Filmat: Malta ssellem lil Prof. Oliver Friggieri

Funeral mill-Istat ta' Oliver Friggieri

Posted by MaltaGov on Wednesday, November 25, 2020

Read in English.

Prof. Oliver Friggieri, kittieb, poeta, għalliem, u akkademiku, qed jingħata l-aħħar tislima llum b’funeral organizzat mill-istat. Huwa miet nhar is-Sibt li għadda, 21 ta’ Novembru, fl-età ta’ 73 sena.

Il-funeral beda b’korteo funebri li telaq mill-Isptar Mater Dei fis-12.45pm.

LIVE: Jitlaq mill-Isptar Mater Dei l-korteo funebri ta' Prof. Oliver Friggieri: https://bit.ly/3m6ENTR

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, November 25, 2020

Mill-Isptar Mater Dei waqaf l-ewwel fl-Università ta’ Malta, fejn l-istudenti u l-kollegi ta’ Prof. Friggieri kellhom ċans isellmulu għall-aħħar darba.

LIVE: Prof. Oliver Friggieri jingħata l-aħħar tislima mill-istudenti u l-kollegi fl-Università: https://bit.ly/3m6ENTR

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, November 25, 2020

Il-korteo mbagħad għadda minn quddiem ir-residenza tal-kittieb fi Fleur-de-Lys.

Minn Fleur-de-Lys għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Furjana, raħal twelid Friggieri. Ingħatat tislima mill-Kunsill Lokali tal-Furjana u mill-kleru tal-Parroċċa ta’ San Publiju u tpoġġew fjuri mis-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili u mill-Arċipriet Dun Charles Cini.

Imbagħad il-korteo għamel l-aħħar vjaġġ tiegħu lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Ftit wara bdiet quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna. Wieħed mill-koċelebranti kien Fr Herbert Friggieri li huwa ħu l-Professur.

LIVE: Il-korteo funebri jasal il-Konkatidral ta' San Ġwann biex Prof. Oliver Friggieri jingħata l-aħħar tislima: https://bit.ly/3m6ENTR

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, November 25, 2020

Wara li ntemmet il-quddiesa, Dr Immanuel Mifsud, kittieb u lettur fl-Università, qara diskors li kiteb indirizzat lil Prof. Friggieri. F’diskorsu huwa rringrazzja lil mart Friggieri Eileen u lil bint Friggieri Sara, talli dawn mhux biss qasmu lil Oliver mal-kumplament tas-soċjetà f’ħajtu, imma anke f’mewtu.

Imbagħad inqraw xi ħajku mill-pinna ta’ Friggieri mill-attur Mario Micallef, mill-poeta u kollega ta’ Friggieri Prof. Adrian Grima, mid-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar, u mill-eks studenti ta’ Friggieri, Gabriel Lia u Maria Agius.

Bint il-kittieb, Sara Brincat Friggieri, ilbieraħ kitbet messaġġ fuq Facebook li fih skużat ruħha li mhux kulħadd jista’ jattendi l-funeral minħabba ċ-ċirkustanzi kurrenti tal-pandemija.

Hija temmet il-messaġġ tagħha bi kliem imnebbaħ mill-poeżija ta’ Friggieri “Requiem għal Ommi,” billi qalet: “Naf biċ-ċert li kieku l-papà kien preżenti, kien ikun lest iċedi postu u jmur fl-aħħar filliera.”

Oliver Friggieri twieled il-Furjana fl-1947, u studja l-Università ta’ Malta, fejn kiseb Baċellerat tal-Arti fil-Malti, Taljan u l-Filosofija fl-1968 u Masters fl-1975. Kompla l-istudji tiegħu fl-Università Cattolica del Sacro Cuore f’Milan, fejn kiseb Dottorat fil-Letteratura Maltija u fil-Kritika Letterarja.

Huwa qatta’ għexieren ta’ snin jaħdem bħala lekċerer tal-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta, fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti. Kien ukoll Kap tad-Dipartiment għal xi snin.

L-aħbar tal-mewt ta’ Friggieri
Imut il-kittieb u akkademiku Oliver Friggieri

Jibqa’ mfakkar għall-kontribut wiesa’ tiegħu lil-letteratura Maltija: fil-poeżija, fil-proża, fit-teatru, fit-traduzzjoni u fil-kritika letterarja. Fost l-aktar rumanzi popolari tiegħu nsibu L-Istramb, Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri, Il-Gidba u It-Tfal Jiġu bil-Vapuri. Xi poeżiji magħrufin tiegħu huma “Jekk,” “Eh, Forsi,” u “Requiem għal Ommi.”

Versi ta’ Prof. Manwel Mifsud dwar Prof. Oliver Friggieri
“Magħruf imma ma jħobbx jidher” – poeżija dwar Prof. Friggieri