L-iżviluppaturi ma jweġbux “iridux proġett bħal tal-ITS ħdejn darhom”

Waqt laqgħa storbjuża, l-iżviluppaturi tal-proġett fuq is-sit tal-ITS ma weġbux għad-domanda li saritilhom jekk iridux proġett bħal dak sitt metri ‘l bogħod mid-dar tagħhom.

Illejla saret laqgħa fl-Iskola Primarja ta' Pembroke bejn id-DB Group bħala l-iżviluppatur tal-proġett propost fuq is-sit tal-ITS f'Pembroke u r-residenti ta' Pembroke. 
Ir-residenti ta' Pembroke u tal-madwar ġew mgħarrfa li din il-laqgħa ssejħet bil-għan li r-residenti jkunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom dirett lill-iżviluppatur biex dan ikun jista' jindirizzahom.
L-iżviluppaturi qalu li sakemm isir il-proġett qed jipproponu li jiftħu biċċa art fil-qrib biex ir-residenti jkunu jistgħu jipparkjaw. Qalu li hemm spazju għal madwar 99 karozza. Mill-banda l-oħra, xi membri tal-pubbliku rrimarkaw li din hija art pubblika.
L-iżviluppaturi qalu li n-numru ta’ karozzi li se jmorru lejn il-kumpless se jkun ta’ madwar 3,700. Ir-residenti qalu li diġà hemm problema ta’ traffiku li se tmur għall-agħar grazzi għall-proġett.
Skont l-iżviluppaturi, mhux se jkun hemm trab mis-siment li se jintuża’. Qalu li ż-żrar se jkun mgħotti f’imħażen apposta. Qalu ukoll li se jsir riċiklaġġ tal-materjal. L-eks Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li hemm rapport tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jiċħad li l-materjal kollu se jiġi riċiklat. Qal li l-istess rapport jindika li l-proġett se joħloq impatt viżiv enormi fuq Malta kollha.
Intqal li se jkun hemm mina li tgħaqqad il-proġett mat-triq ta’ San Indrija li mhux se taffetwa lir-residenti.
L-iżviluppaturi ġew akkużati li mhux qed jagħtu każ lin-nies. Il-membri tal-pubbliku qalulhom li kieku huma kienu residenti tal-Pembroke kienu jkunu bilqiegħda magħhom u mhux fuq il-palk.
Kien hemm min qal li kieku l-iżviluppaturi kienu serji, kienu jibdew mill-bini tal-mina qabel ma jibda jinbena l-proġett. Andrè Callus mill-Moviment Graffiti qal li din kienet mina fantażma u gidba. Sfida lill-iżviluppaturi jgħidu jekk kienx hemm garanzija li se ssir u li jekk iva, min se jkun qed iħallas għaliha.
Callus qal li filwaqt li l-iżviluppaturi kienu se jdaħħlu €200 miljun mill-bejgħ tal-appartamenti, ir-residenti kienu se jieħdu biss dellijiet. “Għal flus tridu tidnfnu lin-nies ħajjin” kompla jgħid Callus.
Punti oħra li tqajjmu min-nies:

  • “Mill-esperjenza tiegħi bħala ċittadin Malti, dan il-proġett mhux se jdum sentejn biss biex jinbena”
  • “Bil-lejl mhux se norqdu bit-trakkijiet deħlin u ħerġin”
  • “Proġett ġennata mingħajr benefiċċju għar-residenti…benefiċċju biss għall-but tagħkom” – Deputat tal-PN Karol Aquilina
  • “Iddiżappuntat b'kif qed tintuża’ l-liġi tal-ippjanar” – Perit
  • “Proġett li se joħloq il-vittmi minħabba ftit nies”
  • “Minn 12 il-persuna fis-social impact assessment, it-12 kienu kontra

Kien hemm ukoll min allega li kien hemm pjan biex ma jaslux reklami tal-laqgħa fil-blokok tar-residenti li joqgħodu l-aktar qrib tal-proġett. Membru tal-Kunsill ċaħad li kien hemm xi aġenda moħbija.
Dwar is-social impact assessment, il-Perit tal-proġett qal li dan sar ma’ 40 persuna u mhux 12. Qal li sar skont il-linji gwida li hemm.
L-iżviluppaturi ddefendew ukoll ruħom fil-laqgħa billi qalu li kien hareġ tender pubbliku għal dan il-proġett u li huma kienu sempliċiment parteċipanti.
Mijiet ta’ firmatarji diġà opponew formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-iżvilupp propost.
Iċ-ċans biex wieħed joġġezzjona għal dan l-iżvilupp huwa parti mill-proċess rekwiżit mill-Awtorità tal-Ippjanar, u l-oġġezzjoni ġiet sottomessa mir-residenti ta’ Pembroke.
Il-firmatarji qed jgħidu li dan il-proġett massiċċ jikser diversi liġijiet u regoli eżistenti tal-Awtorità stess, filwaqt li l-effetti tat-torri u l-lukanda proposti, fost binjiet oħra, se jkunu devastanti fuq ir-residenti u l-ambjent.
Wara l-laqgħa, Callus qal ma' Newsbook.com.mt li deher ċar li r-residenti huma rrabjati u allarmati. Qal ukoll li ħarġet l-arroganza tal-iżviluppatur "li qisu għandu xi dritt divin li jħarbat il-ħajjiet tar-residenti biex jagħmel il-milljuni."
FB Live: Leon Xuereb