Filmat: “€50 miljun għall-housing soċjali mill-bejgħ taċ-ċittadinanza” – Muscat

18:13  Joseph Muscat temm id-diskors tiegħu: "Din hija l-Malta ta' għada"
18:12  "Dan hu l-aqwa żmien tal-pajjiż… imma fadlilna x'naqdfu"  

18:11 "Pajjiż miftuħ lil jilqa' l-barranin fostu u jsir iktar sinjur"
18:10
 "Ħaddieħor irid il-mibegħda aħna ħa nagħtu l-imħabba"
18:08 "Il-kelma ewlenija hija l-għaqda – ejja noffru l-id tal-ħbiberija lil kulħadd" 

18:07 Saħaq li l-Gvern se jibqa' jagħmel ir-riformi meħtieġa u jibqa' miftuh għad-djalogu f'Malta u barra minn Malta. 
18:05 Joseph Muscat qal li bħal-lum sena kellu jaffaċċja dawk li sejjaħ gidbiet fil-konfront tiegħu u ta' martu. Qal li l-kliem li qal dakinhar jerġa' jsostnieh illum: "Jien m'għandix minn xiex nibża' u niddejjaq".

18:02  Jgħid li minkejja l-attakki u l-kritika, qal li minn hawn u ftit jiem oħra se jitneħħa l-libell kriminali b'rabta mal-libertà tal-espresssjoni ġurnalistika. 
18:00  Ħabbar investiment ieħor f’housing soċjali “għal min verament għandu bżonn” Il-Gvern talab lill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali li jieħu ħsieb il-flus mill-bejgħ taċ-ċittadinanza, biex mill-flus li ġemma' jagħti €50 miljun oħra biex ikun hemm 500 post ieħor tal-housing għal min għandu bżonn. 

17:57 "Se nkun ċar: Il-housing soċjali jrid ikun għal min veru għandu bżonnu u mhux għal min jitgħażżen u mingħalih idawwar lill-Gvern fuq subgħajh"
17:53 Għadda biex jitkellem dwar il-housing soċjali u bżonn ta' regolamentazzjoni tas-suq tal-kera. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jgħid kif se jgħin lil min jikri u lill-kerrej. 
17:53 Il-Mexxej Laburista jwiegħed lill-partitarji li se jibqa' jieħu d-deċiżjonijiet.
17:52 Il-partitarji Laburisti jgħajtu "Viva l-Lejber, Viva l-Lejber"

17:51 Joseph Muscat jgħid li hu jaf li fil-passat ma ħallewhx waħdu meta ġġieled għad-drittijiet tal-minoranza, u ċert li mhux se jitħalla waħdu din id-darba lanqas.
17:50  Il-folla tgħajjat "Joseph, Joseph"

17:49  Irrefera għall-emendi tal-Gvern għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun u staqsa: "Kif nistgħu nagħlqu għajnejna għall-karba ta' dik il-mara li trid issir omm u ta' dak ir-raġel li jrid isir missier?"
17:47  "Irridu pajjiż kosmopolitan fejn kulħadd jista' jkun suċċess… Aħna jmexxuna l-prinċipji"
17:47  "Dan hu l-moviment tal-mobiltà soċjali, tal-ugwaljanza u tal-ġustizzja soċjali"

17:46  Joseph Muscat qal li lill-ħaddiem il-Gvern tah ħafna, imma li beħsiebu jagħtih aktar fis-snin li ġejjin. 
17:45  "Il-ġustizzja mhux titkellem dwarha trid, imma twettaqha meta jkollok is-saħħa li twettaqha"

17:42  Fakkar dwar is-surplus u l-ekonomija f'saħħitha, li fi kliemu jinħassu minn kulħadd. 
17:41  Qal li bħalissa f'Malta x-xogħol qed jiġri wara n-nies u mhux in-nies jiġru wara x-xogħol.

17:40  Dr Muscat qal li din is-sena hi l-ewwel sena fl-istorja tal-pajjiż li l-Gvern ma żiedx taxxa waħda.
17:38 “Sena wara nista’ ngħidilkom li l-pajjiż miexi ‘l quddiem b’ritmu aktar qawwi minn qatt qabel” qal Joseph Muscat quddiem eluf ta' partitarji Laburisti fi Pjazza Tritoni.

Il-Partit Laburista qed jorganizza l-mass meeting annwali għal Jum il-Ħaddiem, fil-Belt Valletta.
Ritratti:Ian Noel Pace