulħadd għandu tort, kulħadd hu responsabbli, kulħadd qed jagħmel ħsara għall-pajjiż, ħlief hu… Imma le, dik mhix ir-realtà. Irridu ngħidulu lil Joseph Muscat li dan hu inaċċettabbli u li dak li hu ħażin ma jista' qatt isir tajjeb."
18:50 Saħaq li hemm ħafna raġunijiet għaliex Joseph Muscat missu diġà rreżenja
18:51
Simon Busuttil sostna li għal Joseph Muscat, xejn mhu xejn u xejn mhu ħażin, iżda għal dawk tal-Forza Nazzjonali, jimporta.
18:52 Saħaq li l-Forza Nazzjonali jimpurtaha, li l-Gvern "qed jisraq mingħandkom", "ipoġġi l-korruzzjoni qabilkom"; "li jieħu l-commission fuq passaport Malti"; "li jieħu l-commission fuq tanker tal-gass"; "li jagħmel elezzjoni fil-presidenza biex isalva wiċċu"; "li jitla' b'36,000 vot u jagħmel erba' snin jistagħna"
18:54 Il-Kap Nazzjonalista qal li
n-nies jistaqsu għaliex Konrad Mizzi u Keith Schembri jistgħu jagħmlu li jridu u jiffangaw, filwaqt li huma ma jistgħu jagħmlu xejn u bilkemm jistgħu ilaħħqu mal-ħajja.
18:55 "Għaliex għandna ngħixu f'soċjetà li tilfet kull sens ta' ġustizzja?" – Simon Busuttil
18:56 Il-Kap tal-PN qal li t-tweġiba ta' Joseph Muscat għal dawk li jsaqsu dawn il-mistoqsijiet hi "l-ekonomija sejra tajjeb".
18:57
"Il-flus mhux kollox; l-ewwel li jiġu huma l-prinċipji tagħna, l-onestà tagħna, l-integrità tagħna. Prim Ministru, jekk taħseb li tista' tixtri lil kulħadd, lilna m'intx se tixtrina – We are not for sale" – Simon Busuttil
18:58 Simon Busuttil qal li hu għandu tama li wara t-3 ta' Ġunju, dan kollu se jinbidel bħala Forza Nazzjonali, bħala poplu Malti u Għawdxi wieħed, bħala poplu magħqud
18:59  Qal li wara t-3 ta' Ġunju se jkollna ekonomija iktar b'saħħitha: "Jekk għandna ekonomija sejra tajjeb b'din il-korruzzjoni, aħseb u ara jekk tneħħi din il-korruzzjoni" qal Simon Busuttil
19:01 Saħaq li għandu tama li wara t-3 ta' Ġunju, "se nkunu qed ngħixu f'soċjetà iktar ġusta, b'mod partikolari dawk li l-iktar għandhom bżonn"
19:02 Simon Busuttil qal li jrid li wara t-3 ta' Ġunju l-Maltin imorru barra minn Malta u jgħidu li huma kburin li Maltin
19:03
Appella lil dawk kollha li għadhom ma ddeċidewx kif se jivvutaw nhar is-Sibt li ġej, li fuqhom jiddependi l-futur ta' Malta. Appellalhom biex huma wkoll jivvutaw għall-futur ta' Malta
19:04 Qalilhom li nhar is-Sibt il-pajjiż għandu bżonnhom, iktar minn qatt qabel. Saħaq li l-Forza Nazzjonali se tkun hemm għall-Maltin mill-ewwel sal-aħħar ġurnata: "We will not let you down"
19:07 Dr Busuttil dar fuq il-Laburisti ġenwini, b'mod partikolari dawk li qegħdin f'Tas-Sliema magħhom.
19:08 Indirizza lil dawk imweġġa', u qal li dawn huma maqsumin bejn il-lealtà lejn il-partit tagħhom u lejn Malta. Wiegħdhom li l-Forza Nazzjonali tagħtihom dak li huma xtaqu fl-2013. Wiegħed Gvern trasparenti, accountable u li jirrispetta l-meritokrazija.
19:09 "Dawn huma affarijiet li wegħdkom Joseph Muscat, imma li wara li ħadilkom il-vot, remiekom. Aħna ma narmukom qatt" appella Simon Busuttil
19:10 Simon Busuttil qal li t-torċa Laburista ntfiet "għax tant ħammġuha li m'għadhiex tiddi, m'għadhiex tidher"

19:11 Appella biex flimkien jerġgħu jixegħlu t-torċa tal-onestà, tas-sewwa, li turi l-futur tal-pajjiż
19:12 "Ejja ningħaqdu flimkien, Nazzjonalisti, Laburisti, Maltin, biex fit-3 ta' Ġunju nivvutaw għall-futur ta' pajjiżna" – Simon Busuttil
19:14 Appella lil dawk in-Nazzjonalisti mweġġa' li fl-aħħar elezzjoni fdaw lil Joseph Muscat, u qalilhom li l-PN tgħallimha l-lezzjoni. Appellalhom biex jerġgħu jiġu lura u jivvutaw lill-Forza Nazzjonali, għal Malta: "Għandna bżonn lilkom ukoll"
19:15 Wegħidhom li jekk jerġgħu jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Forza Nazzjonali, mhux se jinsa dak li jkunu għamlu għall-pajjiż.
19:16 “Din hi garanzija personali li nagħtikom jiena stess” – Simon Busuttil
19:17 Emozzjonat, Simon Busuttil fakkar minn fejn beda erba’ snin ilu, meta l-PN ħoloq paġna ġdida, paġna sabiħa, b’tama ġdida għall-pajjiż: "This is what we started" żied jgħid.
19:20 "Ejja naraw li din it-tama ġdida twassalna għall-għażla li għandna nagħmlu, l-għażla bejn it-triq korrotta ta' Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, u fuq in-naħa l-oħra t-triq tal-onestà, l-integrità, it-triq ta' Malta” – saħaq Dr Busuttil.
19:23 Itemm il-mass meeting bl-għajta “Aħna lkoll flimkien, ngħidu Jiena Nagħżel Malta!"
19:23 Jindaqq l-Innu Malti segwit minn innijiet assoċjati mal-Partit Nazzjonalista