It-tkabbir ekonomiku għal xejn jekk ma titjiebx il-kwalità tal-ħajja – il-PM

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-PM Robert Abela qal li huwa għalxejn jekk ikun hemm tkabbir ekonomiku mingħajr titjib fil-kwalità tal-ħajja,

Abela qal dan waqt laqgħa tal-Kabinet dwar l-ekonomija ta’ Malta u t-tkabbir ekonomiku fil-futur. Il-laqgħa saret fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu l-PM Robert Abela qal li biex pajjiż ikollu ekonomija sostenibbli jrid ikun hemm il-governanza tajba, il-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni, titjib fl-infrastruttura, u biex il-pajjiż isir carbon neutral sal-2050.

“Għal xejn ikun hemm it-tkabbir ekonomiku jekk ma titjiebx il-kwalità tal-ħajja,” qal Abela.

Miguela Xuereb

Abela tkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-coronavirus u l-kontroversja li qamet dwar l-attivitajiet tal-massa li aktarx kienu l-kawża taż-żieda f’salt fil-każi tal-Covid-19. Il-PM qal li Malta trid tkompli tattira turiżmu ta’ livell għoli.

Dwar l-edukazzjoni Abela staqsa dwar jekk l-għalliema humiex preparati u provduti bit-taħriġ neċessarju biex jilqgħu kontra l-isfidi li qed toħloq din il-pandemija. Abela qal li Malta trid tinvesti mhux biss fl-edukaturi imma anke fl-istudenti li fil-futur se jkunu impjegati jew iħaddmu lil xi ħadd.

Abela qal li wasal iż-żmien biex isiru deċiżjonijiet importanti dwar it-titjib tal-infrastruttura Maltija. Tkellem ukoll dwar l-infrastruttura diġitali.

Fi kliem Abela huwa possibli li Malta tilħaq il-mira li ssir carbon neutrla sal-2050, però qal li dan mhux faċli. Qal li Malta trid tagħmel aktar biex tipproteġi l-ambjent. Semma’ mezzi ta’ trasport alternattiv li jniġġsu inqas.

Abela qal ukoll li n-nisa se jkunu fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern biex jiġi assigurat it-tkabbir ekonomiku. Qal li dan mhux għaliex huma nisa imma peress li jemmen li n-niesa jistgħu jagħtu aktar kontribut lejn is-suċċess ekonomiku.

Il-Kamra tal-Kummerċ b’appell għal strateġija fit-tul

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb indirizza wkoll lill-Kabinett u ħeġġeġ lill-Gvern jippjana strateġija għall-ħames snin li ġejjin.

Xuereb qal li l-fatturi ekonomiċi li tkellem dwarhom Abela kollha huma parti mill-viżjoni tal-Kamra. Imbagħad irrefera għat-Think Tank li waqqfet il-Kamra biex isir studju u jiġu proposti soluzzjonijiet għal futur sostenibbli, reżiljenti, u kompetittiv għal Malta.