Filmat: “Ma tistax tagħżel Malta għax Malta hi ommok li toħolqok” – Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista jindirizza mass meeting tal-PL f' Ħal Far

20:01 Jasal id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona.
20:02 Jibda d-diskors tiegħu billi jirringrazzja lin-nies li attendew “għall-ikbar mass meeting li rat Malta”
20:02 Dr Cardona qal li l-PL lest b’serenità li jmur għall-ġudizzju tal-poplu għax “se juri l-apprezzament tal-Prim Ministru Joseph Muscat".
20:03 Qal li matul il-kampanja ħarġet id-differenza bejn il-PL u l-Partit Nazzjonalista. Sostna li filwaqt li l-PL għandu messaġġ ta’ pożittività, il-PN għandu messaġġ negattiv. Saħaq li huma negattivi għax il-PL ħallihom bla nifs.
20:14  Chris Cardona ħeġġeġ lin-nies biex tmur tivvota ħalli nhar is-Sibt Malta tkompli miexja fit-triq li qabdet. Temm id-diskors tiegħu bl-islogan tal-PL, “L-Aqwa Żmien għadu ġej”
20:16 Jindirizza l-folla d-Deputat Prim Ministru Louis Grech
20:17 “Din il-folla turi fejn qed iħabbat il-polz tal-Maltin”  – Louis Grech
20:17 Louis Grech qal li matul il-kampanja n-nies kienu wara l-Moviment Laburista, u saħaq li se jibqgħu wara l-Moviment tul l-elezzjoni ġenerali.
20:18 Huwa qal li l-PN għamel erba’ snin jikkampanja bil-biża’ iżda saħaq li l-istorja tal-PL turi li l-Partit qatt ma qata' qalbu.
20:41 Jitla' fuq il-palk il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat. 
20:43 Dr Muscat qal li erba’ snin wara li l-poplu ta l-fiduċja lill-PL biex imexxi lil Malta, fl-aħħar ġurnata tat-tmexxija tal-Gvern ta’ tagħna lkoll, il-PL qed irodd lura pajjiż aħjar.
20:44 Qal li qed iħossu emozzjonat, “emozzjoni ta’ min jaf x’ħidma saret wara li wiret pajjiż imxennaq u f’medjokrità”. Stqarr li n-nies taħt Gvern Pn kienu draw li bilfors ma ssibx impjieg u mingħajr drittijiet ċivil. Żied jgħid li l-Gvern Laburista qeleb il-folja u ta fost l-oħrajn drittijiet aħjar lil kulħadd.
20:45 Saħaq li qiegħed hemm b’emozzjoni għax jaf li radd il-pajjiż lura lill-poplu b’kuntrarju għal erba’ snin ilu fejn il-ġenituri kellhom dubju jekk rawx l-aħjar żmien għal Malta, jekk uliedhom hux se jkollhom ċans li jgħixu f’pajjiż b’opportunitajiet. Sostna li l-PL qed irodd pajjiż li fejn kull ġenitur jaf li uliedu se jkunu aħjar minnhom. 
20:46  Qal li l-PN għamel il-politika ta’ min iħammeġ l-aktar u li l-unika proposta li ressaq kienet fuq il-ħmieġ, il-gideb, il-kalunji u l-invenzjonijiet. Saħaq li din mhix il-politika li jemmen fiha hu, qal li hu jemmen f’politika li jara lin-nies mexjin ’il quddiem. 
20:49 Stqarr li diversi nies jirringrazzjawh għax-xogħol li għamel, iżda saħaq li hu għandu jirringrazzja lill-poplu għax emmen fih. Tenna li hu kien biss strument li wettaq dak li ried il-poplu, il-bidla li l-poplu tah mandat biex jagħmilha. “Kont biss is-serv tal-poplu kbir u dan kien l-ikbar unur ta’ ħajti li nservikom” – Joseph Muscat 
20:50 Dr Muscat qal li nhar is-Sibt li ġej il-poplu jrid jagħmel għażla jekk il-poplu jimxix ’il quddiem u jekk jiqafx il-proġett ta’ bidla. 
20:51 "Din mhix għażla ta' kulur politiku" – Joseph Muscat
20:52  Dr Muscat qal li l-PN lanqas biss għandu proposti u dan b’differenza għall-PL li għandu proposti superjuri. 
20:53 "Ma niddejjaqx inpoġġi lili nnifsi għall-ġudizzju u lest li nbaxxi rasi għalih"  – Joseph Muscat
20:54 “L-għażla hija bejn min se jġib l-impjiegi u min l-ordni tal-ġurnata hija l-pożittività u bejn min ibeżża’” – Joseph Muscat
20:56 Il-folla tgħajjat "Viva l-Labour".
20:56 Dr Muscat qal li Malta ma bdietx erba' snin ilu iżda bdiet minn missirijietna li għalkemm kellhom opinjoni politika differenti ħadmu għal Malta u kisbu l-Ħelsien u l-Indipendenza
20:57 "Ma tistax tagħżel lil Malta għax Malta hija ommok li toħolqok" – Joseph Muscat. 
20:58 Qal li l-Oppożizzjoni minflok għenet fil-ħidma tat-tmexxija fixklet billi pprovat tħammeġ lil Malta. Saħaq li din hija l-għażla li għandu l-poplu bejn min ħadem qatigħ għal Malta u bejn min mar ixewwex kontra Malta.
21:00 “Ninsab quddiemkom għax għandna għażla bejn il-koalizzjoni tal-konfużjoni li ġġib kaos u bejn Gvern Laburista li għandu ideat ċari u li għandu l-esperjenza tat-tmexxija” – Joseph Muscat
21:01 Dr Muscat qal li kull min se jibqa’ d-dar nhar is-Sibt se jkun qed jiftaħ il-bieb ta’ Kastilja għall-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia. Saħaq li huwa dover ta’ kulħadd li jmur jivvota. 
21:04 "Gvern Laburista ħadem ma' kulħadd" – Joseph Muscat
21:04  Dr Muscat indirizza lil dawk li vvutaw lill-PL l-ewwel darba erba’ snin ilu u qalilhom li l-Gvern radd pajjiż aħjar milli kien. Huwa dar fuq dawk li se jivvotaw PL l-ewwel darba u qalilhom merħba. Dar fuq dawk li minn dejjem ivvutaw il-PL u qalilhom li huma l-veterani u li dejjem ħadmu għal Malta għax “Malta l-ewwel u qabel kollox”. 
21:06 "Għamilna kemm tajjeb u ħażin, it-tajjeb mertu tagħkom u l-ħażin nerfa' r-responsabbiltà tiegħu jien" – Dr Muscat
21:06 Dr Muscat qal li jekk il-poplu jagħżel li ma jridux aktar imexxi huwa jbaxxi rasu. Stqarr li għalhekk dan jista' jkun l-aħħar mument għalih li qed jindirizza l-folla. Għal dan il-folla bdiet tgħajjat "Joseph, Joseph". Huwa kompla jgħid li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja se jibqa' hemm " biex jaqla' d-daqqiet ħalli Malta tibqa' miexja 'l quddiem u tkun l-għira tad-dinja.
21:08 Huwa temm id-diskors tiegħu bl-għajta ta' diversi rimarki bil-folla twieġeb "L-Aqwa Żmien". 
21:08 Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat itemm id-diskors tiegħu.