LIVE: Dibattitu maratona dwar vot ta’ sfiduċja fil-gvern joqrob lejn tmiemu

Wara madwar 13-il siegħa intemm id-dibattitu dwar mozzjoni ta' sfiduċja fil-Gvern imressqa mill-Oppożizzjoni
Il-mozzjoni tressqet wara li faqqa' l-każ tal-kumpaniji li għandhom fil-Panama, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. 
F'isem il-Kap tal-Oppożizzjoni, Mario DeMarco (PN) ressaq il-mozzjoni fil-Parlament, li ġiet sekondata mid-deputat David Agius.
"Gvern ta' skandli ta' korruzzjoni wieħed ikbar mill-ieħor" – Beppe Fenech Adami (PN)

Id-dibattitu nfetaħ bl-intervent ta’ Beppe Fenech Adami, li saħaq li “dan hu Gvern ta’ skandli ta’ korruzzjoni wieħed ikbar mill-ieħor.”
Żied jgħid li l-Prim Ministru hu ċass quddiem il-korruzzjoni,  li qed tinħema mill-uffiċċju tal-istess Prim Ministru f’Kastilja.
Elenka erba’ każijiet ta’ korruzzjoni li heżżu l-pajjiż: L-iskandlu tal-Australia Hall, il-Cafè Premier, il-każ Gaffarena u l-iskandlu tal-Panama Papers.
Iddeskriva lil Konrad Mizzi, bħala “l-magħżul ta’ Joseph Muscat” – Ministru bl-ikbar portafoll, li l-Prim Ministru żammu miegħu f’Kastilja, u li għalih Joseph Muscat bidel l-istatut tal-Partit Laburista biex għamlu Deputat Mexxej.
Lil Keith Schembri, Fenech Adami qal li ħafna jsejħulu “l-Prim Ministru ta’ wara l-Prim Ministru.”
Sostna li “bħalissa għandna Gvern li issa mess il-qiegħ.”
"L-Oppożizzjoni qed tgħid lill-Prim Ministru li ilu seba' ġimgħat jiddefendi dak li hu ħażin. Din hi difiża bla loġika, li bilfors tqajjem mistoqsijiet fil-konfront tal-Prim Ministru," żied jgħid Fenech Adami. Temm id-diskors tiegħu bil-kliem "It's time to go."
Owen Bonnici jipproponi emenda fil-mozzjoni, bil-kliem “Rebaħ mandat bl-ikbar ammont ta’ voti mill-Indipendenza ‘l hawn…” 
Owen Bonniċi (PL) saħaq li meta tingħasar il-mozzjoni tgħid li fil-pajjiż hawn kriżi ta’ korruzzjoni, li hawn l-inċertezza u li qed issir ħsara lil isem Malta.
Jistaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni jekk hux veru li hawn kriżi ta’ korruzzjoni, meta għadu kif ġie kkonfermat tkabbir ekonomiku ta’ 6.3%.
B’referenza għal Simon Busuttil, Bonniċi qal li “min hu r-re tad-double standards ma neħdux lezzjonijiet.”
Semma  li ż-żewġ Viċi Kapijiet tal-PN,  Beppe Fenech Adami u Mario Demarco ma mxewx b’mod etiku. Dwar Mario DeMarco, Bonniċi qal li dan talab l-invoice għal xogħlijiet li sarulu meta nduna li seta’ jinqabad, għax qatt ma kellu intenzjoni li jħallsu.
Owen Bonnici stqarr li l-Oppożizzjoni tinstab fi kriżi u li trid tagħmel ħsara fuq kulħadd.
Saħaq li bis-saħħa tal-vot tal-lum, “se nuru li għandna ċ-ċertezza u l-istabbilità.”
Bonniċi ppropona emenda li titħassar parti mill-mozzjoni u minflok jiġi nkluż kliem ieħor li jibda’ “Rebaħ mandat bl-ikbar ammont ta’ voti mill-Indipendenza ‘l hawn…” 
L-emenda ġiet sekondata minn George Vella (PL).
"Żgħażagħ, negozjanti bieżla u s-self employed imweġġa' li huma jħallsu t-taxxi u l-multi, u persuni qrib il-PM jiftħu kumpaniji sigrieti" – Antoine Borg

Antoine Borg (PN) tkellem dwar il-weġgħat li għandhom iż-żgħażagħ, in-negozjanti bieżla u s-self employed li huma obbligati jimxu b’mod ġust u jħallsu t-taxxi, u li jekk ma jimxux bl-ordni jħallsu multi u l-imgħaxijiet.
Saħaq li jweġġagħhom kif tnejn mill-eqreb persuni tal-Prim Ministru, ġranet biss wara li ħadu l-poter, bdew il-proċess biex jiftħu kumpaniji sigrieti n-naħa l-oħra tad-dinja.
Antoine Borg sostna kemm kien ikun aħjar kieku ġimagħtejn ilu, il-Gvern Malti mar quddiem id-dinja, u ammetta li dawn iż-żewġ persuni kienu nvoluti f’dan l-iskandlu u li tneħħew mill-kariga.
Tenna l-inkwiet tal-Oppożizzjoni dwar ir-reputazzjoni pajjiż u n-nuqqas ta’ serjetà li wara li għaddew tliet ġimgħat, dawn il-persuni għadhom qed jiġu protetti u difiżi.
Borg qal li fil-vot tal-lejla, l-Oppożizzjoni, minkejja fil-minoranza se tirrappreżenta lill-maġġoranza tal-poplu.
“Imkien ma ġie rrappurtat li kien hemm korruzzjoni kif allegata” – George Vella
George Vella (PL) qal li mkien ma ġie rrappurtat li kien hemm korruzzjoni kif qed tiġi allegata, u li għalhekk il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hi prematura għax hi bbażata biss fuq suspetti.
Saħaq li min qed jagħmel il-mozzjoni mhux kredibbli, għax meta kellu ċ-ċans jiġġieled il-korruzzjoni m’għamel xejn.  Fost l-oħrajn semma kif il-PN fil-Gvern ittratena u m’għamel xejn dwar id-donazzjonijiet lill-partiti politiċi.
Stqarr li Simon Busuttil u sħabu ma jistgħux iniżżluha kif fi tliet snin Gvern Laburista bidel il-pajjiż, baxxa l-prezzijiet tal-enerġija, attira l-investiment, elimina l-qagħad u xejjen il-waiting lists.
“Irrikonoxxejna l-iżbalji li għamilna, u ħa naħdmu fuqhom, imma t-tixwix, l-għajjat fil-pjazez u l-attakki fuq il-karattru mhu se jwasslu mkien u huma l-għodda li qed joħolqu l-instabbilità.”
Meta bi żball qal “30 sena fil-Gvern” minflok “3 snin”, il-Ministru Vella b’ton leġġer irrimarka “forsi nagħmlu 30 sena għaliex le?”

“Qatt ma kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’pajjiżna bħalma hemm illum” – Ċensu Galea
Ċensu Galea (PN) qal li qatt f’Malta ma kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni daqs kemm hemm illum u saħaq li dan mhux l-Oppożizzjoni biss qiegħda tgħidu.
Sosta li dawk is-36,000 persuna li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni riedu li dak li kien jiġri qabel ma jibqax isir, u saħaq li għalhekk ma jagħmilx sens li l-Gvern jargumenta li “Araw x’kontu tagħmlu intom meta kontu fil-Gvern” meta l-Oppożizzjoni tikkritika dak li qed jagħmel il-Gvern.
Saħaq li dawk il-voti li l-Partit Laburista tant ftaħar bihom, dawk huma voti ta’ 36,000 persuna li emmnu dak li kien qiegħed iwiegħed il-Gvern, iżda issa, tliet snin wara, hi ċara li n-nies bdew jagħmlu l-kontijiet ta’ dak li qed jiġri.
Ċensu Galea qal li forsi Owen Bonnici (PL) nesa li barra l-kalma u t-tbissima, il-Partit Nazzjonalista kelu t-theddida tal-mannara ftit jiem ilu, u ħadd u b’ebda mod ma ċċensurah. Qal li l-mannara mhix xi simbolu ta’ kalma.
Qal ukoll li saret allegazzjoi li l-PN għamlet il-bombi u appella biex jekk xi ħadd jaf min għamel il-bombi, jitkellem.
Temm billi qal li bejn kliem u fatti hemm baħar jikkumbatti u sostna li l-baħar li qed jikkumbatti f’pajjiżna qed ikisser id-demokrazija.
“Dan il-Gvern ħa taħt idejh it-trasport pubbliku b’€100 miljun dejn” – Joe Mizzi
Joe Mizzi (PL) qal li meta l-Gvern preżenti ħa taħt idejh it-trasport pubbliku, hu kellu €100 miljun dejn. Fakkar li din is-sitwazzjoni hi ferm differenti minn dik li sab il-Partit Nazzjonalista meta ħa t-trasport pubbliku minn taħt l-ATP, li kienet ħafna iktar faċli.
Semma kif meta l-PL tela’ fil-Gvern, hu beda serje ta’ konsultazzjonijiet mal-poplu, li fost oħrajn wera li jrid bidla fir-rotot, liema biddla saret minn dan il-Gvern.
Saħaq li l-Oppożizzjoni qed tipprova tindimida lill-Gvern u minflok tagħti pariri u tipprova tgħin, qiegħda tipprova tkisser u titfa’ l-gambetti bl-insinwazzjonijiet, tixwiw u gideb sfaċċat.
Joe Mizzi semma tallinja cards u qal li minkejja li l-Oppożizzjoni pprovat titfa’ dubji u xxewwex, illum Malta hu l-iktar pajjiż fejn il-passiġġiera jużaw cards ta’ dan it-tip.
“Dawn huma żminijiet inkwetanti” – Karl Gouder
Karl Gouder (PN) saħaq li dawn huma żminijiet inkwetanti ħafna u qal li l-affarijiet fil-pajjiż mhumiex mixjin tajjeb.
Qal li l-iktar li tinkwetah hi n-nuqqas ta’ politika onestà u governanza tajba.
Saħaq li din l-istorja ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi ma messiex ħarġet mill-midja, iżda messha ħarġet mill-Gvern, mill-Prim Ministru, li missu ħa l-azzjonijiet li kellu jieħu mil-ewwel.
Sostna li nafu li jekk tipprova tagħmel xi ħaġa li ma tistax tagħmel, ibati mhux biss il-partit tiegħek iżda anke l-pajjiż.
Semma s-setturi tal-gaming u tas-servizzi finanzjarji u wassal messaġġ lil dawk li jaħdmu fih li mill-PN għandhom jistennew aħjar.
Qal li llum nafu xi jkunu r-riperkussjonijiet meta min ikun fil-Gvern ma jkunx onest.
“Dejjem bqajna ninvestu fl-isport” – Luciano Busuttil
Luciano Busuttil (PL) qal li l-Gvern dejjem baqa’ jagħmel investiment fl-isport u sostna li kull sena l-Gvern baqa’ jagħti assistenza sportivi lill-klabbs, muljuni fis-sena, eskluz dak li jingħata lill-kumpitat olimpiku Malti biex ikun jista’ jħeġġeġ lill-atleti u l-logħob.
Qal li minn €1.3 miljun dejn ġabu €1.3 miljun profitt.
Tkellem fuq il-pixxina nazzjonali u l-periklu ta’ kollass li kien hemm fis-South Block, fejn skopra li jew il-konkrit ma kienx ta’ struttura tajba jew inkella l-konkrit ittiekel minħabba l-ħsarat strutturali tal-pixxina.
Luciano Busuttil qal li kien hemm periklu imminenti li dan kollu jikkollassa u joqtol lin-nies li jmorru fil-pixxina nazzjonali biex isegwu l-isport.
Qal li ntefqu €800,000 biex jitranġa s-South Block, li issa saret state of the art.
“Dak li hu ħażin trid issejjaħlu ħażin” – Tonio Fenech
Tonio Fenech (PN) qal li llum il-ġurnata għall-Gvern biex tkun pożittiv tfisser li tfaħħar lill-Partit Laburista, u jekk titkellem mod ieħor jiġifieri int negattiv.
Qal li ma tistax tagħmel hekk, u dak li hu tajjeb trid tgħidlu tajjeb u dak li hu ħażin trid tgħidlu ħażin.
Saħaq li dak li għamlu Konrad Mizzi u Keith Schembri hu ħażin u għalhekk kellhom jitilqu immedjatament.
Qal li mhumiex “just anyone” u saħaq li l-Prim Ministru poġġihom f’pożizzjonijiet li ġabhom ġismu, jiġifieri ġabhom l-id leminija u l-id ix-xellugija tiegħu.
Sostna li meta poġġa tant fiduċja fihom, u huma tradew din il-fiduċja, u issa għaddew kważi 8 ġimgħat fejn kulħadd qed jistenna rapport li ħadd ma jaf min qed jagħmlu, il-Prim Ministru jrid ikeċċi lil Schembri u lil Mizzi.
Saħaq ukoll li ma jafx kif il-Ministru Scicluna jista’ jiddefendi s-servizzi finanzjarji b’dan li għaddej bħalissa.
Ian Borg isemmi kif il-PL ġab il-fondi tal-UE li l-PN ma kienx kapaċi jġib
Ian Borg (PL) tkellem fuq il-fondi Ewropew u semma kif f’Jannar tal-2012, Malta kienet assorbiet biss 30% tal-fondi tal-UE. Qal li dan il-Gvern kien kapaċi jassorbi l-kumplament.
Għamel enfażi fuq il-proġett taċ-Ċittadella u x-xogħol li seta’ jsir permezz tal-fondi tal-UE.
Saħaq kif fi 3 snin ħarġu t-tender, il-procurement u sar ix-xogħol.
Ian Borg qal li l-Oppożizzjoni għadha ma qalet xejn dwar x’tagħmel jekk tgħaddi l-mozzjoni u x’tagħmel jekk tirbaħ.
Sostna li l-Gvern se jibqa’ magħqud biex Malta tkompli twettaq il-manifest elettorali u qal li l-Gvern hu kommoss ikompli jagħmel lil Malta fost l-aqwa fl-Ewropa.
“Illum m’hemmx kwistjoni ta’ leġġitimità” – Jose Herrera
Jose Herrera saħaq li għall-kontra tas-Snin 80, illum m’hemmx kwistjoni ta’ leġġitimità, għax fis-Snin 80, il-leġġitimità tal-Gvern kienet kontestata, kien hemm qafas legali u kwistjoni kostituzzjonali.
Sostna li l-Gvern għandu mandat ċar biex jiggverna tul il-leġiżlatura.
Qal ukoll li l-attitudni tal-Oppożizzjoni wasslet biex l-iktar nies prominenti tal-pajjiż, jiġifieri l-President Marie Louise Coleri Preca, l-eks President George Abela, u l-Isqfijiet Charles Scicluna u Mario Grech jgħidu li Malta għandha terġa’ tirrenja r-rispett fil-politika.
George Pullicino jsostni li l-problema hi n-nuqqas t’azzjoni tal-PM
Saħaq li l-problema mhix il-kritika tal-PN iżda n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-PM għal dak li sar ħażin.
Sostna li l-PN ikun żbalja kieku għalaq ħalqu.
Qal li l-Gvern wiegħed li se jnaddaf l-ajra ta’ Marsaxlokk u anke uża bħala eżempju ta’ nies li kienu għaddejjin minn mard.
Joseph Muscat ippreżenta lil Konrad Mizzi, li kien il-wiċċ tal-PL dwar il-powerstation. Qal li Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi, it-trio, li ħoloq dak li ssemma’ bħala pjan ta’ enerġija u qal li 3 snin wara, għad għandna l-istess powerstation, bid-differenza li issa qiegħda f’idejn il-barranin.
Sostna li mhux talli ma nadfux Marsaxlokk, iżda ħammġu isem pajjiżna. Qal li naqqsu l-kontijiet għax ġiethom tajba u l-prezz taż-żejt naqas b’inqas minn żewġ terzi ta’ li kien, u mhux għax għamlu l-famuża power station tal-gass.
Morna lura għas-Snin 80” – Chris Fearne
Chris Fearne (PL) qal li qed nerġgħu naraw dwejjaq kbir, mibegħda ħierġa minn bloggers – l-ewwel minn naħa u issa anke min-naħa l-oħra. Qal li dan iż-żmien qed ifakkru fis-snin 80. Saħaq li l-PN missu jistħi joħloq il-firda billi jgħid li d-DNA ta’ persuni hi differenti minn ta’ oħra.
Qal li jifhem li l-PN irid gwadan politiku, iżda l-istorja, jekk ħa jibqgħu sejrin hekk, ħa tħares lejhom bi stħerrija.
Saħaq li l-Gvern qed jibqa’ jaħdem biex jgħolli ‘l fuq il-livell ta’ Malta. Semma kif din il-ġimgħa nieda sett ta’ drittijiet favur il-pazjent, daħħal mediċini ġodda għal persuni bid-dijabete u nieda skola ġdida għal kirurgi u llum fetħu sala ġdida fl-Isptar Paul Boffa.
Se nkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja” – Michael Gonzi
Qal li din il-kriżi poġġiet fil-periklu l-fama li pajjiżna rnexxielu jibni matul is-snin ta’ tmexxija minn Gvernijiet Nazzjonalisti, fama li tatna fama internazzjonali. Semma kif Malta rnexxielha tirkeb il-kriżi finanzjarja li kient faqqgħat.
Qal li min jivvota favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja se jkun qed jiddikkjara li ma jridx jibqa’ mċappas.
Sostna li dawn li se jivvutaw kontra l-mozzjoni se jiċċappsu b’dan li qed jiġri u qal li l-istorja se tiġġudikana lkoll. Qal li se jkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja biex juri l-kundanna tiegħu għal dak li qed jiġri.
Stefan Buontempo jgħid li se jivvota kontra l-mozzjoni għal dawk li jemmnu fid-demokrazija
Saħaq li dan il-vot se jkun vot ta’ fiduċja lill-Gvern biex ikomplu jbiddlu lil Malta u għal dawk li verament jemmnu fid-demokrazija. Qal li l-PN ħass li jagħmel vot ta’ sfiduċja għal diversi raġunijiet u sostna li jistenna li d-deputati tal-PN ifehmuhom għalfejn ressqu dan il-vot ta’ sfiduċja f’dan il-Gvern. Semma kif fost oħra il-PN ressqu dan il-vot biex jgħidu li se jerġgħu jgħollu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li ċ-childcare b’xejn mhix se tibqa’ u li se jnaqqsu l-pensjonijiet, fost oħrajn.
Irrikonoxxa li l-Gvern mhux perfett, iżda qal li dan tgħallem mill-iżbalji li għamel.
Anthony Agius Decelis iqabbel lil Joseph Muscat ma’ PM Nazzjonalisti ta’ qabel
Beda billi qal li Malta għandha bżonn lil Joseph Muscat bħala Prim Minsitru u kkompara lil Joseph Muscat ma’ Prim Ministri Nazzjonalisti li kellha Malta. Semma kif kien hemm min qal li l-faqar hu perċezzjoni u semma wkoll numru ta’ miżuri li daħħal il-Gvern Laburista. Qal fost oħrajn li l-mediċini out of stock hi xi ħaġa li kien jemmen fih biss il-PN.
Saħaq li dejjem kulħadd kellu t-tort apparti d-deċiżjonijiet li jieħu l-Prim Ministru Nazzjonalist u sostna li llum il-ġurnata l-affarijiet f’Malta m’għadhomx.
Temma billi appella lill-maġġoranza siekta biex tiġġudika lill-Gvern fuq il-ġid li sar u qal li ħafna iktar ġid għall-familji Maltin u Għawdxin għadu jrid jinħoloq.
Francis Zammit Dimech jgħid li l-istorja għad tiġġudika lil kull membru ta’ dan il-parlament
Qal li jekk qed jaħsbu li l-iskandlu tal-Panama Papers se jisparixxi, għandhom żball. Semma kif in-numru ta’ banek li ppruvaw jiftħu Konrad Mizzi u Keith Schembri tela’ għal disa’, kif ħareġ illum f’artiklu tal-Australian Financial Times.
Saħaq li l-Gvern qed tibni din id-diskussjoni tal-lum fuq il-ħidma tal-Gvern, avolja din m’għandha x’taqsam xejn mal-kwistjoni ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Qal li jekk il-Gvern mhux kapaċi jissostitwixxi lil dawn iż-żewġ persuni, ifisser li mhumiex kapaċi.
"Wara l-vot, il-PL se joħroġ iktar b’saħħtu fil-Gvern" – Roderick Galdes
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li wara l-vot fil-Parlament, il-Gvern Laburista se joħroġ iktar b’saħħtu.
Saħaq li Konrad Mizzi ddikjara l-ftuħ tal-kumpaniji, ma nstabux il-miljuni li allega l-Kap tal-Oppożizzjoni u “ma ġiet ebda prova konkreta quddiem il-Parlament”.
Iddeskriva dak li għaddej bħala mid-term blues u rrefera għal stħarriġ ippubblikat ilbieraħ li juri lill-Prim Ministru jgawdi iktar fiduċja mill-elettorat mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Kellna nuqqasijiet, ma konniex perfetti imma għandna governanza aħjar mil-leġiżlatura ta’ qabel” waqt li saħaq li dan il-Gvern għandu standards għoljin meta mqabbla mal-Gvern preċedenti li “m’għamel xejn meta ffaċċjat b’akkużi simili”.
“Il-Gvern ħa ħsieb li jiżdied ix-xogħol” – Charles Buhagiar
Anke d-deputat Laburista Charles Buhagiar tkellem dwar is-suċċessi ekonomiċi tal-Gvern u tkellem dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema Maltin għall-opportunitajiet tax-xogħol, il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin, u għall-inizjattiva taċ-child care centres b’xejn li għenu biex iktar nisa daħlu fis-suq tax-xogħol.
Iffoka wkoll fuq is-suq tal-propjetà, iż-żieda fil-valur tas-suq illum u ż-żieda fil-kera.
“Qed taħsdu dak li żrajtu, balbuljata” – Ryan Callus
Id-deputat Nazzjonalista rrefera għall-każ, fi kliemu “skandlu”, tal-għoti tal-art fl-inħawi taż-Żonqor mogħtija lil kumpanija barranija. Qal li dakinhar saret l-ewwel protesta nazzjonali li fiha ħadu sehem persuni li kienu vvutaw lill-Partit Laburista waqt li tenna li l-ambjent ingħata l-ġemb mill-Gvern, inkluż bil-qsim tal-MEPA.
Irrefera għall-bord il-ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar u qal li “tistħajlek qiegħed f’kumitat tal-Partit Laburista”, bil-membri kollha maħtura mill-Gvern. Irrefera wkoll għall-Avviż Legali dwar billboards u tabelli tal-ħwienet u qal li issa se jagħmel u-turn oħra. “Qed taħsdu dak li żrajtu, cioè balbuljata” nsista d-deputat Nazzjonalista. 
B’referenza għall-kwistjoni “Panama”, Callus allega li dak li nbena f’25 sena qed jitkisser fi 3 snin u li għaddew 8 ġimgħat mir-rivelazzjonijiet imma ma ġara xejn ħlief ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. 
"Il-mozzjoni tressqet 3 snin tard" – Carmelo Abela
Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja iktar minn 3 snin tard meta taħt l-amministrazzjoni l-oħra kienu ħerġin “allegazzjoni wara l-oħra” dwar korruzzjoni.
Qal li l-Gvern ta l-importanza mistħoqqa lill-mozzjoni waqt li saħaq li l-PN qed jinsa li ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern sħiħ. Spjega li l-argumenti llum huma dwar il-governanza għax in-nies għandhom moħħhom mistrieħ dwar il-kwistjonijiet l-iktar importanti.
“Il-motivazzjoni mhix l-interess nazzjonali jew politika onesta, imma l-interess partiġġjan tal-PN”. Anke hu rrefera għall-iskema ta’ self li nieda l-PN u akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni “b’double standards” u “no standards”.
Waqt li kkwota lil Simon Busuttil li qal li ma jridx elezzjoni għal issa, staqsa għalfejn saret il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern sħiħ u qal li hu u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin kellhom ikunu għal laqgħat importanti barra minn Malta llum imma minflok qiegħdin fil-Parlament minħabba l-mozzjoni. Anke l-Ministru Abela rrefera għal suċċessi tal-Gvern fl-aħħar tliet snin. 
"Konna nonqsu kieku l-mozzjoni saret dwar Konrad Mizzi biss" – Charlò Bonnici
Id-deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici qal li kieku l-PN ressaq mozzjoni fil-Ministru Konrad Mizzi biss kien idawwar wiċċu għal dik li ddeskriva bħala r-responsabiltà tal-Prim Ministru.
Saħaq li mhux aċċettabbli li jkollok Ministru jew Chief of Staff li jiftħu kontijiet sigrieti u qal li ħadd fil-pajjiż ma jemmen il-verżjonijiet ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. “Li kont Prim Ministru jien, kont naġixxi f’sekondi mhux jgħaddu 50 jum u għadu ma sar xejn”. Irrefera wkoll għall-paga ta’ mart Konrad Mizzi u qal li din tqajjem ħafna mistoqsijiet, inkluż ir-riżultati ta’ din il-paga. "Ħadd ma jagħtik €13,000 fix-xahar għal xejn, u ħadd ma jħallik tibqa' għaddej wara paprata bħal din", temm jgħid id-deputat Nazzjonalista.
“Kemm jien kburi li nifforma parti mill-Gvern Laburista” – Silvio Parnis
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta fetaħ l-intervent tiegħu billi ddikjara kemm hu kburi li jifforma parti minn dan il-Gvern waqt li rrefera għall-membri tal-Oppożizzjoni bħala “beati u qaddisin”. Anke d-deputat Laburista rrefera għal katina ta’ inizjattivi suċċess li daħħal il-Gvern Laburista fl-aħħar snin u r-riżultati ekonomiċi. 
Appella biex il-partiti politiċi ma jinħbewx wara bloggers, u ma jattakkawx il-ħajja personali ta’ politiċi nkluż Ministri. 
"Ir-raġuni ma tridx forza" – Jason Azzopardi
Id-deputat Nazzjonalista kkwota l-idjoma Maltija u qal li wieħed ma jridx jisforza ħafna biex iqabbel kif aġixxew membri tal-Partit Laburista qabel u wara l-elezzjoni.
Irrefera għal laqgħat “bil-moħbi” ma’ Gaffarena, mas-sid ta’ Cafè Premier u qal li l-aħħar tliet snin kienu “ta’ skandli li jinvolvu miljuni (ta’ ewro) kbar” li wħud minnhom “innegozja l-Prim Ministru bl-email tiegħu privat”. Staqsa jekk hux ġust li l-Gvern jgħolli t-taxxi u waqt li persuni qrib il-Prim Ministru jiftħu kumpaniji fil-Panama, “il-Prim Ministru stess jgħattilhom”.
Qal li l-mozzjoni mhix biex issir elezzjoni imma biex ikun hemm ħaddieħor li jmexxi l-Partit Laburista. Irrefera għall-każ tiegħu dan l-aħħar u nsista li hu ma daħalx fil-politika biex iħammeġ waqt li ngħaqad mad-deputat Laburista Silvio Parnis kontra l-attakki personali fil-politika. 
“L-Oppożizzjoni, bħall-passat, ma tridx taċċetta riżultat demokratiku” – Chris Agius
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius irrefera għas-snin 80 u qal li dakinhar l-Oppożizzjoni ma kinitx aċċettat riżultat demokratiku, l-istess kif, fi kliemu, sar fl-1998 b’vot ieħor ta’ sfiduċja. Qal li madankollu l-poplu qed japprezza t-titjib li sar fl-aħħar snin fl-ekonomija, fil-qasam tas-saħħa u oħrajn. Anke Chris Agius irrefera għal riżultati pożittivi fil-qasam li hu responsabbli minnu. 
"Għaliex il-Gvern mhux iwieġeb dwar l-iskandlu Panama?" – Marthese Portelli
Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet: Għaliex il-Gvern mhux iwieġeb għad-domandi diretti tal-Oppożizzjoni? Għaliex il-Gvern qed jitkellem dwar kollox minflok l-iskandlu Panama?
Sostniet li mhemm xejn ħażin li l-Gvern jgħid x’għamel imma għandu l-obbligu li ma jippruvax jaħbi dak li hu ħażin.
Insistiet li “Konrad Mizzi u Keith Schembri huma sħab il-Prim Ministru”, li għadu sieket u għadu jipprova jagħti l-impressjoni li mhemm xejn ta’ barra minn hawn.
Anke Portelli rreferiet għal “skandli kbar” fl-aħħar tliet snin u staqsiet għaliex ma jridx jikkundanna lil Mizzi u Schembri.
Irreferiet għar-rapport tal-NAO dwar SOCAR u l-Ażerbajġan u staqsiet għaliex l-informazzjoni mill-Gvern ma kinitx kompluta u sostniet li l-prezzijiet tal-fuel ma traħħsux b’riżultat ta’ dan il-ftehim. Staqsiet x’kien il-bżonn li Mizzi ndaħal direttament fix-xiri ta’ fuel, għaliex ma jridx jippubblika l-ftehim dwar hedging, fejn marru €14-il miljun, waqt li saħqet li llum il-prezz tal-fuel għadu ogħla mill-medja Ewropea. 
“Dan il-vot hu bla bżonn” – Etienne Grech
Id-deputat Laburista ddeskriva l-vot fil-Parlament bħala wieħed ta’ fiduċja fil-Gvern u ta’ sfiduċja fl-Oppożizzjoni, u li hu bla bżonn. Qal li l-pajjiż miexi fuq ir-rubini ekonomikament u f’setturi oħra u l-previżjonijiet huma tajbin. Tenna li l-Gvern hu magħqud u stabbli. 
Staqsa x’se jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-Viċi Kap tiegħu, Mario de Marco, dwar xogħol li sar ħames snin ilu u dwar l-art, fl-2006, li ddaħħlet fl-iskema ta’ żvilupp.
“Il-valuri tal-pajjiż qed imutu” – Robert Cutajar
Id-deputat Nazzjonalista sostna li ħafna qed jaraw id-differenza bejn min jipprova jinqeda bil-politika u min jagħmel politika ta’ servizz. Akkuża lill-Gvern li qed jipprova jaljena lin-nies b’kampanja ta’ nofs veritajiet u staqsa “x’jiswa li jkollok żaqq mimlija meta l-valuri tal-pajjiż qed imutu?”.
Irrefera għall-iskandli li semmew sħabu iktar kmieni u sostna li l-Gvern bidel xi tfisser l-imġiba korretta fil-politika u qed ikompli joħnoq l-indafa fil-politika.
“L-iskandlu tal-Panama hu tal-Panama” – Joe Sammut
Id-deputat Laburista Joe Sammut staqsa għalfejn l-Oppożizzjoni ressqet din il-mozzjoni u għalfejn qed tgħid li l-Prim Ministru m’għamel xejn.
Qal li l-iskandlu tal-Panama, jekk inhu skandlu hu tal-Panama mhux ta’ Malta. Qal li l-Prim Ministru qed jagħmel tajjeb li jieħu l-ħin tiegħu biex isiru r-rapporti u jieħu d-deċiżjonijiet fuq fatti. Qal li trusts huma vejikoli legali biex dak li jkun jużahom għal raġunijiet differenti u li min ipoġġu ġidu fi trust dan ma jibqax tiegħu. 
Claudio Grech jappella għal iktar trasparenza mill-Gvern
Id-deputat Nazzjonalista sostna li ma jeżisti ebda dubju li minħabba l-Panama Papers, Malta għaddejja minn perjodu skomdu li jtappan wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija.
Spjega li kull deputat għandu frustrazzjoni għax ir-reputazzjoni ta’ Malta qed tiġi mminata u l-attività f’Malta ġiet sospiża fl-aħħar ġimgħat.
Tenna li l-Oppożizzjoni ressqet il-mozzjoni biex tintemm l-inċertezza, u talab lill-Gvern iqis iktar il-prinċipju tat-trasparenza hekk kif saħaq li l-Gvern baqa’ s’issa jaħbi d-dettalji ta’ wħud mill-ikbar kuntratti li għamel fl-aħħar snin. Insista li d-dubji ġabhom il-Gvern waħdu minħabba s-segretezza.
"Fil-Kamra tar-Rappreżentanti ħadd mhu kapaċi jagħmel ix-xogħol li qed jagħmel Joseph Muscat" – Deo Debattista
Dwar il-Panama Papers, Deo Debattista (PL) qal li l-Prim Ministru qed jagħrbel is-sitwazzjoni u li fil-ħin opportun mhux se jiddejjaq jieħu deċiżjonijiet ġusti u jagħti soluzzjoni. Sostna li bħalma bħalissa kulħadd qed jitkellem dwar il-Panama Papers, tliet snin ilu, fuq fomm it-tfal tal-iskola kien hemm il-kontijiet, l-Enemalta u l-mediċini out-of-stock.
Deo Debattista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jsolvihom u hekk għamel. Saħaq li l-istess se jagħmel dwar il-Panama Papers.
Saħaq li fil-Kamra tar-Rappreżentanti ħadd mhu kapaċi jagħmel ix-xogħol li qed jagħmel Joseph Muscat.
“Il-laburisti ġenwini għandhom ħafna mistoqsijiet dwar il-Gvern” – Toni Bezzina
Toni Bezzina (PN) qal li l-maġġoranza tal-poplu fosthom il-laburisti ġenwini għandhom ħafna mistoqsijiet.
Jistaqsi jekk hux ġust li l-ħaddiem iż-żgħir u l-familji li qed jgħaddu bil-minimum wage, dejjem jaraw il-pagi jitnaqqsu bl-ispejjeż, imbagħad f’Kastilja jiftħu l-kontijiet u l-kumpaniji sigrieti.
Bezzina jistaqsi wkoll min se jkun il-vuċi tal-poplu jekk mhux l-Oppożizzjoni. 
“Din hi mozzjoni kontra l-poplu kollu” – Justyne Caruana
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana bdiet id-diskors tagħha billi elenkat lista twila ta’ xogħlijiet u inizjattivi li saru mis-Segretarjat tagħha.
Temmet tgħid li għaldaqstant din il-mozzjoni tal-oppożizzjoni hi mozzjoni kontra l-poplu kollu.
Caruana sostniet li hi u sħabha se jivvutaw kontra din il-mozzjoni bil-qalb u b’konvinzjoni, u li se juru fiduċja assoluta fil-Prim Ministru Joseph Muscat u għall-ħidma tal-Gvern.
Kristy Debono tipproponi lill-Gvern jagħmel studju dwar l-effett tal-każ Panama fuq is-servizzi finanzjarji
Kristy Debono (PN) ipproponiet lill-Gvern biex jagħmel studju serju dwar kemm il-każ tal-Panama għamel u qiegħed jagħmel ħsara, fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta.
Saħqet li l-unika soluzzjoni hi li tittieħed azzjoni issa għax il-ħsara li tista’ ssir lill-pajjiż tista’ tkun irreparabbli.
Debono qalet li l-pajjiż jixraqlu Gvern aħjar u semmiet kif politiċi ta’ rieda tajba jinsabu fuq iż-żewġ naħat tal-kamra.
Deborah Schembri telenka lista twila ta’ miżuri li tejbu l-Awtorità tal-Ippjanar
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri (PL) sostniet li “l-pajjiż kellu problemi f’diversi oqsma, u li llum qed naraw ir-riżultati.”
Elenkat lista twila ta’ miżuri li tejbu l-ħidma tal-Awtorità l-ġdida tal-Ippjanar. Fost l-oħrajn semmiet l-app ta’ l-ippjanar li tnediet illum.
"Konvint mid-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru u li se jeħodhom fil-mument opportun" – Charles Mangion
Charles Mangion (PL) assigura lill-poplu li llum il-Gvern ħa jikkonferma li hu aktar b’saħħtu.
Saħaq li hu konvint mid-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru u li se jkun qed jeħodhom fil-mument opportun.
Qal li l-mozzjoni hi żbaljata, u li filwaqt li xogħol l-Oppożizzjoni hu li tikkritika, il-kritika trid tkun kostruttiva.
“L-unika azzjoni tal-PM kienet li kien l-Avukat Difensur ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri” – Paula Mifsud Bonnici
Paula Mifsud Bonnici (PN) qalet li tmien ġimgħat wara li faqqgħet l-istorja, l-unika azzjoni tal-Prim Ministru kienet li kien l-Avukat Difensur ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Saħqet li l-Prim Ministru pprova jgħattilhom u jipprova jiġġustifika l-aġir tagħhom.
Mifsud Bonnici qalet li minflok kien l-avukat difensur għal min qed jaħdem f’kundizzjonijiet prekarji u għal dawk dgħajfa fis-soċjetà, qed jaqbeż għal dawk qrib tiegħu.
Joe Debono Grech isemmi l-kaos li sab Gvern Laburista fl-1971 u fl-2013
F’diskors imqanqal, Joe Debono Grech (PL) mar lura fiż-żmien u semma “t-taħwid li sab l-Partit Laburista meta tela’ fil-Gvern fl-1971.” Fost l-oħrajn irrefera għall-bini tal-port tal-Imġarr u l-bini tal-Isptar ta’ Għawdex.
Mexa ‘l quddiem fiż-żmien u semma l-kaos li sab il-Gvern fl-2013 u staqsa għaliex il-Gvern għandu jkun sfiduċjat u jsemmi t-tkabbir fl-ekonomija u t-tneħħija tal-mediċina out-of-stock.
"Gvern b'4 punctures u bla magna" – Robert Arrigo
B’diskors metaforiku, Robert Arrigo (PN) fakkar kif fi żmien il-Gvern preċedenti kien semma l-islow puncture tal-Gvern.
“Dan il-Gvern għandu erba’ punctures u marret il-magna wkoll. Il-problema hi l-Prim Ministru hu salesman u mhux mekkanik, u għalhekk ma jafx kif se jsolvi l-problema,” żied jgħid Arrigo.
Qal li wara kull salesman għandu jkun hemm servizz ta’ after-sales tajjeb, “imma dan mhux qed narawh.”
Arrigo saħaq li hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjata għax Malta staġnat.
“Għandna naraw fejn inqasna u nirranġaw fejn imxejna ħażin” – Evarist Bartolo
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo rrefera għal inizjattivi tal-Gvern fl-edukazzjoni u fil-qasam tax-xogħol u qal li waqt li pajjiżi oħra mexxew politika ta’ awsterità, Malta ħadmet biex ħolqot soċjetà iktar umana, b’iktar drittijiet u b’ġustizzja soċjali.
Fl-istess ħin qal li “għandna naraw fejn inqasna u fejn imxejna ħażin u nirranġaw fejn imxejna ħażin”.
Filwaqt li saħaq fuq l-importanza tal-fiduċja tal-maġġoranza fil-Parlament, qal li importanti wkoll il-maġġoranza mogħtija miċ-ċittadini hekk kif iddeskriviha bħala “faċli tiksibha imma daqstant ieħor faċli titlifha”.
Appella biex l-affarijiet isiru skont il-korrettezza politika waqt li saħaq li l-isfiduċja fil-politiċi hi ta’ theddida għad-demokrazija u għal soċjetà ġusta. Appella biex il-politika ma titqiesx “bħala ġlieda tal-mudwrestling” waqt li saħaq li kulħadd – Gvern u Oppożizzjoni u l-pajjiż – għandu jagħmel eżami tal-kuxjenza. Akkuża lill-PN li tilef is-sens ta’ proporzjon u perspettiva għax, qal, “l-unika problema għalih hi n-naħa tal-Gvern”.
Tenna li l-PN tilef il-kredibilità għax hu “kontra moħba f’Panama u favur moħba f’Malta” waqt li saħaq li l-Oppożizzjoni qed tikser l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti bl-iskema ta’ self. Appella biex isir ħafna iktar biex fil-pajjiż ikun hawn moralità pubblika li tassew tirrifjuta l-korruzzjoni, mhux meta jaqbel lil dak  li jkun biss. 
Joe Farrugia jgħid li l-Oppożizzjoni qed ittellef lin-negozju
Id-deputat Laburista qal li l-atteġġjament tal-Oppożizzjoni qed itellef lin-negozju waqt li rrefera għall-andament ekonomiku ta’ Malta nkluż iż-żieda fil-bejgħ mill-ħwienet. Qal li l-pajjiż qed jikseb ħafna suċċessi u fadallu iktar x’jikseb, għalhekk il-Parlament se jivvota favur il-Gvern. 
Clyde Puli jgħid li wara 7 sigħat dibattitu ma semax kelliem tal-Gvern dwar x’fehem mill-kwistjoni tal-Panama
Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-Gvern hu nvolut fl-akbar skandlu ta’ korruzzjoni internazzjonali, u li wara 7 sigħat ta’ dibattitu għadu ma semax kelliem wieħed tal-Gvern jispjega dwar x’fehem hu dwar il-kwistjoni tal-Panama.
Anke hu qal li dan l-iskandlu jrid jittieħed fil-kuntest ta’ diversi skandli oħra li fihom kien involut il-Gvern fl-aħħar tliet snin. Qal li l-Gvern qed jipprova jwaħħal f’ħaddieħor imma n-nies taf min qed jagħmel il-ħsara. Qal li l-Oppożizzjoni m’għandhiex l-illużjoni li se tirbaħ il-vot fil-Parlament imma appella lill-Gvern biex ma jaħsibx li l-vot se jserraħ ras il-poplu. “Il-poplu se jixxennaq li jkollu Gvern korrett mhux Gvern korrott”.
Michael Falzon jgħid li l-Gvern għandu jingħata l-fiduċja minħabba dak li għamel
Qal li se jivvota għall-fiduċja tal-Gvern minħabba d-diversi inizjattivi li twettqu s’issa matul il-leġiżlatura u semma diversi fosthom child care b’xejn u tnaqqis tal-bolli għall-ewwel residenza. 
Chris Said jgħid li l-PN kiseb l-approvazzjoni tal-MFSA għall-iskema ta’ self
Id-deputat Nazzjonalista qal li ebda kelliem min-naħa tal-Gvern m’għamel referenza għar-raġuni għaliex tressqet il-mozzjoni ta’ sfiduċja. Sostna li Malta hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn Ministru u Chief of Staff tal-Prim Ministru huma nvoluti fil-Panama Papers, u li l-Prim Ministru m’għamel xejn dwar din il-korruzzjoni “anzi attakka b’mod selvaġġ”.
Qal li l-iskema ta’ self li qed jipproponi l-PN hi skont il-liġi u saħansitra kiteb lill-MFSA qabel nediha biex iġib l-approvazzjoni tagħha. Spjega wkoll li l-PN qed jaċċetta biss ċekkijiet, mhux flus kontanti, biex il-flus jgħaddu bi trasparenza.
Claudette Buttiġieġ tgħid li l-Oppożizzjoni mhux biss tikritika iżda proponiet azzjoni konkreta kontra l-korruzzjoni
Claudette Buttigieg (PN) qalet li l-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi jmissu jistħix li fid-diskors tiegħu, li hija ddeskriviet bħala surreali, ma weriex li ddispjaċih għal dak li għamel, iżda għall-impatt li l-Panama Papers kellhom fuq il-gvern. Hija qalet li l-Oppożizzjoni mhux biss tikkritika iżda qed tkun konkreta u semmiet il-proposti dwar politika onesta. Semmiet proposti dwar obligu legali li deputat jikxef illegalitajiet li jsir kkonxju dwarhom, indipendneza amministrattiva fost l-oħrajn għall-kap taċ-ċivil u l-Kummissajru tal-Pulizzija biex ikunu jistgħu jinvestigaw mingħajr indiħil u kodiċi ta’ etika iżjed qawwi u trasparenza dwar immaniġjar ta’ art pubblika, għall-kuntrarju tal-Gvern li jiffrima kuntratti fi żmien il-Milied jew żmien l-Għid u jaħseb li ħadd mhu se jsir jaf bihom. Qalet li ma tiddejjaqx bil-passat tagħha ta’ kantanta, u għal kummenti ta’ deputati tal-Gvern, offriet li tkanta l-bqija tad-diskors tagħħha!
Franco Merċieca (PL) qal li din hi mozzjoni biex titfa' dell ikraħ fuq Malta u ġġib l-instabbiltà
Franco Mercieca (PL) staqsa għaliex l-Oppożizzjoni ressqet din il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern meta jaf li se titlifha u sostna li dan juri li l-Oppożizzjoni mhux veru jinteressha l-ġid ta’ Malta, iżda ressqet il-mozzjoni biex “titfa’ dell ikrah u tagħmel ħsara lill-pajjiżna… biex iġġibu l-instabbiltà’.
Helena Dalli (PL) qalet li l-PL hu l-partit tal-ugwaljanza
Helena Dalli (PL) qalet li l-Partit Laburista u mhux l-Oppożizzjoni hu l-partit tal-ugwaljanza u rreferiet għal numru ta’ inizjattivi li ħa l-Gvern biex iseddaq l-ugwaljanza fosthom biex jiġi miġġilied il-prekarjat, biex jiżdied l-ugwaljanza għal LGBTIQ  u biex nisa u rġiel ikollhom drittijiet indaqs li jaħdmu.
Michael Farrugia (PL) qal li l-Oppożizzjoni tallega korruzzjoni iżda qatt ma ġabet prova waħda
Il-Ministru għal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali qal li l-Oppożizzjoni qed tuża l-istess strateġija tas-snin tmenin li permezz ta’ protesti fit-toroq u diskorsi barra minn Malta biex gvern elett demokratikament jiġi żbilanċjat. Għal kuntrarju, huwa qal, il-Gvern huwa wieħed pożittiv u tenna diversi ‘kisbiet’ tal-Gvern fosthom li huwa role modell fil-qasam tad-drittijiet ċivili, tkabbir ekonomiku, tnaqqis fin-nies li jiddependu fuq servizzi soċjali. Qal li l-Oppożizzjoni qed tallega korruzzjoni iżda s’issa għada qatt ma ġabet prova waħda.
Leo Brincat (PL) qal li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hi bla biżjoni
Il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat qal li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hi waħda bla viżjoni u l-uniku għan tagħha hi li tiskredita lill-Prim Ministru. Huwa faħħar lill-Prim Ministru li nsista li jieħu d-deċiżjoni biss wara li joħorġu l-fatti.
Chris Cardona (PL) qal li t-tkabbir ekonomiku hu vot ta' fiduċja fil-Gvern
Il-Ministru għall-Ekonomija u Investiment Chris Cardona qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ried ineħħi lid-deputati mexxeja Mario de Marco u Beppe Fenech Adami. Busuttil, qal li Cardona qed jigdeb. Cardona wieġeb li dan juri li Busuttil komdu bid-deputati tiegħu. Qal li l-Oppożizzjoni qed tfittex vot ta’ fiduċja fil-Gvern kollu minkejja s-suċċessi li qed jinkisbu. Fi kliemu, t-tkabbir ekonomiku u l-investiment barrani li nġieb hu vot ta’ fiduċja fil-Gvern.
Edward Scicluna (PL) qal li Malta trid tingħaqad biex tiddefenti l-qasam tas-servizzi finanzjarji
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Panama Papers ma kienux l-ewwel skandlu tax-xorta tagħhom, u f’ċirkustanzi simili, Malta, bħala pajjiż żgħir trid tingħaqad biex waqt li tressaq l-argumenti tagħha, tiddefendi l-vantaġġi tagħha fil-qasam tas-servizzi finanzjarji waqt li turi li lesta tikkumbatti l-evażjoni tat-taxxa. Saħaq li Malta tinsab fost l-aqwa ekonomiji fid-dinja u tenna l-importanza ta’ stabbiltà ekonomika fil-pajjiż. 
Manuel Mallia (PL) qal li l-politiċi jridu jaħdmu biex jiksbu mill-ġdid il-fiduċja tal-pubbliku
Manuel Mallia, qal li t-tfiegħ ta’ tajn fil-politika qed jimminja l-fiduċja fil-politikanti. Huwa saħaq li fil-politka, għall-kuntrarju tal-liġi, mhux il-fatti li jgħoddu iżda dak li jidher u spjega kif spekulazzjoni qerdet il-karriera politika ta’ ħafna u begħdet lill-oħrajn mill-politika. Huwa saħaq li l-politiċi jeħtieġ jaħdmu biex jiksbu lura l-fiduċja tal-pubbliku
Anton Refalo (PL) qal li l-Gvern għandu biex jiftaħar b’dak li nkiseb għal Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li l-Gvern għandu biex jiftaħar b’dak li nkiseb għal Għawdex fosthom bl-investiment mill-Iskola Medika ta’ Bart, u t-tkabbir fin-numru ta’ dawk li żaru Għawdex.
Louis Grech (PL) qal li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hi eżempju ta’ opportuniżmu politiku
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hi eżempju ta’ opportuniżmu politiku u mhux fl-interess nazzjonali. Huwa tenna li l-Panama papers għandu implikazzjonijiet wiesa u saħaq li l-Gvern jeħtieġ jindirizza kwistjonijiet ta’ governanza, evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus. Tenna li l-Gvern se jdaħħal reġistru ta’ kumpanniji involuti f’korruzzjoni u reġistru ta’ trusts barra l-pajjiż.
Mario DeMarco (PN) qal li l-Prim Ministru, flok ma jħares lejn il-ġid tal-pajjiż qed iħares lejn il-ġid ta’ sħabu
Id-Deputat Kap Nazzjonalista Mario DeMarco qal li l-Prim Ministru, flok ma jħares lejn il-ġid tal-pajjiż qed iħares lejn il-ġid ta’ sħabu. Sostna li la l-Ministru Mizzi, la Keith Schembri u lanqas il-Prim Ministru ma jridu jaċċettaw ir-responsabbiltà tagħhom, allura l-Oppożizzjoni ma kellux triq oħra għajr li jiddefendi reputazzjoni tal-pajjiż u jinkoraġġixxi lill-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Akkuża lill-Prim Ministru li minflok ħa dawn id-deċiżjonijiet, “staħba wara l-famuża audit”, mingħajr ma qal min qed jagħmel din il-verifika u sa meta. Saħaq li hu d-dmir tal-Oppożizzjoni li jekk tara żball tikkritikah, inkella tonqos. Saħaq li kulħadd għandu jħossu liberu jikkritika lill-Gvern u ħadd ma għandu jħossu mhedded dwar dan, u kkundanna l-attakki min-naħa tal-Gvern fuq uffiċjali tal-UHM, l-Imħallef Giovanni Bonello u esponenti tal-Oppożizzjoni fosthom lilu stess. Saħaq li personalment, minkejja l-akkużi kontrih, ma għandu bżonn xejn mingħand ħadd u dejjem ħallas kull kont li kellu u xejn mhu se jħammarlu wiċċi.
Godfrey Farrugia (PL) qal li l-kisbiet tal-gvern jitkellmu waħidhom
Il-Whip tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia qal li l-kisbiet tal-gvern jitkellmu waħidhom u taħt l-amministrazzjoni Laburista, Malta qed tieħu nifs ġdid. Saħaq li d-dmir tal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti tmur lill-hinn mill-politika partiġġjana u jeħtieġ li l-politikanti lkoll jaħdmu biex jippromwovu l-morali pubblika.

Newsbook.com.mt se jkun qed ixandar is-sessjoni Parlamentari live filwaqt li se jkun qed jaġġornakom kontinwament mid-9am sal-10pm.