Filmat: Id-dawl tal-Milied għandu jkun sinjal tal-veru ferħ – L-Arċisqof

L-Arċisqof għadda l-pussess tal-Parroċċa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema f’Ħal Għaxaq lil Fr Andrew Schembri

L-Arċisqof Charles Scicluna awgura li d-dwal li jinxtegħlu fi żmien il-Milied biex iżejnu t-toroq u d-djar ikunu sinjal ta’ dik il-fjamma ta’ fidi, tama u mħabba li tassew iħeġġu u jimlew il-qlub bil-veru ferħ tal-Milied.

Dan qalu waqt iċ-ċelebrazzjoni tat-tielet Ħadd tal-Avvent, li matulha, l-Arċisqof għadda l-pussess tal-parroċċa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema f’Ħal Għaxaq lil Fr Andrew Schembri.

Iċ-ċelebrazzjoni saret fil-Kappella ta’ Santu Kristu f’Ħal Għaxaq. Waqt l-omelija, Mons. Arċisqof stqarr “kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna f’dan l-istaġun tal-avvent, bl-għożża ta’ bejnietna, bl-maħfra u l-paċenzja li nieħdu b’xulxin, minflok nitfgħu l-ixrar li jkun hemm fl-individwu, inħeġġuha u nixegħluha.”

L-Arċisqof dar fuq Fr Andrew u qallu “J’Alla int u tiltaqa’ fil-parroċċa għażiża li bagħtek biex tkun ir-ragħaj tagħha, kull meta tiltaqa’ ma’ fjamma tnemnem mhux titfiha iżda tgħinha tikber u tixgħel.”

It-Tielet Ħadd tal-Avvent

F’dan iż-żmien tal-Avvent, is-saċerdot jilbes il-lewn vjola b’sinjal ta’ ċaħda bħalma jsir fir-Randan. Dan għax l-Avvent huwa żmien ta’ stennija u tħejjija. B’danakollu, fit-tielet Ħadd tal-Avvent is-saċerdot jilbes ir-roża b’sinjal ta’ ferħ, wara kollox il-miġja tal-Mulej għandha tkun miġja ta’ ferħ għax ma’ din il-miġja hemm marbuta s-salvazzjoni.

Fil-Vanġelu, anke Ġwanni l-Battista jifraħ u dan għax dak li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu, dak li jsalva, Ġesù, kien wasal biex jibda l-missjoni tiegħu fost il-bnedmin b’risq l-imjassrin u l-maħqurin, b’risq l-għomja, il-foqra u l-ikkalzrati.